Il-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja tal-lum

Print Friendly, PDF & Email

Ara d-dokument pdf …

RELAZZJONI FINALI TAS-SINODU TA’ L-ISQFIJIET LILL-PAPA FRANĠISKU. L-XIV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja fuq it-tema

Il-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja tal-lum”

(4-25 ta’ Ottubru 2015)

 WERREJ

 

INTRODUZZJONI

 

L-EWWEL PARTI

IL-KNISJA LI TISMA’ LILL-FAMILJA

 

Kapitlu I

Il-familja u l-kuntest antropoloġiku-kulturali

 

Il-kuntest soċjo-kulturali

Il-kuntest reliġjuż

Il-bidla antropoloġika

Il-kontradizzjonijiet kulturali

Kunflitti u tensjonijiet soċjali

Id-dgħufija u l-qawwa tal-familja

 

Kapitlu II

Il-familja u l-kuntest soċjo-ekonomiku

 

Il-familja riżorsa unika tas-soċjetà

Politika favur il-familja

Solitudni u prekarjetà

Ekonomija u ugwaljanza

Faqar u esklużjoni

Ekoloġija u familja

 

Kapitlu III

Familja, inklużjoni u soċjetà

 

It-tielet età

Ir-romol

L-aħħar staġun tal-ħajja u l-luttu fil-familja

Persuni bi bżonnijiet speċjali

Il-persuni mhux miżżewġa

Immigranti, refuġjati, ippersegwitati

Xi sfidi partikulari

It-tfal

Il-mara

Ir-raġel

Iż-żgħażagħ

 

Kapitlu IV

Familja, affettività u ħajja

 

Ir-rilevanza tal-ħajja affettiva

Il-formazzjoni tad-don tal-persuna nfisha

Dgħufija u immaturità

Teknoloġija u prokreazzjoni umana

L-isfida tal-pastorali

 

IT-TIENI PARTI

IL-FAMILJA FIL-ĦSIEB TA’ ALLA

 

Kapitlu I

Il-familja fl-istorja tas-salvazzjoni

 

Il-pedagoġija divina

L-ikona tat-Trinità fil-familja

Il-familja fl-Iskrittura Mqaddsa

Ġesù u l-familja

 

Kapitlu II

Il-Familja fil-Maġisteru tal-Knisja

 

It-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II

Pawlu VI

Ġwanni Pawlu II

Benedittu XVI

Franġisku

 

Kapitlu III

Il-familja fit-tagħlim Nisrani

 

Iż-żwieġ fl-ordni tal-ħolqien u milja sagramentali

Indissolubbiltà u frott ta’ l-għaqda fiż-żwieġ

Il-ġid tal-familja

Verità u ġmiel tal-familja

 

Kapitlu IV

Lejn il-milja ekkleżjali tal-familja

 

Ir-rabta qawwija bejn Knisja u familja

Il-grazzja tal-konverżjoni u tat-twettiq

Il-ħniena fil-qalba tar-Rivelazzjoni

 

IT-TIELET PARTI

IL-MISSJONI TAL-FAMILJA

 

Kapitlu I

Il-formazzjoni tal-familja

 

It-tħejjija għaż-żwieġ

Iċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ

L-ewwel snin tal-ħajja tal-familja

Il-formazzjoni tal-presbiteri u ta’ operaturi pastorali oħra

 

Kapitlu II

Familja, tnissil, edukazzjoni

 

It-trasmissjoni tal-ħajja

Ir-responsabbiltà tat-tnissil

Il-valur tal-ħajja fil-fażijiet kollha tagħha

Adozzjoni u fostering

L-edukazzjoni ta’ l-ulied

 

Kapitlu III

Familja u tisħib pastorali

 

Qagħdiet kumplessi

Tisħib f’diversi sitwazzjonijiet

Dixxerniment u integrazzjoni

 

Kapitlu IV

Familja u evanġelizzazzjoni

 

L-ispiritwalità tal-familja

Il-famlja suġġett tal-pastorali

Ir-relazzjoni mal-kulturi u ma’ l-istituzzjonijiet

Il-ftuħ għall-missjoni

 

KONKLUŻJONI

Talba lill-Familja Mqaddsa

 

TAQSIRIET

 

AA Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Apostolicam Actuositatem (18 ta’ Novembru 1965)
AG Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Ad Gentes (7 ta’ Diċembru 1965)
CiV Benedittu XVI, Ittra enċiklika Caritas in Veritate (29 ta’ Ġunju 2009)
DC Kunsill Pontifiċju għat-Testi Leġislattivi, Istruzzjoni Dignitas Connubii (25 ta’ Jannar 2005)
DCE Benedittu XVI, Ittra enċiklika Deus Caritas Est (25 ta’ Diċembru 2005)
DeV San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Dominum et Vivificantem (18 ta’ Mejju 1986)
GS Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes (7 ta’ Diċembru 1965)
EdE San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Ecclesia de Eucharistia (17 ta’ April 2003)
EG Franġisku, Eżortazzjoni appostolika Evangelii Gaudium (24 ta’ Novembru 2013)
EN Il-Beatu Pawlu VI, Eżortazzjoni appostolika Evangelii Nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975)
EV San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Evangelium Vitæ (25 ta’ Marzu 1995)
FC San Ġwanni Pawlu II, Eżortazzjoni appostolika Familiaris Consortio (22 ta’ Novembru 1981)
IL It-III Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, L-isfidi pastorali dwar il-familja fil-kuntest ta’ l-evanġelizzazzjoni, Instrumentum Laboris (24 ta’ Ġunju 2014)
KKK Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (15 ta’ Awwissu 1997)
LF Franġisku, Ittra enċiklika Lumen Fidei (29 ta’ Ġunju 2013)
LG Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen Gentium (21 ta’ Novembru 1964)
LS Franġisku, Ittra enċiklika Laudato Si (24 ta’ Mejju 2015)
MV Franġisku, Bolla Misericordiæ Vultus (11 ta’ Apirl 2015)
NA Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Nostra Ætate (28 ta’ Ottubru 1965)
NMI San Ġwanni Pawlu II, Ittra appostolika Novo Millennio Ineunte (6 ta’ Jannar 2001)
RM San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptoris Missio (7 ta’ Diċembru 1990)
VS San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Veritatis Splendor (6 ta’ Awwissu 1993)

 

INTRODUZZJONI

 

  1. Aħna l-Padri, miġbura f’Sinodu madwar il-Papa Franġisku, irroddulu ħajr li sejħilna biex nirriflettu flimkien miegħu, u taħt it-tmexxija tiegħu, fuq il-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja l-lum. Lilu b’umiltà noffru l-frott tal-ħidma tagħna, fl-għarfien tal-limiti tagħha.  Madankollu, nistgħu nistqarru li dejjem żammejna quddiem għajnejna lill-familji tad-dinja, bil-ferħ u t-tamiet tagħhom, bin-niket u l-uġigħ tagħhom.  Id-dixxipli ta’ Kristu jafu li “ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f’qalbhom.  Għaliex il-komunità tagħhom hija magħmula minn bnedmin li, magħqudin flimkien fi Kristu, huma mmexxija mill-Ispirtu s-Santu fil-pellegrinaġġ tagħhom lejn is-Saltna tal-Missier u rċevew  messaġġ ta’ salvazzjoni biex iwassluh lil kulħadd.  Għalhekk din il-komunità tħoss ruħha magħquda tassew b’manjiera intima mal-ġens tal-bniedem u ma’ l-istorja tiegħu” (GS, 1).  Irroddu ħajr lil Alla għall-fedeltà ġeneruża li biha tant familji Nsara jwieġbu għas-sejħa u l-missjoni tagħhom, imqar quddiem ix-xkiel, it-tbatija u meta jsibu min ma jifhimhomx.  Lil dawn il-familji tagħmlilhom il-qalb il-Knisja kollha li, imxierka ma’ Sidha u mwieżna mill-għemil ta’ l-Ispirtu, taf li għandha kelma ta’ verità u ta’ tama xi twassal lill-bnedmin kollha.  Dan fakkru l-Papa Franġisku fiċ-ċelebrazzjoni li biha fetħet l-aħħar parti ta’ din il-mixja sinodali ddedikata lill-familja: “Alla ma ħalaqx lill-bniedem biex jgħix imdejjaq jew biex jibqa’ waħdu, imma biex ikun hieni, biex jaqsam il-mixja tiegħu mal-persuna l-oħra li tkun kumplimentari għalih […].  Dan hu l-istess pjan li Ġesù […] jiġbor f’dawn il-kelmiet: ‘Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.  Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed.  Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed’ (Mk 10:6-8; ara Ġen 1:27, 2:24)”.  Alla “jgħaqqad il-qlub ta’ raġel u ta’ mara li jinħabbu u jseħibhom fl-għaqda u l-indissolubbiltà.  Dan ifisser li l-għan tal-ħajja konjugali m’huwiex biss li jgħixu flimkien għal dejjem, imma li jinħabbu għal dejjem!  Ġesù hekk jerġa’ jwaqqaf l-ordni li kien hemm fil-bidu u li minnu beda kollox.  […] il-ġenn li hemm fl-għotja b’xejn ta’ l-imħabba konjugali u unika usque ad mortem nistgħu nifhmuh biss fid-dawl tal-ġenn ta’ l-għotja b’xejn ta’ l-imħabba li wriena Ġesù fl-Għid tiegħu” (Omelija fil-Quddiesa tal-ftuħ tas-Sinodu, 4 ta’ Ottubru 2015).

 

  1. Ġuf li jħaddan kemm il-ferħ u kemm il-provi, il-familja hi l-ewwel “skola ta’ umanità” fundamentali (ara GS, 52). Minkejja s-sinjali ta’ kriżi fl-istituzzjoni tal-familja, fid-diversi kuntesti x-xewqa għal familja tibqa’ ħajja fil-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. Il-Knisja, esperta fl-umanità u fidila lejn il-missjoni tagħha, tħabbar b’konvinzjoni profonda l-“Vanġelu tal-familja”: li hi rċivietha bir-Rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu u għallmitha bla waqfien permezz tal-Padri, ta’ l-Imgħallma ta’ spiritwalità u tal-Maġisteru tagħha.  Għall-mixja tal-Knisja l-familja għandha importanza speċjali: “Daqshekk kienet kbira l-imħabba ta’ Alla li Hu beda miexi mal-bnedmin, beda miexi mal-poplu tiegħu sakemm wasal il-waqt li jagħti l-akbar sinjal  ta’ mħabbtu: Ibnu.  U fejn bagħat lil Ibnu?  F’palazz?  F’belt?  Bagħtu f’xi intrapriża?  Bagħtu f’familja.  Alla daħal fid-dinja permezz ta’ familja.  U seta’ jagħmel dan għax dik il-familja kellha qalbha miftuħa għall-imħabba, kellha l-bibien miftuħa” (Franġisku, Diskors fil-Festa tal-Familji, Philadelphia, 27 ta’ Settembru 2015).  Il-familji tal-lum qed jiġu mibgħuta bħala “dixxipli missjunarji” (ara EG, 120).  F’dan is-sens hu meħtieġ li l-familja terġa’ tiskopri lilha nfisha bħala suġġett neċessarju għall-evanġelizzazzjoni.

 

  1. Il-Papa sejjaħ lis-Sinodu ta’ l-Isqfijiet biex jirrifletti fuq ir-realtà tal-familja. “Diġà l-convenire in unum madwar l-Isqof ta’ Ruma hi ġrajja ta’ grazzja, fejn il-kolleġġjalità episkopali tidher f’mixja ta’ dixxerniment spiritwali u pastorali” (Franġisku, Diskors fl-okkażjoni tal-Velja ta’ talb bi tħejjija għas-Sinodu Straordinarju fuq il-familja, 4 ta’ Ottubru 2014).  Fi żmien sentejn, iltaqgħu l-Assemblea Ġenerali Straordinarja (2014) u l-Assemblea Ġenerali Ordinarja (2015), li ħadu f’idejhom il-ħidma li jaqraw is-sinjali ta’ Alla u ta’ l-istorja tal-bnedmin, fil-fedeltà lejn il-Vanġelu.  Il-frott ta’ l-ewwel appuntament sinodali, li fih il-Poplu ta’ Alla ta s-sehem importanti tiegħu, ħareġ fir-Relatio Synodi.  Id-djalogu u r-riflessjoni tagħna tnebbħu minn atteġġjament tripliku.  Is-smigħ tar-realtà tal-familja l-lum, fil-perspettiva tal-fidi, bil-kumplessità tad-dwal u d-dellijiet tagħha.  Il-ħarsa fuq Kristu, biex inħarsu b’mod imġedded, frisk u mħeġġeġ lejn ir-Rivelazzjoni, mgħoddija lilna fil-fidi tal-Knisja.  Il-konfront fl-Ispirtu s-Santu, biex niddixxernu t-toroq li bihom inġeddu lill-Knisja u lis-soċjetà fl-impenn tagħhom b’riżq il-familja msejsa fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara.  It-tħabbira Nisranija li tolqot lill-familja hi tabilħaqq bxara tajba.  Il-familja, barra li hi mħeġġa twieġeb għall-isfidi tal-ħajja ta’ kuljum, hi fuq kollox imsejħa minn Alla biex dejjem tagħraf iżjed l-identità missjunarja tagħha.  L-Assemblea Sinodali stagħniet bil-preżenza ta’ koppji u ta’ familji f’dibattitu li jolqothom direttament.  Waqt li ngħożżu l-frott prezzjuż ta’ l-Assemblea ta’ qabel, iddedikata lill-isfidi tal-familja, xħitna ħarsitna fuq il-vokazzjoni u l-missjoni tagħha fil-Knisja u fid-dinja ta’ żmienna.

 

L-EWWEL PARTI

IL-KNISJA LI TISMA’ LILL-FAMILJA

 

  1. Il-misteru tal-ħolqien tal-ħajja fuq din l-art jimlina bl-ammirazzjoni u l-istagħġib. Il-familja msejsa fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara hi l-post mill-isbaħ ta’ l-imħabba personali li minnha tgħaddi l-ħajja, u dan xejn ma jista’ jeħodlu postu.  L-imħabba ma titbaxxiex għall-illużjoni tal-mument, l-imħabba m’hix għan fih innifsu, l-imħabba tfittex li tistrieħ fuq “int” personali.  Fil-wegħda reċiproka ta’ mħabba, fir-riżq it-tajjeb u l-ħażin, l-imħabba tfittex kontinwità ta’ ħajja, sal-mewt.  Ix-xewqa fundamentali li nsawru x-xibka ta’ mħabba li hi l-familja, b’saħħitha u għaddejja minn ġenerazzjoni għall-oħra, għadha sħiħa u kostanti, lil hemm mill-ħitan kulturali u reliġjużi u l-bidliet soċjali.  Fil-libertà ta’ l-“iva” li r-raġel u l-mara jagħtu lil xulxin għal ħajjithom kollha, tidher u huma jduqu l-imħabba ta’ Alla.  Għall-fidi Kattolika ż-żwieġ hu sinjal qaddis li fih issir effikaċi l-imħabba ta’ Alla għall-Knisja tiegħu.  Il-familja Nisranija għalhekk hi parti mill-Knisja ħajja: “Knisja tad-dar”.

 

Il-koppja u l-ħajja fiż-żwieġ m’humiex realtajiet fl-arja, u għalhekk jibqgħu imperfetti u vulnerabbli.  Għalhekk dejjem hemm bżonn tar-rieda li wieħed jikkonverti, li jaħfer u li jibda mill-ġdid.  Fir-responsabbiltà tagħna, bħala Ragħajja, aħna nitħassbu għall-ħajja tal-familji.  Nixtiequ nagħtu widen għar-realtajiet ta’ ħajjithom u l-isfidi tagħhom, u nseħbuhom bil-ħarsa kollha mħabba tal-Vanġelu.  Nixtiequ nsaħħuhom u ngħinuhom jifhmu l-missjoni tagħhom il-lum.  Nixtiequ nimxu magħhom b’qalb kbira anki fl-inkwiet tagħhom, u nagħtuhom il-kuraġġ u t-tama li ġejjin mill-ħniena ta’ Alla.

 

Kapitlu I

Il-familja u l-kuntest antropoloġiku-kulturali

 

Il-kuntest soċjo-kulturali

  1. Doċli għal dak li l-Ispirtu s-Santu jitlob minna, nersqu għand il-familji tal-lum fid-diversità li teżisti fihom, għax nafu li “Kristu, Adam il-ġdid […] juri għal kollox il-bniedem lill-bniedem stess” (GS, 22). Indawru ħarsitna fuq l-isfidi ta’ żmienna li qed iħallu l-effett tagħhom fuq bosta aspetti tal-ħajja.  Aħna nafu bl-orjentament prinċipali tal-bidliet antropoloġiċi-kulturali, li mħabba fihom l-individwi jħossuhom inqas imwieżna milli kienu qabel mill-istrutturi soċjali fil-ħajja affettiva u familjari tagħhom.  Min-naħa l-oħra, irridu nqisu wkoll bl-istess mod l-iżviluppi ta’ individwaliżmu esaġerat li qed ixejjen ir-rabtiet familjari, u jtella’ fuq pedestall l-idea ta’ suġġett li jibni lilu nnifsu skond ix-xewqat tiegħu, hekk li jdgħajjef kull rabta.  Jiġuna f’moħħna l-ommijiet u l-missirijiet, in-nanniet, l-aħwa, il-qraba ta’ ġewwa u mbiegħda, u r-rabta bejn żewġ familji li tinseġ kull żwieġ.  Imma ma rridux ninsew ir-realtà ħajja: il-qawwa tar-rabtiet bejn il-familji qed tissokta kullimkien iżżomm id-dinja ħajja.  Għadha kbira d-dedikazzjoni għall-għożża tad-dinjità ta’ kull persuna – raġel, mara u tfal –, tal-gruppi etniċi u tal-minoranzi, kif inhi wkoll għall-ħarsien tal-jeddijiet ta’ kull bniedem li jikber f’familja.  Ma nkunux fidili lejhom jekk ma ntennux il-konvinzjoni ċara tal-valur tal-ħajja tal-familja, billi nafdaw b’mod partikulari fid-dawl tal-Vanġelu anki fid-diversi kulturi.  Nafu bil-bidliet qawwija li ċ-ċaqliq antropoloġiku kulturali li għaddej qed iġib fl-aspetti kollha tal-ħajja, u nibqgħu għal kollox persważi li l-familja hi don ta’ Alla, il-post fejn Hu juri l-qawwa tal-grazzja salvifika tiegħu.  Anki l-lum il-Mulej isejjaħ lir-raġel u lill-mara għaż-żwieġ, iseħibhom fil-ħajja familjari tagħhom u jingħata f’idejhom bħala don li ma tistax tfissru bil-kliem; hu wieħed mis-sinjali taż-żminijiet li l-Knisja hi msejħa tgħarbel u taqra “fid-dawl ta’ l-Evanġelju, u hekk, b’manjiera addattata għal kull ġenerazzjoni, tkun tista’ twieġeb għal dak li l-bnedmin dejjem jistaqsu dwar is-sens tal-ħajja ta’ issa u tal-ħajja li għad trid tiġi, u kif dawn għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin.  Għalhekk jeħtieġ tagħraf u tifhem id-dinja li fiha ngħixu u wkoll it-tamiet tagħha, ix-xewqat tagħha u x-xejra, spiss drammatika, tagħha” (GS, 4).

 

Il-kuntest reliġjuż

  1. Il-fidi Nisranija hi ħajja u qawwija. F’xi reġjuni tad-dinja, qed naraw tnaqqis fl-influwenza reliġjuża fl-ispazju soċjali, li jħalli l-effett tiegħu fuq il-ħajja tal-familji.  Dan l-orjentament jipprova jillimita d-dimensjoni reliġjuża għall-isfera privata u familjari, u jirriskja li jxekkel ix-xhieda u l-missjoni tal-familji Nsara fid-dinja tal-lum.  Fil-kuntesti soċjali ta’ l-avvanz fil-ġid, il-persuni qed jirriskjaw li jqiegħdu kull tama tagħhom fir-riċerka bla nifs għal suċċess soċjali u tal-ġid ekonomiku.  F’reġjuni oħra tad-dinja, l-effetti negattivi ta’ ordni ekonomiku dinji inġust iwasslu għal għamliet ta’ reliġjożità esposti għal estremiżmi settarji u radikali.  Ta’ min isemmi wkoll il-movimenti misjuqa mill-fanatiżmu politiku-reliġjuż, spiss ostili għall-Kristjaneżmu.  Joħolqu instabbiltà u jiżirgħu d-diżordni u l-vjolenza, u hekk huma kawża ta’ tant miżerji u tbatija għall-ħajja tal-familji.  Il-Knisja hi msejħa ssieħeb ir-reliġjożità li jgħixu l-familji biex tagħtiha direzzjoni lejn sens Evanġeliku.

 

Il-bidla antropoloġika

  1. Fid-diversi kulturi, ir-relazzjoni u l-appartenenza huma valuri importanti li jsawru l-identità ta’ l-individwi. Il-familja toffri l-possibbilità lill-persuna li tilħaq il-milja tagħha u tagħti sehemha fl-iżvilupp ta’ l-oħrajn fis-soċjetà usa’.  L-istess identità Nisranija u ekkleżjali li wieħed jirċievi fil-Magħmudija twarrad fil-ġmiel tal-ħajja tal-familja.  Fis-soċjetà tal-lum qed nosservaw għadd ta’ sfidi li jidhru b’mod ikbar jew inqas f’bosta rkejjen tad-dinja.  Fid-diversi kulturi, mhux ftit żgħażagħ qed juru reżistenza għall-impenji defenittivi dwar ir-relazzjonijiet affettivi, u spiss jagħżlu li jgħixu ma’ sieħeb jew sieħba jew sempliċement li jidħlu f’relazzjonijiet okkażjonali.  It-tnaqqis fir-rata tat-twelid hu frott bosta fatturi, fosthom l-industrijalizzazzjoni, ir-rivoluzzjoni sesswali, il-biża’ li l-popolazzjoni taqbeż il-limiti, il-problemi ekonomiċi, u l-iżvilupp ta’ mentalità kontraċettiva u abortista.  Is-soċjetà tal-konsumi tista’ wkoll taqta’ qalb il-persuni milli jġibu l-ulied fid-dinja anki sempliċement minħabba l-fatt li jridu jħarsulhom il-libertà tagħhom u l-istil ta’ ħajjithom.  Xi Kattoliċi jsibuha bi tqila jgħixu ħajjithom fi qbil mat-tagħlim tal-Knisja Kattolika fuq iż-żwieġ u l-familja, u biex jaraw f’dan it-tagħlim it-tjieba tal-pjan ħallieq ta’ Alla għalihom.  Iż-żwiġijiet f’xi partijiet tad-dinja qed jonqsu, waqt li s-separazzjonijiet u d-divorzji m’humiex ħaġa rari.

 

Il-kontradizzjonijiet kulturali

  1. Il-kundizzjonijiet kulturali li qed jolqtu lill-familja f’ħafna partijiet kbar tad-dinja juruna kwadru kuntrastanti, anki taħt l-influwenza qawwija tal-midja. Minn naħa, iż-żwieġ u l-familja jgawdu stima kbira u sa issa għadha dominanti l-idea li l-familja tirrappreżenta l-port żgur tas-sentimenti l-iżjed profondi u li l-aktar iferrħu lill-bniedem.  Min-naħa l-oħra, din ix-xbieha xi kultant hi minsuġa wkoll minn xewqat eċċessivi u, b’konsegwenza, pretensjonijiet reċiproċi esaġerati.  It-tensjoni li toħloq kultura individwalistika esaġerata li tfittex dejjem li takkwista u tgawdi, tiġġenera fi ħdan il-familji tagħna dinamika ta’ intolleranza u ta’ vjolenza.  Nistgħu nsemmu wkoll ċerta viżjoni tal-femminiżmu, li teħodha kontra l-maternità għax taraha bħala pretest għall-isfruttament tal-mara u xkiel għar-realizzazzjoni sħiħa tagħha.  Għandna mbagħad it-tendenza dejjem tikber li naraw it-tnissil ta’ l-ulied bħala sempliċi strument biex naffermaw lilna nfusna, u li għalhekk għandna niksbuh b’kull mezz possibbli.

 

Sfida kulturali importanti ta’ żmienna toħroġ minn dik l-ideoloġija tal-“ġender” li tiċħad id-differenza u r-reċiproċità naturali bejn raġel u mara.  Li għandha f’moħħha hi soċjetà bla differenzi ta’ sess, u trid tbattal il-bażi antropoloġika tal-familja.  Din l-ideoloġija twassal għal proġetti edukattivi u orjentamenti leġislattivi li jippromovu identità personali u intimità affettiva li minn għeruqhom huma maqtugħa mid-diversità bijoloġika bejn raġel u mara.  L-identità umana titħalla f’idejn għażla individwalista, li tinbidel ukoll maż-żmien.  Fil-viżjoni tal-fidi, id-differenza sesswali umana ġġorr fiha s-sura u x-xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1:26-27).  “Dan jurina li mhux biss ir-raġel waħdu hu xbieha ta’ Alla, mhux biss il-mara waħidha hi xbieha ta’ Alla, imma anki r-raġel u l-mara, bħala koppja, huma xbieha ta’ Alla. […] Nistgħu ngħidu li mingħajr l-għana reċiproku f’din ir-relazzjoni – fil-ħsieb u fl-għemil, fl-affetti u fix-xogħol, anki fil-fidi – it-tnejn li huma lanqas jistgħu jifhmu fil-fond xi jfisser ikunu raġel u mara.  Il-kultura moderna u kontemporanja fetħet spazji ġodda, libertajiet ġodda u wesgħat ġodda fejn jista’ jistagħna l-għarfien ta’ din id-differenza.  Imma daħħlet ukoll bosta dubji u ħafna xettiċiżmu.  […]  It-tneħħija tad-differenza […] hi l-problema, mhux is-soluzzjoni” (Franġisku, Udjenza ġenerali, 15 ta’ April 2015).

 

Kunflitti u tensjonijiet soċjali

  1. Il-kwalità affettiva u spiritwali tal-ħajja tal-familja qed tiġi mhedda qatigħ mit-tkattir tal-kunflitti, mit-tfaqqir tar-riżorsi, mill-proċessi migratorji. Persekuzzjonijiet reliġjużi vjolenti, partikularment fir-rigward tal-familji Nsara, qed jifnu zoni sħaħ tal-pjaneta tagħna, u joħolqu movimenti ta’ eżodu u ta’ mwieġ kbar ta’ rifuġjati li mbagħad ipoġġu pressjoni kbira fuq il-kapaċitajiet ta’ l-artijiet li jilqgħuhom. Il-familji mġarrba b’dan il-mod, ħafna drabi huma mġiegħla jitilfu kull identità u rabta ma’ l-għeruq tagħhom u mwassla sa fuq l-għatba tat-tifrik.  Il-fedeltà ta’ l-Insara lejn il-fidi tagħhom, is-sabar tagħhom u r-rabta tagħhom mal-pajjiż ta’ l-oriġni huma f’kull aspett ta’ min jammirahom.  L-isforzi tar-responsabbli kollha politiċi u reliġjużi biex ixerrdu u jħarsu l-kultura tad-drittijiet tal-bniedem għadhom m’humiex biżżejjed.  Hemm bżonn nirrispettaw il-libertà tal-kuxjenza u nippromovu l-koeżistenza armonjuża bejn iċ-ċittadini kollha msejsa fuq iċ-ċittadinanza, l-ugwaljanza u l-ġustizzja.  Il-piż ta’ sistemi politiċi ekonomiċi u soċjali inġusti, anki fis-soċjetajiet li qed jgħadduha tajjeb, iħalli effett ħażin fuq it-trobbija ta’ l-ulied, fuq il-ħarsien tal-morda u l-anzjani.  Id-dipendenza fuq l-alkoħol, id-droga u l-logħob ta’ l-azzard kultant hi espressjoni ta’ dawn il-kontradizzjonijiet soċjali u tat-tbatija li jġibu fil-ħajja tal-familji.  It-tkattir ta’ l-għana f’idejn il-ftit u t-tħaddim ħażin ta’ riżorsi maħsuba biex jgħinu fil-proġett tal-familja qed iżidu l-faqar fil-familji f’ħafna reġjuni tad-dinja.

 

Id-dgħufija u l-qawwa tal-familja

  1. Il-familja, komunità fundamentali umana, qalb il-kriżi kulturali u soċjali tal-lum, qed tbati ħafna minħabba d-dgħufija li tinsab fiha. Madankollu, hi turi li tista’ ssib fiha nfisha l-kuraġġ li tikkonfronta l-mod kif l-istituzzjonijiet m’humiex jaffrontaw, anzi qed jaħarbu mill-formazzjoni tal-persuni, tal-kwalità tar-rabta soċjali, ta’ l-għożża ta’ dawk l-iżjed vulnerabbli.  Għalhekk hemm bżonn partikulari li napprezzaw kif jixraq il-qawwa li għandha l-familja, biex tista’ żżomm sħiħa anki qalb id-dgħufijiet tagħha.  Qawwa bħal din essenzjalment tgħammar fil-ħila tagħha li tħobb u tgħallem kif tħobb.  Tkun kemm tkun miġruħa familja, hi dejjem tista’ tikber jekk tfittex l-imħabba bħala punt tat-tluq.

 

Kapitlu II

Il-familja u l-kuntest soċjo-ekonomiku

 

Il-familja riżorsa unika tas-soċjetà

  1. “Il-familja hija skola ta’ umanità akbar u iżjed għanja […] tifforma l-pedament tas-soċjetà” (GS, 52). In-nisġa tar-relazzjonijiet bejn il-qraba, lil hemm min-nukleu ristrett tal-familja, toffri sostenn prezzjuż fl-edukazzjoni ta’ l-ulied, fit-trasmissjoni tal-valuri, fil-ħarsien tar-rabtiet bejn il-ġenerazzjonijiet, fl-għana ta’ spiritwalità ħajja.  Waqt li f’xi reġjuni tad-dinja dan il-fatt jappartieni profondament lill-kultura soċjali mifruxa, fi bnadi oħra qed jiddgħajjef.  Żgur li f’epoka ta’ frammentazzjoni qawwija tas-sitwazzjonijiet tal-ħajja, l-għadd ta’ livelli u aspetti tar-relazzjonijiet bejn familjari u qraba spiss jikkostitwixxu l-uniċi punti ta’ rabta ma’ l-għeruq u r-rabtiet familjari.  Is-sostenn tax-xibka familjari hu meħtieġ wisq iżjed minn qatt qabel fejn iċ-ċaqliq minħabba x-xogħol, il-migrazzjoni, il-katastrofi u l-ħarba ta’ nies minn pajjiżhom qed jikkompromettu l-istabbiltà tan-nukleu parentali.

 

Politika favur il-familja

  1. L-awtoritajiet responsabbli mill-ġid komuni għandhom iħossuhom serjament impenjati fil-konfront ta’ dan il-ġid soċjali ewlieni li hu l-familja. It-tħassib li għandu jmexxi lill-amministrazzjoni tas-soċjetà ċivili hu dak li jħallu tiżviluppa politika tal-familja li twieżen u tagħmel il-qalb lill-familji, qabel xejn dawk li l-iżjed jinsabu f’qagħdiet diffiċli. Hemm bżonn nagħrfu b’mod iżjed konkret kemm tista’ tagħmel ġid il-familja fil-kuntest tas-sistemi moderni ta’ “għajnuna soċjali”: hi tqassam mill-ġdid ir-riżorsi u twettaq ħidmiet indispensabbli għall-ġid komuni, billi tagħti sehemha u terġa’ tibbilanċja l-effetti negattivi tan-nuqqas ta’ ugwaljanza soċjali.  “Il-familja jistħoqqilha attenzjoni speċjali min-naħa ta’ min hu responsabbli mill-ġid komuni, għax hija ċ-ċellula fundamentali tas-soċjetà, li tnissel rabtiet solidi ta’ għaqda li fuqha tinbena l-konvivenza umana, u bit-tnissil u l-edukazzjoni ta’ l-ulied, it-tiġdid u l-futur tas-soċjetà jkunu fiż-żgur” (Franġisku, Diskors fl-Ajruport ta’ El Alto fil-Bolivja, 8 ta’ Lulju 2015).

 

Solitudni u prekarjetà

  1. Fil-kuntesti kulturali fejn ir-relazzjonijiet jiddgħajfu minn stili ta’ ħajja egoistiċi, is-solitudni ssir dejjem iżjed kundizzjoni mifruxa. Spiss, is-sens  tal-preżenza ta’ Alla waħdu jwieżen il-persuna quddiem dan il-vojt.  Is-sensazzjoni ġenerali li ma nistgħu nagħmlu xejn quddiem realtà soċjo-ekonomika li toħnoqna, quddiem il-faqar dejjem jiżdied u l-prekarjetà fuq il-post tax-xogħol, timponi dejjem iżjed ta’ spiss it-tiftix ta’ xogħol imbiegħed mill-familja, biex din tista’ żżomm fuq saqajha.  Dan il-bżonn iġib miegħu assenzi u firdiet fit-tul li jdgħajfu r-relazzjonijiet u jiżolaw il-membri tal-familja wieħed mill-ieħor.  Hi responsabbiltà ta’ l-Istat li joħloq il-kundizzjonijiet leġislattivi u ta’ xogħol biex jiggarantixxi l-ġejjieni taż-żgħażagħ u jgħinhom iwettqu l-proġett tagħhom li jwaqqfu familja.  Il-korruzzjoni, li xi drabi thedded lil dawn l-istituzzjonijiet, tnaqqar minn ġewwa l-fiduċja u t-tama tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda, u mhux tagħhom biss.  Il-konsegwenzi negattivi ta’ dan il-qtigħ ta’ qalb huma ċari: mill-kriżi demografika għad-diffikultajiet fl-edukazzjoni, milli jħossuha iebsa jilqgħu l-ħajja li għadha titwieled għal li jħossu l-preżenza ta’ l-anzjani bħala piż, biex hekk tinfirex skumdità affettiva li mhux darba u tnejn tirriżulta f’aggressività u vjolenza.

 

Ekonomija u ugwaljanza

  1. Il-kundizzjonament materjali u ekonomiku jħalli impatt qawwi fuq il-ħajja tal-familja fiż-żewġ sensi: jista’ jgħinha tikber u twarrad, jew inkella jkexxel dan it-twarrid, l-għaqda u l-koerenza tagħha. L-impożizzjonijiet ekonomiċi jeskludu l-aċċess tal-familji għall-edukazzjoni, għall-ħajja kulturali u għall-ħajja soċjali attiva.  Is-sistema ekonomika tal-lum tipproduċi bosta xejriet ta’ esklużjoni soċjali.  Il-familji jbatu b’mod partikulari minn problemi tax-xogħol.  Il-possibbiltajiet għaż-żgħażagħ huma ftit u l-offerta ta’ xogħol hi selettiva u prekarja qatigħ.  Il-ġranet tax-xogħol huma twal u spiss imtaqqla minn ħinijiet twal ta’ vjaġġi.  Dan ma jgħinx lill-familjari biex jiltaqgħu flimkien u ma’ wliedhom, biex jistgħu ta’ kuljum isaħħu r-relazzjonijiet tagħhom.  It-“tkabbir ta’ l-ugwaljanza” jesiġi “deċiżjonijiet, programmi, mekkaniżmi u proċessi li jkunu speċifikament orjentati lejn tqassim aħjar tad-dħul tal-flus” (EG, 204) u hekk issir effettiva promozzjoni sħiħa tal-foqra.  Hi meħtieġa politika tajba b’riżq il-familja bħala kundizzjoni għal ġejjieni li nistgħu ngħixu fih b’armonija u dinjità.

 

Faqar u esklużjoni

  1. Hemm gruppi soċjali u reliġjużi li kullimkien issibhom fil-ġnub tat-triq tas-soċjetà: immigranti, żingari, nies bla saqaf, maħruba u rifuġjati, l-‘intokkabbli’ skond is-sistema tal-kasti, u dawk milquta minn mard bi stigma soċjali. Anki l-Familja Mqaddsa ta’ Nazareth daqet l-esperjenza morra ta’ l-emarġinazzjoni u r-rifjut (ara Lq 2:7; Mt 2:13-15). Il-kelma ta’ Ġesù fuq il-Ġudizzju Finali, dwar dan hi ċara daqs il-kristall: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).  Is-sistema ekonomika attwali tipproduċi għamliet ġodda ta’ esklużjoni soċjali, li spiss taħbi lill-foqra minn quddiem għajnejn is-soċjetà.  Il-kultura dominanti u l-mezzi ta’ komunikazzjoni jgħinu biex jaggravaw iżjed din l-inviżibbiltà.  Dan iseħħ għax “f’din is-sistema l-bniedem, il-persuna umana tneħħiet miċ-ċentru u ħaditilha postha ħaġa oħra.  Għax qed inqimu lill-flus bħal alla falz.  Għax ġiet globalizzata l-indifferenza!” (Franġisku, Diskors lill-parteċipanti fil-laqgħa dinjija tal-movimenti popolari, 28 ta’ Ottubru 2014).  F’dan il-kwadru, tħassibna sew il-kundizzjoni tat-tfal: vittmi innoċenti ta’ l-esklużjoni, li tagħmilhom tassew “orfni soċjali” u ċċappashom traġikament għal ħajjithom kollha.  Minkejja d-diffikultajiet enormi li jħabbtu wiċċhom magħhom, ħafna familji foqra u mwarrba jagħmlu sforz biex jgħixu ħajjithom b’dinjità, jafdaw f’Alla li ma jqarraq b’ħadd u lil ħadd ma jitlaq.

 

Ekoloġija u familja

  1. Il-Knisja, kif tesprimi ruħha fil-Maġisteru tal-Papiet, tawgura li s-sistema dinjija taħseb profondament mill-ġdid kif torjenta lilha nfisha. F’din il-perspettiva, tikkollabora fl-iżvilupp ta’ kultura ġdida ekoloġika: ħsieb, politika, programm edukattiv, stil ta’ ħajja u spiritwalità.  Ladarba kollox hu intimament marbut ma’ xulxin, kif jistqarr il-Papa Franġisku fl-Enċiklika Laudato si’, hemm bżonn ninżlu fil-fond ta’ l-aspetti ta’ “ekoloġija integrali” li tinkludi mhux biss id-dimensjonijiet ambjentali, imma anki dawk umani, soċjali u ekonomiċi, għall-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-ħolqien.  Il-familja, li b’mod rilevanti tagħmel parti mill-ekoloġija umana, għandha tkun imħarsa kif imiss (ara Ġwanni Pawlu II, Centesimus annus, 38).  Permezz tal-familja aħna nagħmlu lkoll parti mill-ħolqien sħiħ, nagħtu s-sehem speċifiku tagħna biex nippromovu l-għożża ekoloġika, nitgħallmu t-tifsira tal-korporjetà u l-lingwaġġ kollu mħabba tad-differenza bejn raġel u mara, u nikkollaboraw fil-pjan tal-Ħallieq (ara LS, 5, 155).  L-għarfien ta’ dan kollu jesiġi konverżjoni vera fil-ħajja tal-familja.  Fiha “jixxettlu l-ewwel drawwiet ta’ mħabba u għożża għall-ħajja, bħal ngħidu aħna l-użu tajjeb ta’ l-affarijiet, l-ordni u l-indafa, ir-rispett lejn l-ekosistema lokali u l-ħarsien tal-ħlejjaq kollha.  Il-familja hi l-imkien tal-formazzjoni sħiħa tal-bniedem, fejn isseħħ il-maturazzjoni personali fin-nisġa tad-diversi aspetti tagħha li kollha jintrabtu ma’ xulxin” (LS, 213).

 

Kapitlu III

Familja, inklużjoni u soċjetà

 

It-tielet età

  1. Wieħed mix-xogħlijiet l-iktar importanti u urġenti tal-familja Nisranija hu li tħares ir-rabta bejn il-ġenerazzjonijiet għat-trasmissjoni tal-fidi u tal-valuri fundamentali tal-ħajja. Il-parti l-kbira tal-familji jirrispettaw lill-anzjani, idawruhom bl-imħabba u jqisuhom bħala barka.  Apprezzament speċjali jmur għall-għaqdiet u l-movimenti familjari li jaħdmu b’riżq l-anzjani, taħt l-aspett spiritwali u soċjali, b’mod partikulari f’kollaborazzjoni mas-saċerdoti li jieħdu ħsieb l-erwieħ.  F’xi kuntesti, l-anzjani hemm min iħares lejhom bħala għana għax jiżguraw l-istabbiltà, il-kontinwità u l-memorja tal-familji u tas-soċjetajiet.  Fis-soċjetajiet industrijalizzati ħafna, fejn l-għadd tagħhom tendenzjalment qed jiżdied filwaqt li qed titbaxxa r-rata tat-twelid, hemm ir-riskju li jħarsu lejhom bħala piż.  Min-naħa l-oħra, l-attenzjoni li jeħtieġu spiss hi prova iebsa għall-għeżież tagħhom.  “L-anzjani huma rġiel u nisa, missirijiet u ommijiet li kienu diġà qabilna fl-istess triq tagħna, fl-istess dar tagħna, fil-ġlieda tagħna ta’ kuljum għal ħajja xierqa.  Huma rġiel u nisa li minn għandhom irċivejna ħafna.  L-anzjan m’hux xi aljen.  L-anzjan hu aħna: minn hawn u ftit taż-żmien ieħor, ħafna żmien ieħor, hu x’inhu, inevitabbilment, anki jekk ma rridux naħsbu fuq hekk.  U jekk aħna ma nitgħallmux nittrattaw tajjeb lill-anzjani, hekk jittrattaw lilna” (Franġisku, Udjenza ġenerali, 4 ta’ Marzu 2015).

 

  1. Il-preżenza tan-nanniet fil-familja jixirqilha attenzjoni partikulari. Huma l-ħolqa li torbot flimkien il-ġenerazzjonijiet, u jiżguraw bilanċ psiko-affettiv tul it-trasmissjoni tat-tradizzjonijiet u d-drawwiet, tal-valuri u l-virtujiet, fejn dawk l-iktar żgħażagħ jistgħu jagħrfu għeruqhom.  Barra dan, in-nanniet spiss jikkollaboraw id f’id ma’ wliedhom fil-kwistjonijiet ekonomiċi, edukattivi u fit-trasmissjoni tal-fidi lin-neputijiet.  Ħafna persuni jistgħu jixhdu kif l-inizjazzjoni tagħhom għall-ħajja Nisranija jafuha lin-nanniet.  Kif jgħid il-ktieb ta’ Bin Sirak: “Tonqosx tagħti kas ta’ kliem ix-xjuħ, għax huma wkoll tgħallmu minn għand missirijiethom; minn għandhom titgħallem tkun bil-għaqal, u meta jenħtieġ tkun tista’ tagħti tweġiba” (Sir 8:9).  Nawguraw li fil-familja, minn ġenerazzjoni għall-oħra, il-fidi titwassal u titħares bħala wirt prezzjuż għan-nuklei familjari ġodda.

 

Ir-romol

  1. Li wieħed jormol hi esperjenza partikularment iebsa għal min għex l-għażla taż-żwieġ u l-ħajja tal-familja bħala don. Madankollu, dan jippreżenta, fid-dawl tal-fidi, diversi possibbiltajiet li wieħed għandu jivvalurizza.  Meta jsibu ruħhom jgħixu din l-esperjenza, xi wħud juru li kapaċi jżommu l-enerġiji tagħhom b’dedikazzjoni ikbar għal uliedhom u n-neputijiet, u hekk isibu f’din l-espressjoni ta’ mħabba missjoni edukattiva ġdida.  Il-vojt li jkunu ħallewlhom żewġhom jew marthom li mietu, f’ċertu sens, jimtela bl-imħabba tal-familjari li jivvalurizzaw il-persuni romol, u hekk jgħinuhom iħarsu wkoll il-memorja prezzjuża taż-żwieġ tagħhom.  Dawk li ma jistgħux iserrħu fuq il-preżenza tal-familjari li għalihom jistgħu jiddedikaw ħajjithom u minn għandhom jirċievu mħabba u kumpanija, għandhom jiġu mwieżna mill-komunità Nisranija b’attenzjoni u disponibbiltà partikulari, fuq kollox jekk jinsabu f’kundizzjonijiet ta’ faqar.  Ir-romol jistgħu jiċċelebraw għaqda ġdida sagramentali bla ma jonqos xejn mill-valur taż-żwieġ ta’ qabel (ara 1 Kor 7:39).  Fil-bidu u tul l-iżvilupp ta’ l-istorja tagħha, il-Knisja wriet attenzjoni speċjali għar-romol (ara 1 Tim 5:3-16), u sa waslet biex waqqfet l-“ordo viduarum” [l-ordni tar-romol], li l-lum jista’ jerġa’ jitwaqqaf mill-ġdid.

 

L-aħħar staġun tal-ħajja u l-luttu fil-familja

  1. Il-mard, l-inċidenti jew ix-xjuħija li jwasslu għall-mewt iħallu l-effett tagħhom fuq il-ħajja kollha tal-familja. L-esperjenza tal-luttu ssir partikularment iebsa meta t-telfa tkun ta’ xi ħadd għadu żgħir jew żagħżugħ.  Din l-esperjenza kiefra titlob attenzjoni pastorali speċjali anki bis-sehem tal-komunità Nisranija.  Il-valurizzazzjoni tal-fażi konklużiva tal-ħajja l-lum hi meħtieġa iktar minn qatt qabel, iktar ma hemm it-tentazzjoni li neqirdu b’kull mod il-mument ta’ l-agunija u l-mewt.  Id-dgħufija u d-dipendenza ta’ l-anzjan xi drabi jiġu sfruttati b’mod xejn xieraq sempliċement għall-vantaġġ ekonomiku.  Bosta familji jgħallmuna li hu possibbli naffrontaw l-aħħar passi tal-ħajja billi nagħtu valur lis-sens tat-twettiq u tal-milja tal-ħajja kollha fil-misteru ta’ l-Għid.  Għadd kbir ta’ anzjani huma milqugħa fi strutturi ekkleżjali fejn jistgħu jgħixu f’ambjent seren u familjari kemm fuq livell materjali u kemm fuq livell spiritwali.  L-ewtanasja u s-suwiċidju assistit huma theddida gravi fuq il-familji fid-dinja kollha.  Il-prattika tagħhom hi legali f’ħafna Stati.  Il-Knisja, waqt li teħodha bil-qawwa kontra dawn il-prassi, tħossha fid-dmir li tgħin lill-familji li qed jieħdu ħsieb tal-membri anzjani u morda tagħhom, u li tippromovi b’kull mod id-dinjità u l-valur tal-persuna sat-tmiem naturali tal-ħajja.

 

Persuni bi bżonnijiet speċjali

  1. Ħarsa speċjali għandna nitfgħuha fuq il-familji ta’ persuni b’diżabbiltà, fejn id-diżabbiltà, li donnha tinvadilhom ħajjithom, iġġib magħha sfida, qawwija u mhux mistennija, u tħarbat il-bilanċ, ix-xewqat, l-istennijiet. Dan iġib emozzjonijiet kontra xulxin u deċiżjonijiet diffiċli li wieħed jieħu u jelabora, waqt li jimponi dmirijiet, urġenzi u responsabbiltajiet ġodda.  Ix-xbieha tal-familja u ċ-ċiklu essenzjali kollu tagħha jitħarbtu mhux ftit.  Ta’ min jammirahom qatigħ il-familji li jaċċettaw bi mħabba l-prova diffiċli ta’ wild diżabbli.  Huma jagħtu lill-Knisja u lis-soċjetà xhieda prezzjuża ta’ fedeltà lejn id-don tal-ħajja.  Il-familja tista’ tiskopri, flimkien mal-komunità Nisranija, ġesti u lingwaġġi ġodda, xorta ta’ għarfien u ta’ identità, fil-mixja tagħha li fiha tilqa’ u tħares il-misteru tad-dgħufija.  Il-persuni b’diżabbiltà huma għall-familja don u opportunità biex tikber fl-imħabba, fl-għajnuna reċiproka u fl-għaqda.  Il-Knisja, familja ta’ Alla, tixtieq tkun dar li tilqa’ fiha lill-familja b’persuni diżabbli (ara Ġwanni Pawlu II, Omelija fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-komunità tal-persuni b’diżabbiltà, 3 ta’ Diċembru 2000).  Hi tikkollabora u twieżen ir-relazzjoni tagħhom u l-edukazzjoni fil-familja, u toffri mixjiet ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja liturġika tal-komunità.  Għal ħafna persuni b’diżabbiltà li sfaw abbandunati jew spiċċaw waħidhom, l-istituzzjonijiet ekkleżjali li laqgħuhom spiss huma l-unika familja tagħhom.  Lejhom is-Sinodu jesprimi gratitudni kbira u apprezzament qawwi.  Dan il-proċess ta’ integrazzjoni jirriżulta iżjed diffiċli f’dawk is-soċjetajiet fejn għadhom jeżistu l-istigma u l-preġudizzju – saħansitra organizzati f’teoriji ewġenetiċi.  Għall-kuntrarju, ħafna familji, komunitajiet u movimenti ekkleżjali qed jiskopru u jiċċelebraw id-doni ta’ Alla fil-persuni bi bżonnijiet speċjali, partikularment il-ħila unika tagħhom li jikkomunikaw u jkunu flimkien.  Attenzjoni speċjali nagħtuha lill-perusni b’diżabbiltà li jgħixu iktar mill-ġenituri tagħhom jew mill-familja usa’ li ħadet ħsiebhom matul ħajjithom.  Il-mewt ta’ dawk li ħabbewhom u li huma ħabbew iġġibhom partikularment vulnerabbli.  Il-familja li taċċetta bl-għajnejn tal-fidi l-preżenza ta’ persuni b’diżabbiltà tista’ tagħraf u tiggarantixxi l-kwalità u l-valur ta’ kull ħajja, bil-ħtiġijiet tagħha, id-drittijiet tagħha u l-opportunitajiet li għandha quddiemha.  Hi tfittex servizzi u kura, u tippromovi kumpanija u mħabba, f’kull fażi tal-ħajja.

 

Il-persuni mhux miżżewġa

  1. Ħafna persuni li jibqgħu ma jiżżewġux mhux biss jiddedikaw ħajjithom għall-familja ta’ l-oriġni tagħhom, imma spiss jagħtu servizz kbir fiċ-ċirku ta’ sħabhom, fil-komunità ekkleżjali u fil-ħajja professjonali. Madankollu, il-preżenza tagħhom u s-sehem tagħhom spiss huma ttraskurati, u dan jikkawżalhom ċertu sens ta’ iżolament.  Fosthom, mhux darba u tnejn, tista’ ssib motivazzjonijiet nobbli li jimpenjawhom b’mod sħiħ fl-arti, fix-xjenza u għall-ġid ta’ l-umanità.  Ħafna mbagħad iqiegħdu t-talenti tagħhom għas-servizz tal-komunità Nisranija f’sinjal ta’ karità u ta’ volontarjat.  Imbagħad hemm dawk li ma jiżżewġux għax jikkonsagraw ħajjithom għall-imħabba ta’ Kristu u ta’ l-aħwa.  Mill-għotja tagħhom, il-familja, fil-Knisja u fis-soċjetà, tistagħna qatigħ.

 

Immigranti, refuġjati, ippersegwitati

  1. Attenzjoni pastorali partikulari nagħtuha lill-effett tal-fenomenu migratorju fuq il-familja. Dan imiss, b’mod differenti, popolazzjonijiet sħaħ, f’diversi nħawi tad-dinja.  Il-Knisja f’dan il-qasam għandha rwol ewlieni.  Il-ħtieġa li nħaddnu u niżviluppaw din ix-xhieda Evanġelika (ara Mt 25:35) il-lum tidher wisq iżjed urġenti minn qatt qabel.  L-istorja ta’ l-umanità hi storja ta’ immigranti: din il-verità hi minquxa fil-ħajja tal-popli u tal-familji.  Anki l-fidi tagħna tinsisti fuq dan b’ċerta qawwa: ilkoll kemm aħna pellegrini.  Din il-konvinzjoni għandha tqanqal fina sens ta’ komprensjoni, ftuħ u responsabbiltà quddiem l-isfida ta’ l-immigrazzjoni, kemm dik li qed tingħax bi tbatija, u kemm dik maħsuba bħala opportunità għall-ħajja.  Iċ-ċaqliq tal-bnedmin minn post għall-ieħor, li jikkorrispondi għall-moviment storiku naturali tal-popli, jista’ jkunu għana awtentiku kemm għall-familja li temigra u kemm għall-pajjiż li jilqagħha.  Ħaġa oħra hi l-immigrazzjoni sfurzata tal-familji, frott ta’ sitwazzjonijiet ta’ gwerra, ta’ persekuzzjoni, ta’ faqar, ta’ inġustizzja, immarkata mill-inżul u tlajja’ ta’ vjaġġ li spiss iqegħdilhom ħajjithom fil-periklu, tittrawmatizza l-persuni u theżżeż l-istabbiltà tal-familji.  L-akkumpanjament ta’ l-immigrati jesiġi pastorali speċifika għall-familji li jemigraw, imma anki għall-membri ta’ nuklei familjari li baqgħu fil-postijiet ta’ l-oriġni.  Dan għandu jsir fir-rispett tal-kulturi tagħhom, tal-formazzjoni reliġjuża u umana li minnha ġejjin, ta’ l-għana spiritwali tar-riti u t-tradizzjonijiet tagħhom, anki permezz ta’ kura pastorali speċifika.   “Importanti nħarsu lejn l-immigranti mhux biss fid-dawl tal-qagħda ta’ regolarità jew irregolarità tagħhom, imma fuq kollox bħala persuni li, imħarsa fid-dinjità tagħhom, jistgħu jagħtu sehem b’riżq il-ġid u l-progress ta’ min jilqagħhom, billi jirrispettaw b’rikonoxxenza l-wirt materjali u spiritwali tal-pajjiż li jilqagħhom, jobdu l-liġijiet tiegħu u jikkontribwixxu fl-obbligi li għandu” (Franġisku, Messaġġ għall-Jum Dinji ta’ l-Immigrant u tar-Refuġjat 2016, 12 ta’ Settembru 2015).  L-immigrazzjoni tidher partikularment traġika u devastanti għall-familji u l-individwi meta sseħħ b’mod illegali u hi mwieżna minn xbieki internazzjonali ta’ traffikar tal-bnedmin.  L-istess nistgħu ngħidu għal nisa u tfal mhux akkumpanjati, imġiegħla jieqfu għal żminijiet twal fil-postijiet mnejn jgħaddu, fil-kampijiet tar-rifuġjati, fejn impossibbli tibda mixja ta’ integrazzjoni.  Il-faqar estrem u sitwazzjonijiet oħra ta’ tifrik spiss iwasslu lill-familji biex saħansitra jbigħu lil uliedhom għall-prostituzzjoni jew it-traffikar ta’ l-organi.

 

  1. Il-laqgħa ma’ pajjiż ġdid u kultura ġdida jsiru wisq iżjed diffiċli meta ma jkunx hemm kundizzjonijiet biex dawn il-persuni jiġu milqugħa u aċċettati, fir-rispett tal-jeddijiet ta’ kulħadd u ta’ konvivenza fil-paċi u s-solidarjetà. Din il-ħidma ssejjaħ direttament għall-azzjoni lill-komunità Nisranija: “Ir-responsabbiltà li tilqa’, turi solidarjetà u tgħin lir-refuġjati hi qabel xejn tal-Knisja lokali.  Hi msejħa tlaħħam l-esiġenzi tal-Vanġelu billi toħroġ tiltaqa’, bla ebda distinzjoni, ma’ dawn il-persuni fil-waqt tal-ħtieġa u tas-solitudni” (Kunsill Pontifiċju Cor Unum u Kunsill Pontifiċju tal-Pastorali għall-immigranti u dawk li jivvjaġġaw, Ir-Rifuġjati, sfida għas-solidarjetà, 26).  Is-sens ta’ diżorjentament, il-nostalġija għall-oriġni mitlufa u d-diffikultà ta’ integrazzjoni qed juru l-lum, f’ħafna kuntesti, li għadhom ma ġewx megħluba, u jikxfu tbatijiet ġodda anki fit-tieni u t-tielet ġenerazzjoni ta’ familji emigranti, iwasslu għal fenomeni ta’ fundamentaliżmu jew ta’ rifjut vjolenti min-naħa tal-kultura li tospitahom.  Riżorsa prezzjuża biex jingħelbu dawn id-diffikultajiet hi sewwa sew il-laqgħa bejn familji, u rwol li hu muftieħ importanti fil-proċessi ta’ integrazzjoni spiss iwettquh in-nisa, bil-qsim ta’ l-esperjenzi tat-trobbija ta’ wliedhom.  Fil-fatt, anki fil-qagħda prekarja tagħhom, huma jagħtu xhieda ta’ kultura ta’ l-imħabba fil-familja li tqawwi qalb il-familji l-oħra biex jilqgħu u jħarsu l-ħajja, u jipprattikaw is-solidarjetà.  In-nisa jistgħu jittrasmettu lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda l-fidi ħajja fi Kristu, li kienet hi li weżnithom fl-esperjenza iebsa ta’ l-immigrazzjoni u minnha ssaħħet iżjed.  Il-persekuzzjonijiet kontra l-Insara, kif ukoll dawk kontra minoranzi etniċi u reliġjużi, f’diversi partijiet tad-dinja, speċjalment fil-Lvant Nofsani, huma prova ta’ tiġrib kbir: mhux biss għall-Knisja, imma anki għall-komunità internazzjonali kollha.  Għandu jiġi mwieżen kull sforz biex ngħinu lill-familji u l-komunitajiet Insara jibqgħu jgħixu f’art twelidhom.  Benedittu XVI afferma: “Lvant Nofsani mingħajr jew bi ftit Insara ma jibqax il-Lvant Nofsani, ladarba l-Insara flimkien ma’ membri ta’ reliġjonijiet oħra jagħmlu sehem mill-identità hekk partikulari tar-reġjun” (Eżortazzjoni appostolika Ecclesia in Medio Oriente, 31).

 

Xi sfidi partikulari

  1. F’xi soċjetajiet għadha taħdem il-prattika tal-poligamija; f’xi kuntesti oħra għad hemm il-prattika taż-żwiġijiet imqabbla. Fil-pajjiżi fejn il-preżenza tal-Knisja Kattolika hi minoranza, ħafna huma ż-żwiġijiet imħallta u fejn il-partijiet ikunu ġejjin minn reliġjonijiet differenti, bid-diffikultajiet li dan iġib fl-aspett ġuridiku, fil-Magħmudija, fl-edukazzjoni ta’ l-ulied u fir-rispett reċiproku mill-perspettiva tad-diversità tal-fidi.  F’dawn iż-żwiġijiet jista’ jeżisti l-periklu tar-relattiviżmu u ta’ l-indifferenza, imma jista’ jkun hemm ukoll il-possibbiltà li jiffavorixxu l-ispirtu ekumeniku u d-djalogu inter-reliġjuż f’konvivenza armonjuża ta’ komunitajiet li jgħixu fl-istess post.  F’ħafna kuntesti, u mhux biss tal-Punent, qed tixtered b’mod wiesa’ l-prassi tal-konvivenza qabel iż-żwieġ u anki dik tal-konvivenzi li ma jkunux orjentati biex jassumu l-forma ta’ rabta istituzzjonali.  Ma’ dan spiss inżidu leġislazzjoni ċivili li tikkomprometti ż-żwieġ u l-familja.  Minħabba s-sekularizzazzjoni, f’ħafna partijiet tad-dinja r-riferiment għal Alla naqas sew u l-fidi m’għadhiex ħaġa tas-soċjetà kollha.

 

It-tfal

  1. It-tfal huma barka minn Alla (ara Ġen 4:1).  Huma għandu jkollhom l-ewwel post fil-ħajja tal-familja u s-soċjetà, u jkunu prijorità fl-azzjoni pastorali tal-Knisja.  “Fil-fatt, minn kif huma ttrattati t-tfal tista’ tiġġudika s-soċjetà, u mhux biss moralment, imma anki soċjoloġikament, jekk hix soċjetà libera jew soċjetà lsira ta’ l-interessi internazzjonali. […] It-tfal ifakkruna […] li aħna dejjem nibqgħu wlied […].  U dan iwassalna dejjem għall-fatt li l-ħajja ma tajnihiex aħna lilna nfusna, imma rċivejnieha” (Franġisku, Udjenza ġenerali, 18 ta’ Marzu 2015).  Madankollu, spiss it-tfal qed isiru oġġett ta’ tilwim bejn il-ġenituri u huma l-veri vittmi tal-familji midruba.  Id-drittijiet tat-tfal huma ttraskurati b’ħafna modi.  F’xi partijiet tad-dinja, huma meqjusa tassew merċa, ittrattati bħala ħaddiema bi prezz baxx, użati biex jiġġieldu fil-gwerra, oġġett ta’ kull xorta ta’ vjolenza fiżika u psikoloġika.  Tfal immigranti huma esposti għal bosta xorta ta’ tbatija.  L-abbuż sesswali tat-tfulija huwa waħda mill-aktar realtajiet skandalużi u perversi tas-soċjetà ta’ żmienna.  Fis-soċjetajiet milquta mill-vjolenza minħabba l-gwerra, it-terroriżmu u l-preżenza tal-kriminalità organizzata, qed jiżdiedu s-sitwazzjonijiet ta’ familji dejjem sejra lura.  Fil-metropoli l-kbar u fil-periferiji tagħhom sejjer għall-agħar b’mod drammatiku l-hekk imsejjaħ fenomenu tat-tfal tat-triq.

 

Il-mara

  1. Il-mara għandha rwol determinanti fil-ħajja tal-persuna, tal-familja u tas-soċjetà. “Kull bniedem jaf ħajtu lil omm, u kważi dejjem jaf lilha wkoll ħafna mill-bqija ta’ ħajtu, mill-formazzjoni umana u spiritwali tiegħu” (Franġisku, Udjenza ġenerali, 7 ta’ Jannar 2015).  L-omm tħares il-memorja u s-sens tat-twelid għal ħajja sħiħa: “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2:19,51).  Jibqa’ minnu, imma, li l-kundizzjoni femminili fid-dinja hi suġġetta għal differenzi kbar li ġejjin mill-influwenza qawwija ta’ ċerti fatturi soċjo-kulturali.  Id-dinjità tal-mara għandha tiġi mħarsa u nippromovuha iktar.  M’aħniex nitkellmu sempliċement fuq problema ta’ riżorsi ekonomiċi, imma ta’ perspettiva kulturali differenti, kif turi l-qagħda mwiegħra tan-nisa f’bosta pajjiżi li żviluppaw riċentement.  F’ħafna kuntesti, sal-lum, li tkun mara jġib diskriminazzjoni fuqek: l-istess don tal-maternità hu mistmerr flok mogħti l-valur li jistħoqqlu.  Min-naħa l-oħra, jekk mara tibqa’ bla tfal, f’xi kulturi, din hi kundizzjoni soċjalment diskriminanti.  Ma rridux ninsew lanqas il-fenomeni dejjem jiżdiedu ta’ vjolenza li tagħhom in-nisa huma vittmi fi ħdan il-familji.  L-abbuż tan-nisa u l-vjolenza fuq ġisimhom spiss imorru id f’id ma’ l-abort u l-isterilizzazzjoni sfurzata.  Ma’ dan inżidu l-konsegwenzi negattivi ta’ prattiċi marbuta mal-prokreazzjoni, bħalma hu l-kiri ta’ l-utru u l-bejgħ ta’ gameti u ta’ l-embriji.  L-emanċipazzjoni tal-mara titlob li l-miżżewġin jerġgħu jqisu x’inhuma d-dmirijiet tagħhom fir-reċiproċità u r-responsabbiltà komuni tagħhom lejn il-ħajja tal-familja.  Ix-xewqa li wieħed ikollu l-ulied, ikun xi jkun il-prezz, ma wassletx għal relazzjonijiet familjari iżjed hienja u b’saħħithom, imma f’ħafna każi aggravat in-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn nisa u rġiel.  Nistgħu ngħinu biex ir-rwol determinanti tan-nisa jiġi rikonoxxut soċjalment billi nagħtu valur ikbar lir-responsabbiltajiet tagħhom fil-Knisja: l-intervent tagħhom fil-proċessi deċiżjonali, sehemhom fil-tmexxija ta’ xi istituzzjonijiet, u fil-formazzjoni tal-ministri ordnati.

 

Ir-raġel

  1. Ir-raġel għandu rwol daqstant ieħor deċiżiv fil-ħajja tal-familja, b’riferiment partikulari għall-ħarsien u t-tweżin tal-mara u ta’ l-ulied. Mudell ta’ din il-figura hu San Ġużepp, raġel ġust, li fis-siegħa tal-periklu “qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu bil-lejl” (Mt 2:14) u telaq bihom f’post iktar żgur.  Ħafna rġiel jafu bl-importanza tar-rwol tagħhom fil-familja u jgħixuh bil-kwalitajiet partikulari tan-natura maskili.  In-nuqqas tal-missier jaffettwa ħażin il-ħajja tal-familja, l-edukazzjoni ta’ l-ulied u l-inseriment tagħhom fis-soċjetà.  In-nuqqas tiegħu jista’ jkun fiżiku, affettiv, konjittiv u spiritwali.  Dan in-nuqqas iċaħħad lill-ulied minn mudell xieraq tal-imġiba paterna.  Il-fatt li l-mara qiegħda dejjem tgħaddi iktar ħin taħdem barra mid-dar ma sabx jagħmillu tajjeb impenn ikbar min-naħa tar-raġel fid-dar.  Fil-kuntest tal-ħajja ta’ kuljum, rajna tiddgħajjef is-sensibbiltà tar-raġel għad-dmir tiegħu li jipproteġi lil martu u lil uliedu minn kull xorta ta’ vjolenza u tiġrib.  “Ir-raġel – jgħid Pawlu – għandu jħobb lil martu ‘bħallikieku ġismu stess’ (Efes 5:28); iħobbha kif Kristu ‘ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha’ (v. 25).  Imma intom l-irġiel […] din tifhmuha?  Li tħobbu lil martkom kif Kristu jħobb lill-Knisja?  […] Min jaf kemm kien enormi fi ħdan l-istess komunità Nisranija l-effett ta’ dan ir-radikaliżmu fl-għotja mitluba mir-raġel, għall-imħabba u d-dinjità tal-mara, fuq l-eżempju ta’ Kristu!  Din iż-żerriegħa tal-ġdid tal-Vanġelu, li twaqqaf mill-ġdid ir-reċiproċità oriġinarja ta’ l-għotja u tar-rispett, kibret ftit ftit tul l-istorja, imma fl-aħħar ittrijonfat” (Franġisku, Udjenza ġenerali, 6 ta’ Mejju 2015).

 

Iż-żgħażagħ

  1. Ħafna żgħażagħ għadhom jaraw iż-żwieġ bħala l-ikbar xenqa ta’ ħajjithom u l-proġett ta’ familja tagħhom bħala t-twettiq tax-xewqat li minn dejjem kellhom. Madankollu, fil-konkret, quddiem iż-żwieġ huma jassumu atteġġjamenti differenti minn ta’ xulxin.  Spiss ikollhom jipposponu t-tieġ minħabba problemi ta’ bixra ekonomika, ta’ xogħol jew ta’ studju.  Xi drabi anki għal raġunijiet oħra, bħall-influwenza ta’ l-ideoloġiji li jxejnu ż-żwieġ u l-familja, l-esperjenza tal-falliment ta’ koppji oħra li huma ma jridux jirriskjaw, il-biża minn xi ħaġa li jqisuha wisq kbira u qaddisa, l-opportunitajiet soċjali u l-vantaġġi ekonomiċi tal-konvivenza, kunċett sempliċement emottiv u romantiku ta’ l-imħabba, il-biża’ li jitilfu l-libertà u l-awtonomija […], ir-rifjut ta’ xi ħaġa li tidher istituzzjonali u burokratika.  Il-Knisja tħares imħassba lejn il-qtigħ ta’ qalb ta’ tant żgħażagħ quddiem iż-żwieġ, u tbati tara b’liema ħeffa tant fidili jiddeċiedu li jtemmu l-impenn konjugali tagħhom biex jibdew ieħor.  Iż-żgħażagħ mgħammdin għandhom jiġu mħeġġa biex ma jibżgħux quddiem l-għana li s-sagrament taż-żwieġ jista’ jġib lill-pjanijiet tagħhom ta’ mħabba, imsaħħa mill-għajnuna tal-grazzja ta’ Kristu u mill-possibbiltà li jieħdu sehem sħiħ fil-ħajja tal-Knisja.  Għalhekk hemm bżonn niddixxernu b’attenzjoni ikbar x’inhuma l-motivazzjonijiet profondi tar-rifjut u l-qtigħ il-qalb.  Iż-żgħażagħ jistgħu jakkwistaw fiduċja akbar fil-konfront ta’ l-għażla għaż-żwieġ grazzi għal dawk il-familji li, fil-komunità Nisranija, joffrulhom l-eżempju sod ta’ xhieda li ttul fiż-żmien.

 

Kapitlu IV

Familja, affettività u ħajja

 

Ir-rilevanza tal-ħajja affettiva

  1. “Min irid jagħti l-imħabba għandu jirċeviha b’rigal hu wkoll. Żgur, kif jgħidilna l-Mulej – il-bniedem jista’ jsir għajn li minnha joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj (ara Ġw 7:37-38).  Iżda biex wieħed isir għajn bħal din, hu nnifsu għandu jixrob – u dejjem jerġa’ jixrob – minn dik l-ewwel għajn tal-bidu li hi Ġesù Kristu, li mill-qalb minfuda tiegħu tgelgel l-imħabba ta’ Alla (ara Ġw 19:34)” (DCE, 7).  Il-bżonn li nieħdu ħsieb tagħna nfusna, li nsiru nafu lilna nfusna minn ġewwa, li ngħixu aħjar f’sintonija ma’ l-emozzjonijiet u s-sentimenti tagħna, li nfittxu relazzjonijiet affettivi ta’ kwalità, għandu jinfetaħ għad-don ta’ l-imħabba ta’ l-oħrajn u għax-xewqa li nibnu reċiproċitajiet kreattivi, responsabbli u solidali bħalma huma dawk fil-familja.  L-isfida għall-Knisja hi li tgħin il-koppji jimmaturaw fid-dimensjoni emozzjonali u fl-iżvilupp affettiv lejn il-promozzjoni tad-djalogu, tal-virtù u tal-fiduċja fl-imħabba ħanina ta’ Alla.  L-impenn sħiħ ta’ dedikazzjoni, mitlub fiż-żwieġ Nisrani, hu mediċina qawwija kontra t-tentazzjoni ta’ eżistenza individwali magħluqa fiha nfisha.

 

Il-formazzjoni tad-don tal-persuna nfisha

  1. L-istil tar-relazzjonijiet fil-familja jinfluwenza qabel xejn il-formazzjoni affettiva tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. Il-ħeffa li biha qed isiru l-bidliet fis-soċjetà tagħna tagħmilha iżjed diffiċli li wieħed isieħeb il-persuna fil-formazzjoni ta’ l-affettività biex hi timmatura.  Dan jitlob ukoll azzjoni pastorali xierqa, għanja b’għarfien li jsib l-għeruq tiegħu fl-Iskrittura u fit-tagħlim Kattoliku, u mogħnija bi strumenti edukattivi xierqa.  Għarfien f’waqtu tal-psikoloġija tal-familja jista’ jkun ta’ għajnuna biex il-viżjoni Nisranija tiġi trasmessa b’mod effikaċi: dan l-isforz edukattiv diġà jibda bil-katekeżi ta’ l-inizjazzjoni Nisranija.  Din il-formazzjoni tgħin biex tiġi apprezzata l-virtù tal-kastità, mifhuma bħala l-integrazzjoni affettiva, li tgħin lill-persuna biex tagħti lilha nfisha b’don.

 

Dgħufija u immaturità

  1. Fid-dinja tal-lum ma jonqsux it-tendenzi kulturali li jippruvaw jimponu sesswalità bla limiti li jridu jesploraw l-uċuħ kollha tagħha, anki dawk l-iżjed kumplessi. Il-kwistjoni tad-dgħufija affettiva hi attwali ħafna: affettività narċisista, instabbli u dejjem tinbidel m’hix ħa tgħin il-persuna tilħaq maturità ogħla.  Nikkundannaw bil-qawwa kollha: it-tixrid kbir tal-pornografija u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ġisem, iffaċilitat anki mill-użu mgħawweġ ta’ l-internet; u lil min iġiegħel lil min jipprostitwixxi u jabbuża minnu għalhekk.  F’dan il-kuntest, il-koppji xi drabi huma inċerti, dubjużi u jbatu biex isibu mod kif jikbru.  Ħafna huma dawk li tendenzjalment jeħlu fl-ewwel passi tal-ħajja emozzjonali u sesswali.  Il-kriżi tal-koppja theżżeż mill-qiegħ lill-familja u tista’ tasal, permezz tas-separazzjonijiet u d-divorzji, biex tipproduċi serje ta’ konsegwenzi fuq l-adulti, l-ulied u s-soċjetà, u hekk iddgħajjef lill-individwu u r-rabtiet soċjali.  Ir-rata tal-popolazzjoni dejjem titbaxxa, minħabba f’mentalità li hi kontra t-twelid ta’ bnedmin ġodda u l-politika dinjija ta’ “saħħa riproduttiva”, qed thedded ir-rabta bejn il-ġenerazzjonijiet.  Minn hawn jiġi wkoll it-tfaqqir ekonomiku u tintilef kull tama fuq skala mifruxa.

 

Teknoloġija u prokreazzjoni umana

  1. Ir-rivoluzzjoni bijoteknoloġika fil-qasam tal-prokreazzjoni umana daħħlet il-possibbiltà li nimmanipulaw l-att tat-tnissil, u qatgħetu mir-relazzjoni sesswali bejn raġel u mara. Hekk, il-ħajja umana u l-kunċett ta’ ġenituri saru realtà li tista’ torbotha u tħollha, suġġetti qabel kollox għax-xewqat ta’ l-individwi u tal-koppji, mhux neċessarjament eterosesswali jew miżżewġin b’mod regolari.  Dan il-fenomenu deher fl-aħħar żminijiet bħala assolutament ġdid fuq ix-xena ta’ l-umanità, u qed jixtered dejjem iżjed.  Dan kollu għandu riperkussjonijiet qawwija fuq id-dinamika tar-relazzjonijiet, fil-binja tal-ħajja soċjali u fl-ordinamenti ġuridiċi, li jintervienu biex jippruvaw jirregolamentaw prattiċi li diġà qed isiru u sitwazzjonijiet differenti.  F’dan il-kuntest il-Knisja tħoss il-bżonn li tlissen kelma ta’ verità u ta’ tama.  Hemm bżonn naġixxu mill-konvinzjoni li l-bniedem ġej minn Alla u jgħix dejjem fil-preżenza tiegħu: “Il-ħajja tal-bniedem hi qaddida għax, sa mill-bidu tagħha, titlob ‘l-azzjoni ħallieqa ta’ Alla’ u tibqa’ dejjem relazzjoni speċjali mal-Ħallieq, l-għan waħdieni tagħha.  Alla biss hu Sid il-ħajja mill-bidu tagħha sat-tmiem: ħadd, fl-ebda ċirkustanza, ma jista’ jagħmel tiegħu l-jedd li jeqred direttament bniedem innoċenti” (Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Istruzzjoni Donum vitæ, Introduzzjoni, 5; ara Ġwanni Pawlu II, Evangelium vitæ, 53).

 

L-isfida tal-pastorali

  1. Riflessjoni li kapaċi tipproponi mill-ġdid il-mistoqsijiet il-kbar fuq xi jfisser li aħna bnedmin, issir art fertili fix-xewqat iżjed profondi ta’ l-umanità. Il-valuri kbar taż-żwieġ u tal-familja Nisranija jikkorrispondu ma’ dak li qed tfittex l-eżistenza umana anki fi żmien immarkat mill-individwaliżmu u l-edoniżmu.  Għandna nilqgħu lill-persuni billi nifhmuhom u nħossu magħhom fil-ħajja konkreta tagħhom, u nagħrfu nwieżnu din it-tiftixa għas-sens.  Il-fidi tħeġġeġ ix-xewqa għal Alla u r-rieda li mqar min ġarrab il-falliment jew sab ruħu f’sitwazzjonijiet iżjed diffiċli jħossu parti sħiħa mill-Knisja.  Il-messaġġ Nisrani dejjem għandu fih ir-realtà u d-dinamika tal-ħniena u tal-verità, li fi Kristu jitbewsu: “L-ewwel verità tal-Knisja hi l-imħabba ta’ Kristu.  B’din l-imħabba, li tasal sal-punt tal-maħfra u l-għotja tagħha nfisha, il-Knisja ssir qaddejja u medjatriċi għall-bnedmin.  Għalhekk, fejn hemm il-Knisja, hemm għandha tidher ċara l-ħniena tal-Missier” (MV, 12).  Fil-formazzjoni tal-ħajja miżżewġa u familjari, il-kura pastorali tagħti kas ukoll tad-diversi sitwazzjonijiet konkreti.  Jekk minn naħa hemm bżonn nippromovu mixjiet li jiggarantixxu l-formazzjoni taż-żgħażagħ għaż-żwieġ, mill-oħra rridu nsieħbu lil dawk li qed jgħixu waħidhom jew mingħajr ma jibnu nukleu familjari ġdid, anki jekk spiss jibqgħu marbuta mal-familja ta’ l-oriġni.  Anki l-koppji li ma jistax ikollhom tfal għandhom ikunu fil-mira ta’ l-attenzjoni pastorali partikulari min-naħa tal-Knisja, li tgħinhom jiskopru l-pjan ta’ Alla fuq is-sitwazzjoni tagħhom, għall-qadi tal-komunità kollha.  Kulħadd għandu bżonn ta’ ħarsa li tifhimhom, u nżommu f’moħħna li s-sitwazzjonijiet ta’ distanza mill-ħajja tal-Knisja mhux dejjem huma mixtieqa, spiss huma pprovokati u xi drabi anki mġarrba.  Fl-ottika tal-fidi m’hemm ħadd eskluż: kulħadd hu maħbub minn Alla u hu għal qalb il-missjoni pastorali tal-Knisja.

 

IT-TIENI PARTI

IL-FAMILJA FIL-ĦSIEB TA’ ALLA

 

  1. Id-dixxerniment tal-vokazzjoni tal-familja fl-għadd ta’ sitwazzjonijiet li ltqajna magħhom fl-ewwel parti, jitlob orjentament fiż-żgur għall-mixja u l-akkumpanjament. Din il-boxxla hi l-Kelma ta’ Alla fl-istorja, li tilħaq il-qofol tagħha f’Ġesù Kristu “it-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja” għal kull raġel u mara li jsawru l-familja.  Nisimgħu għalhekk dak li l-Knisja tgħallem fuq il-familja fid-dawl ta’ l-Iskrittura Mqaddsa u t-Tradizzjoni.  Aħna konvinti li din il-Kelma twieġeb għax-xewqat l-iżjed profondi ta’ mħabba, verità u ħniena li hemm fil-qalb tal-bnedmin, u mqar fil-qlub mgħattna u umiljati terġa’ tqanqal il-potenzjalità li jkunu don u jilqgħu lill-oħrajn.  F’dan id-dawl, aħna nemmnu li l-Vanġelu tal-familja jibda mal-ħolqien tal-bniedem fuq is-sura ta’ Alla li hu mħabba u jsejjaħ lir-raġel u l-mara għall-imħabba mfassla skond ix-xbieha tiegħu (ara Ġen 1:26-27).  Il-vokazzjoni tal-koppja u tal-familja għall-komunjoni ta’ l-imħabba u tal-ħajja tidher fit-tappi kollha tal-pjan ta’ Alla minkejja l-limiti u d-dnubiet tal-bnedmin.  Din il-vokazzjoni hi mwaqqfa sa mill-bidu fuq Kristu Feddej (ara Efesin 1:3-7).  Hi tirrestawra u tipperfezzjona l-patt taż-żwieġ kif kien sa mill-bidu (ara Mk 10:6), tfejjaq il-qalb umana (ara Ġw 4:10), tagħmilha kapaċi tħobb kif Hu jħobb lill-Knisja tiegħu billi jagħti ħajtu għaliha (ara Efes 5:32).

 

  1. Din il-vokazzjoni tirċievi l-libsa ekkleżjali u missjunarja tagħha mir-rabta sagramentali li tikkonsagra r-relazzjoni konjugali indissolubbli bejn il-miżżewġin. Il-kunsens, li bih titwaqqaf, ifisser għall-miżżewġin l-impenn li jingħataw għal xulxin u jilqgħu lil xulxin, b’mod sħiħ u definittiv, f’“ġisem wieħed” (Ġw 2:24).  Il-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu tagħmel mill-għaqda bejn il-miżżewġin sinjal ħaj tar-rabta ta’ Kristu mal-Knisja.  Hekk l-għaqda tagħhom issir, għal tul il-ħajja kollha, għajn ta’ grazzji kotrana: ta’ frott għammiel u xhieda, ta’ fejqan u ta’ maħfra.  Iż-żwieġ jitwettaq fil-komunità tal-ħajja u ta’ l-imħabba, u l-familja ssir evanġelizzatriċi.  Il-miżżewġin, li jsiru dixxipli tiegħu, huma msieħba minn Ġesù fil-mixja lejn Għemmaws, jagħrfuh fil-qsim tal-ħobż, jerġgħu lura lejn Ġerusalemm fid-dawl tal-qawmien tiegħu (ara Lq 24:13-34).  Il-Knisja tħabbar lill-familja r-rabta tagħha ma’ Ġesù, minħabba fl-inkarnazzjoni li biha Hu parti mill-Familja Mqaddsa ta’ Nazareth.  Il-fidi tagħraf fir-rabta indissolubbli tal-miżżewġin mera ta’ l-imħabba tat-Trinità divina, li tidher fl-għaqda tal-verità u l-ħniena mxandra minn Ġesù.  Is-Sinodu jsir interpretu tax-xhieda tal-Knisja, li tagħti lill-poplu ta’ Alla kelma ċara fuq il-verità tal-familja skond il-Vanġelu.  L-ebda distanza ma tista’ żżomm lill-familja milli tintlaħaq minn din il-ħniena u titwieżen minn din il-verità.

 

Kapitlu I

Il-familja fl-istorja tas-salvazzjoni

 

Il-pedagoġija divina

  1. Billi l-ordni tal-ħolqien hu determinat mill-orjentament lejn Kristu, irridu nagħżlu mingħajr ma nifirdu d-diversi gradi li bihom Alla jikkomunika lill-bnedmin il-grazzja tal-patt tiegħu. Bil-pedagoġija divina, li biha l-pjan tal-ħolqien jitwettaq f’dak tal-fidwa f’tappi suċċessivi, jeħtieġ nagħrfu l-element ġdid tas-sagrament taż-żwieġ f’kontinwità maż-żwieġ naturali tal-bidu, imsejjes fuq l-ordni tal-ħolqien.  F’din il-perspettiva rridu nifhmu l-mod kif Alla mexa biex isalvana, anki fil-ħajja Nisranija.  Billi kollox sar bi Kristu u għaliH (ara Kol 1:16), l-Insara “jikxfu bil-ferħ u bil-qima ż-żrieragħ tal-Kelma li huma moħbija ġo fihom, fl-istess ħin joqogħdu attenti għall-bidla kbira li ssir fost il-ġnus” (AG, 11).  Id-dħul ta’ min jemmen fil-Knisja permezz tal-Magħmudija jitwettaq b’mod sħiħ bis-sagramenti l-oħra tal-bidu tal-ħajja Nisranija.  F’din il-Knisja domestika li hi l-familja tiegħu, hu jaqbad dak il-“proċess dejjem sejjer ’il quddiem li jfittex idaħħal bil-mod il-mod fil-ħajja personali u soċjali kollha kemm hi tal-bniedem kull ma jagħti Alla” (FC, 9), permezz tal-konverżjoni kontinwa lejn l-imħabba li tifdi mid-dnub u tagħti l-milja tal-ħajja.  Qalb l-isfidi tas-soċjetà u l-kultura ta’ żmienna, il-fidi tixħet ħarsitha fuq Ġesù Kristu fil-kontemplazzjoni u l-qima tal-wiċċ tiegħu.  Hu ħares bi mħabba u ħlewwa lejn in-nisa u l-irġiel li magħhom iltaqa’, u sieħeb il-passi tagħhom b’verità, sabar u ħniena, huwa u jħabbar is-sejħa għas-Saltna ta’ Alla.  “Kull darba li nerġgħu lura għall-għajn ta’ l-esperjenza Nisranija, jinfetħu quddiemna toroq ġodda u possibbiltajiet li ma konniex ħsibna fihom qabel” (Franġisku, Diskors fl-okkażjoni tal-Velja ta’ talb bi tħejjija għas-Sinodu fuq il-familja, 4 ta’ Ottubru 2014).

 

L-ikona tat-Trinità fil-familja

  1. L-Iskrittura u t-Tradizzjoni jiftħulna beraħ it-triq għal għarfien tat-Trinità li tidher bħala familja. Il-familja hi xbieha ta’ Alla li “fil-misteru l-aktar ġewwieni tiegħu, m’huwiex solitudni, imma familja, ladarba fih hemm paternità, filjolanza u l-essenza tal-familja li hi l-imħabba” (Ġwanni Pawlu II, Omelija fil-Quddiesa fis-Seminarju Palafoxjan ta’ Puebla de Los Angeles, 28 ta’ Jannar 1979).  Alla hu komunjoni ta’ persuni.  Fil-Magħmudija, leħen il-Missier jurina lil Ġesù bħala Ibnu l-maħbub, u f’din l-imħabba għarafna lill-Ispirtu s-Santu (ara Mk 1:10-11).  Ġesù, li reġa’ ħabbeb kollox miegħu u feda lill-bniedem mid-dnub, mhux biss reġġa’ lura liż-żwieġ u l-familja għall-għamla oriġinali tagħhom, imma għolla wkoll iż-żwieġ għal sinjal sagramentali ta’ mħabbtu għall-Knisja (ara Mt 19:1-12; Mk 10:1-12; Efes 5:21-32).  Fil-familja umana, miġmugħa minn Kristu, intraddulna lura “is-sura u x-xbieha” tat-Trinità Qaddisa (ara Ġen 1:26), misteru li minnu tnixxi kull imħabba vera.  Minn Kristu, permezz tal-Knisja, iż-żwieġ u l-familja jirċievu l-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu, biex jagħtu xhieda tal-Vanġelu ta’ l-imħabba ta’ Alla sat-twettiq tal-Patt fl-aħħar jum fil-festa tat-tieġ tal-Ħaruf (ara Apok 19:9; Ġwanni Pawlu II, Katekeżi fuq l-imħabba umana).  Il-patt ta’ mħabba u fedeltà, li bih tgħix il-Familja Mqaddsa ta’ Nazareth, idawwal dak il-prinċipju li jsawwar kull familja, u jagħmilha kapaċi taffronta aħjar it-taħbit tal-ħajja u ta’ l-istorja.  Fuq dan il-pedament, kull familja, minkejja d-dgħufija tagħha, tista’ ssir dawl fid-dalma tad-dinja.  “Hawn nifhmu kif għandna ngħixu f’familja.  Nazareth tfakkarna x’inhi l-familja, x’inhi l-komunjoni ta’ mħabba, il-ġmiel awster u sempliċi tagħha, il-karattru qaddis u invjolabbli tagħha; turina kemm hi ħelwa l-edukazzjoni fil-familja u xejn ma jista’ jeħdilha postha, tgħallimna l-funzjoni naturali tagħha fl-ordni soċjali” (Pawlu VI, Diskors f’Nazareth, 5 ta’ Jannar 1964).

 

Il-familja fl-Iskrittura Mqaddsa

  1. Ir-raġel u l-mara, bl-imħabba għammiela u nissiela tagħhom, jissoktaw l-opra ħallieqa u jikkollaboraw mal-Ħallieq fl-istorja tas-salvazzjoni, ġenerazzjoni wara l-oħra (ara Ġen 1:28; 2:4; 9:1,7; 10; 17:2,16; 25:11; 28:3; 35:9,11; 47:27; 48:3-4). Ir-realtà taż-żwieġ fl-għamla eżemplari tagħha nsibuha mfassla fil-ktieb tal-Ġenesi, li lejh ukoll jerġa’ lura Ġesù fil-viżjoni tiegħu ta’ l-imħabba tal-miżżewġin.  Il-bniedem iħossu li m’hux sħiħ għax tonqsu dik l-għajnuna li “taqbel” miegħu, li “tgħodd għalih” (ara Ġen 2:18,20) fi djalogu fejn huma ndaqs.  Il-mara, għalhekk, għandha sehem mill-istess realtà tar-raġel, simbolikament irrappreżentata mill-kustilja, jiġifieri mill-istess laħam, kif jgħanni l-innu ta’ mħabba tal-bniedem: “Din id-darba din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi” (Ġen 2:23).  It-tnejn hekk isiru “ġisem wieħed” (ara Ġen 2:24).  Din ir-realtà li fuqha jieqaf kollox fl-esperjenza taż-żwieġ titgħolla iktar fil-formula ta’ l-appartenenza reċiproka, kif insibuha fl-istqarrija ta’ mħabba mlissna mill-mara ta’ l-Għanja ta’ l-Għanjiet.  Il-formula fiha ħjiel ta’ dik tal-patt bejn Alla u l-poplu tiegħu (ara Lev 26:12): “Hu tiegħi l-maħbub tiegħi, jiena tiegħu…  Jien tal-maħbub, u tiegħi l-maħbub tiegħi” (Għan 2:16; 6:3).  Sinifikattiva, imbagħad, fl-Għanja ta’ l-Għanjiet, hi n-nisġa kontinwa tas-sesswalità, ta’ l-eros u ta’ l-imħabba, l-istess kif nilmħu l-laqgħa tal-korporjetà mal-ħlewwa, mas-sentiment, mal-passjoni, ma’ l-ispiritwalità u l-għotja sħiħa.  Waqt li nafu li jista’ jkun hemm il-lejl li fih xi ħadd mit-tnejn jonqos jew jieqaf id-djalogu bejnu u bejnha (kap. 3 u 5), xorta tibqa’ ċ-ċertezza tal-qawwa ta’ l-imħabba kontra kull tfixkil: “bħall-mewt qawwija l-imħabba” (Għanja 8:6).  Il-profezija Biblika, biex tiċċelebra l-patt ta’ mħabba bejn Alla u l-poplu tiegħu, mhux biss iddur għas-simboliżmu taż-żwieġ (ara Is 54; Ġer 2:2; Eżek 16), imma għall-esperjenza sħiħa familjari, kif insibu b’mod partikularment intens fil-Profeta Hosegħa.  L-esperjenza drammatika tiegħu ta’ żwieġ u famlja (ara Hos 1-3) issir sinjal tar-relazzjoni bejn il-Mulej u Israel.  L-infedeltajiet tal-poplu ma jħassrux l-imħabba ta’ Alla, li qatt ma tintrebaħ, u li l-profeta jurih bħala Missier, li jmexxi u jiġbed lejh lil ibnu “b’rabtiet ta’ mħabba” (ara Hos 11:1-4).

 

  1. Fil-kliem tal-ħajja ta’ dejjem li Ġesù ħalla lid-dixxipli tiegħu, bit-tagħlim tiegħu fuq iż-żwieġ u l-familja, nistgħu nagħrfu tliet tappi fundamentali fil-pjan ta’ Alla. Fil-bidu, għandna l-familja ta’ l-oriġni, meta Alla Ħallieq waqqaf iż-żwieġ primordjali bejn Adam u Eva, bħala bażi soda tal-familja.  Alla mhux biss ħalaq lill-bniedem raġel u mara (ara Ġen 1:27), imma berikhom ukoll biex joktru u jimlew l-art (ara Ġen 1:28).  “Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed” (Ġen 2:24).  Din ir-rabta, imbagħad, midruba mid-dnub, fil-forma storika taż-żwieġ fi ħdan it-tradizzjoni ta’ Israel rat ħafna varjazzjonijiet: bejn monogamija u poligamija, l-istabbiltà u d-divorzju, ir-reċiproċità u s-subordinazzjoni tal-mara għar-raġel.  Il-konċessjoni ta’ Mosè dwar il-possibbiltà li wieħed jibgħat lil martu (ara Dewt 24:1ss), li kienet għadha teżisti fi żmien Ġesù, nifhmuha f’dan il-kwadru.  Fl-aħħar nett, ir-rikonċiljazzjoni tad-dinja mwaqqgħa, bil-miġja tal-Feddej, mhux biss iġġedded il-pjan oriġinali ta’ Alla, imma tmexxi lill-istorja tal-Poplu ta’ Alla lejn milja ġdida.  L-indissolubbiltà taż-żwieġ (ara Mk 10:2-9) ma rridux nifhmuha qabel xejn bħala madmad impost fuq il-bnedmin, imma bħala don mogħti lill-persuni magħquda fiż-żwieġ.

 

Ġesù u l-familja

  1. L-eżempju ta’ Ġesù hu mudell għall-Knisja. L-Iben ta’ Alla ġie fid-dinja f’familja.  Fit-tletin sena ta’ ħajja moħbija f’Nazareth – periferija soċjali, reliġjuża u kulturali ta’ l-Imperu (ara Ġw 1:46) – Ġesù seta’ jilmaħ f’Marija u Ġużeppi l-fedeltà li tingħax fl-imħabba.  Hu nieda l-ħajja pubblika tiegħu bis-sinjal ta’ Kana, imwettaq f’festa ta’ tieġ (ara Ġw 2:1-11).  Ħabbar il-Vanġelu taż-żwieġ bħala milja ta’ rivelazzjoni li terġa’ lura għall-pjan ta’ Alla sa mill-bidu (ara Mt 19:4-6).  Qasam il-ħbiberija tal-ħajja ta’ kuljum mal-familja ta’ Lazzru u ħutu (ara Lq 10:38) u mal-familja ta’ Pietru (ara Mt 8:14).  Sema’ l-biki tal-ġenituri għal uliedhom, u raddilhom il-ħajja (ara Mk 5:41; Lq 7:14-15) u hekk wera l-vera tifsira tal-ħniena, li timplika t-twaqqif mill-ġdid tal-Patt (ara Ġwanni Pawlu II, Dives in Misericordia, 4).  Dan jidher ċar fil-laqgħat mal-mara Samaritana (ara Ġw 4:1-30) u ma’ l-adultera (ara Ġw 8:1-11), fejn il-bniedem jintebaħ bid-dnub tiegħu meta jsib quddiemu l-imħabba b’xejn ta’ Ġesù.  Il-konverżjoni “hi dmir li ma jintemm qatt għall-Knisja kollha, li ‘fi ħdanha għandha l-midinbin’ u hi għalhekk ‘fl-istess ħin qaddisa u msejħa biex tissaffa u bla heda tħabrek għall-indiema u t-tiġdid’.  Dan it-tħabrik għall-konverżjoni m’huwiex biss ħidma tal-bniedem.  Hu ċ-ċaqliq ta’ ‘qalb niedma’ miġbuda u mbuttata mill-grazzja biex twieġeb għall-imħabba kollha ħniena ta’ Alla li ħabbna qabel stess ħabbejnieh aħna” (KKK, 1428).  Alla joffri b’xejn il-maħfra tiegħu lil min jiftaħ qalbu għall-azzjoni tal-grazzja tiegħu.  Dan iseħħ permezz ta’ l-indiema, imxierka mal-proponiment li wieħed jindirizza ħajtu skond ir-rieda ta’ Alla, effett tal-ħniena tiegħu li permezz tagħha Hu jerġa’ jħabbibna miegħu.  Alla jqiegħed fil-qalb tagħna l-ħila li nistgħu nimxu fit-triq ta’ l-imitazzjoni ta’ Kristu.  Il-kelma u l-imġiba ta’ Ġesù juru ċar li s-Saltna ta’ Alla hi x-xefaq li fih kull relazzjoni ssib it-tifsira tagħha (ara Mt 6:33).  Ir-rabtiet familjari, anki jekk fundamentali, “m’humiex rabtiet assoluti” (KKK, 2232).  Ġesù ħawwad lil min kien qed jisimgħu meta rrelattivizza r-relazzjonijiet familjari fid-dawl tas-Saltna ta’ Alla (ara Mk 3:33-35; Lq 14:26; Mt 10:34-37; 19:29; 23:9).  Din ir-rivoluzzjoni fir-relazzjonijiet ta’ mħabba li Ġesù jintroduċi fil-familja umana hi sejħa radikali għall-fraternità universali.  Ħadd m’hu eskluż mill-komunità ġdida miġbura f’isem Ġesù, għax kollha msejħin nagħmlu parti mill-familja ta’ Alla.  Ġesù jurina kif Alla li sar bniedem issa jsieħeb il-mixja umana bil-grazzja tiegħu, u bi ħnientu jibdel il-qalb iebsa (ara Eżek 36:26) u permezz tal-Misteru ta’ l-Għid jorjentaha lejn il-milja tagħha.

 

Kapitlu II

Il-Familja fil-Maġisteru tal-Knisja

 

It-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II

  1. Fid-dawl ta’ dak li rċiviet minn għand Kristu, il-Knisja żviluppat matul il-medda tas-sekli tagħlim għani fuq iż-żwieġ u l-familja. Waħda mill-ogħla espressjonijiet ta’ dan il-Maġisteru kienet proposta mill-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, fil-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, li tiddedika kapitlu sħiħ lid-dinjità taż-żwieġ u tal-familja (ara GS, 47-52). Din hekk tiddefinixxi ż-żwieġ u l-familja: “L-għaqda intima tal-ħajja u ta’ l-imħabba bejn il-miżżewġin, imwaqqfa minn Alla fil-ħolqien u rregolata b’liġijiet propji, titwaqqaf fuq il-patt taż-żwieġ, jiġifieri fuq il-kunsens personali u irrevokabbli.  Hekk, b’att uman li bih il-miżżewġin jagħtu lil xulxin u jirċievu lil xulxin, istituzzjoni diġà stabbli b’liġi ta’ Alla tibda sseħħ ukoll quddiem is-soċjetà” (GS, 48).  L-“imħabba vera bejn ir-raġel u martu” (GS, 49) timplika l-għotja reċiproka tagħhom infushom lil xulxin, tinkludi u tintegra d-dimensjoni sesswali u l-imħabba, u hekk tikkorrispondi għall-pjan divin (ara GS, 48-49).  Dan jagħmilha ċara li ż-żwieġ, u l-imħabba tal-miżżewġin li tagħtih il-ħajja, “huma ordinati għall-prokreazzjoni u t-trobbija ta’ l-ulied” (GS, 50).  Iktar minn hekk, tisħaq li l-miżżewġin iniżżlu għeruqhom fi Kristu: Kristu l-Mulej “jiltaqa’ mal-miżżewġin Insara bis-sagrament taż-żwieġ” (GS, 48) u jibqa’ magħhom (sacramentum permanens).  Hu jieħu fih l-imħabba umana, isaffiha, iwassalha għall-milja tagħha, u jagħti lill-miżżewġin, bl-Ispirtu tiegħu, il-ħila li jgħixuha, waqt li jidħol jagħmel parti mill-ħajja sħiħa tagħhom ta’ fidi, tama u mħabba.  B’dan il-mod il-miżżewġin huma bħal ikkonsagrati u, bil-grazzja li tingħatalhom, jibnu l-Knisja ta’ Kristu u jsawru l-Knisja tad-dar (ara LG, 11), biex hekk il-Knisja, biex tista’ tifhem b’mod sħiħ il-misteru tagħha, tħares lejn il-familja Nisranija, li turih b’mod ġenwin.

 

Pawlu VI

  1. Il-Beatu Pawlu VI, fuq il-passi tal-Konċilju Vatikan II, niżel fil-fond tad-duttrina fuq iż-żwieġ u l-familja. B’mod partikulari, bl-Enċiklika Humanæ vitæ, xeħet dawl fuq ir-rabta intrinsika bejn imħabba konjugali u tnissil tal-ħajja: “L-imħabba konjugali titlob mill-miżżewġin li huma jagħrfu b’mod xieraq il-missjoni tagħhom ta’ paternità responsabbli, li fuqha l-lum ġustament ninsistu tant u li wkoll għandha tiġi mifhuma b’mod eżatt.  […] It-twettiq responsabbli tal-paternità jfisser għalhekk li l-miżżewġin jagħrfu sewwa d-dmirijiet tagħhom lejn Alla, lejhom infushom, lejn il-familja u lejn is-soċjetà skond il-ġerarkija ġusta tal-valuri” (HV, 10).  Fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi, Pawlu VI wera x’inhi r-relazzjoni bejn il-familja u l-Knisja: “Fl-appostolat tal-lajċi fil-qasam ta’ l-evanġelizzazzjoni m’hux possibbli ma tmissx dak li l-familja tagħmel biex tevanġelizza.  F’perjodi differenti ta’ l-istorja tal-Knisja din kien ħaqqha d-definizzjoni sabiħa, il-lum awtorizzata mill-Konċilju Vatikan II, ta’ ‘Knisja domestika’.  Dan ifisser li, f’kull familja Nisranija għandhom jiltaqgħu l-ħafna dimensjonijiet tal-Knisja kollha.  Bħall-Knisja, il-familja għandha tkun post li fih il-Vanġelu hu mxandar u li minnu l-Vanġelu jixxandar” (EN, 71).

 

Ġwanni Pawlu II

  1. San Ġwanni Pawlu II iddedika lill-familja attenzjoni parikulari permezz tal-katekeżi tiegħu fuq l-imħabba umana u fuq it-teoloġija tal-ġisem. Fihom, hu offra lill-Knisja għana ta’ riflessjonijiet fuq it-tifsira tal-ġisem uman fil-kuntest taż-żwieġ u fuq il-pjan ta’ Alla għaż-żwieġ u l-familja sa mill-bidu tal-ħolqien.  B’mod partikulari, meta tkellem dwar l-imħabba tal-miżżewġin, fisser il-mod kif il-miżżewġin, fi mħabbithom lejn xulxin, jirċievu d-don ta’ l-Ispirtu ta’ Kristu u jgħixu s-sejħa tagħhom għall-qdusija.  Fl-Ittra lill-familji Gratissimam sane u fuq kollox bl-Eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio, Ġwanni Pawlu II wera li l-familja hi “triq għall-Knisja”, offra viżjoni magħquda fuq il-vokazzjoni ta’ l-imħabba tar-raġel u l-mara, ippropona l-linji fundamentali għall-pastorali tal-familja u għall-preżenza tal-familja fis-soċjetà.  “Fiż-żwieġ u fil-familja jseħħu għadd ta’ relazzjonijiet bejn persuni – relazzjonijiet tal-miżżewġin bejniethom, tal-ġenituri u l-ulied, ta’ l-aħwa bejniethom –, b’dawn ir-relazzjonijiet kull bniedem jidħol fil-‘familja ta’ Alla’ li hi l-Knisja” (FC, 15).

 

Benedittu XVI

  1. Benedittu XVI, fl-Enċiklika Deus caritas est, reġa’ qabad fuq it-tema tal-verità ta’ l-imħabba bejn raġel u mara, li tiddawwal b’mod sħiħ biss mid-dawl ta’ l-imħabba ta’ Kristu mislub (ara DCE, 2). Hu jisħaq li “iż-żwieġ imsejjes fuq l-imħabba esklussiva u definita jsir ix-xbieha (ikona) tar-relazzjoni ta’ Alla mal-poplu tiegħu u tal-poplu ma’ Alla; il-mod kif Alla jħobb isir il-kejl ta’ l-imħabba umana” (DCE, 11).  Barra minn hekk, fl-Enċiklika Caritas in veritate, juri l-importanza ta’ l-imħabba fil-familja bħala bidu tal-ħajja fis-soċjetà, post fejn wieħed jitgħallem l-esperjenza tal-ġid komuni.  “Qed terġa’ tinħass il-ħtieġa soċjali kif ukoll ekonomika li jitqiegħed quddiem il-ġenerazzjonijiet tal-­ġejjieni l-ġmiel taż-żwieġ u tal-familja, u l-fatt li dawn l-istituzzjonijiet iwieġbu għall-ħtiġijiet l-aktar profondi u d-dinjità tal-persuna.  B’dan quddiem għajnejhom, l­-istati huma msejħin biex isawru politika li tippromovi ċ-ċentralità u l-integrità tal-familja msejsa fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara, iċ-ċellula vitali ewlenija tas-soċjetà, u jidħlu responsabbli tal-ħtiġijiet ekonomiċi u fiskali tagħha, huma u jirrispettaw in-natura relazzjonali tagħha” (CiV, 44).

 

Franġisku

  1. Il-Papa Franġisku, fl-Enċiklika Lumen fidei jaffronta hekk ir-rabta bejn il-familja u l-fidi: “L-ewwel ambjent li fih il-fidi ddawwal il-belt tal-bnedmin jinsab fil-familja. Naħseb qabel xejn fl-għaqda stabbli tar-raġel u l-mara fiż-żwieġ […].  Il-wegħda ta’ mħabba li tkun għal dejjem hi possibbli meta wieħed jikxef pjan akbar mill-proġetti tiegħu” (LF, 52).  Fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, il-Papa jfakkar fiċ-ċentralità tal-familja qalb l-isfidi kulturali ta’ żmienna: “Il-familja, bħall-komunitajiet u r-rabtiet soċjali l-oħra kollha, għaddejja minn kriżi kulturali qawwija.  Fil-każ tal-familja, id-dgħufija tar-rabtiet issir partikularment gravi għax hawn għandna ċellula fundamentali tas-soċjetà, l-imkien fejn nitgħallmu ngħixu bid-differenzi ta’ bejnietna u nkunu ta’ xulxin u fejn il-ġenituri jgħaddu l-fidi lill-ulied.  It-tendenza saret li nħarsu lejn iż-żwieġ bħala sempliċi forma ta’ gratifikazzjoni affettiva li jista’ jinbena bi kwalunkwe mod u jitbiddel skond kif iħossha dak li jkun.  Imma l-kontribut indispensabbli taż-żwieġ lis-soċjetà hu ’l fuq mil-livell emottiv u mill-ħtiġijiet li jinbidlu tal-koppja” (EG, 66).  Il-Papa Franġisku ddedika wkoll lit-temi marbuta mal-familja ċiklu sistematiku ta’ katekeżi li jinżlu fil-fond tas-suġġetti, l-esperjenzi u l-fażijiet tal-ħajja tagħha.

 

Kapitlu III

Il-familja fit-tagħlim Nisrani

 

Iż-żwieġ fl-ordni tal-ħolqien u milja sagramentali

  1. L-ordni tal-fidwa jdawwal u jwettaq dak tal-ħolqien. Iż-żwieġ naturali, għalhekk, nifhmuh b’mod sħiħ fid-dawl tat-twettiq sagramentali tiegħu: jekk inwaqqfu ħarsitna fuq Kristu biss nistgħu nagħrfu sa ġewwa nett il-verità dwar ir-relazzjonijiet umani.  “Fil-fatt il-misteru tal-bniedem jiddawwal tassew biss fil-misteru ta’ l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. […]  Kristu, Adam il-ġdid, meta juri l-misteru tal-Missier u ta’ l-imħabba tiegħu, juri wkoll għal kollox il-bniedem lill-bniedem stess u jurih is-sejħa l-aktar għolja tiegħu” (GS, 22).  Hu tabilħaqq opportun li nifhmu f’dawl Kristoċentriku l-propjetajiet naturali taż-żwieġ, li huma għall-ġid tal-miżżewġin (bonum coniugum), li jiġbor fih l-għaqda, il-ftuħ għall-ħajja, il-fedeltà u l-indissolubbiltà.  Fid-dawl tat-Testment il-Ġdid li jgħidilna li kollox ġie maħluq fi Kristu u għalih (ara Kol 1:16; Ġw 1:1ss), il-Konċilju Vatikan II ried juri apprezzament għaż-żwieġ naturali u l-elementi pożittivi preżenti fir-reliġjonijiet l-oħra (ara LG, 16; NA, 2) u fid-diversi kulturi, minkejja li huma limitati u m’humiex biżżejjed (ara RM, 55).  Id-dixxerniment tal-preżenza tas-“semina Verbi” fil-kulturi l-oħra (ara AG, 11) jista’ jsir ukoll fir-realtà taż-żwieġ u l-familja.  Barra ż-żwieġ veru naturali hemm elementi pożittivi preżenti fl-għamliet ta’ żwieġ fi tradizzjonijiet reliġjużi oħra.  Dawn l-għamliet – li xorta huma mwaqqfa fuq ir-relazzjoni stabbli u vera bejn raġel u mara –, inżommu li huma ordnati lejn is-sagrament.  B’ħarsitha mdawra fuq l-għerf uman tal-ġnus, il-Knisja tagħraf anki lil din il-familja bħala ċellula bażilari meħtieġa u għammiela tal-konvivenza umana.

 

Indissolubbiltà u frott ta’ l-għaqda fiż-żwieġ

  1. Il-fedeltà irrevokabbli ta’ Alla lejn il-patt hi l-fundament ta’ l-indissolubbiltà taż-żwieġ. L-imħabba sħiħa u profonda bejn il-miżżewġin ma tissejjisx biss fuq il-ħiliet umani: Alla jwieżen dan il-patt bil-qawwa ta’ l-Ispirtu tiegħu.  L-għażla li Alla għamel fil-konfront tagħna f’ċertu sens tirrifletti ruħha fl-għażla tal-miżżewġin: kif Alla jżomm il-wegħda tiegħu anki meta aħna nfallu, hekk l-imħabba u l-fedeltà tal-miżżewġina jgħoddu “fir-riżq it-tajjeb u l-ħażin”.  Iż-żwieġ hu don u wegħda ta’ Alla, li jisma’ t-talba ta’ dawk li jitolbuh l-għajnuna.  Il-qalb iebsa tal-bniedem, il-limiti tiegħu u d-dgħufija tiegħu quddiem it-tentazzjoni huma sfida kbira għall-ħajja komuni.  Ix-xhieda ta’ koppji li jgħixu fedelment iż-żwieġ tixħet dawl fuq il-valur ta’ din l-għaqda indissolubbli u tqanqal ix-xewqa li nġeddu kontinwament l-impenn tal-fedeltà.  L-indissolubbiltà tikkorrispondi max-xewqa profonda ta’ mħabba reċiproka u li tibqa’, li l-Ħallieq qiegħed fil-qalb tal-bniedem, u hi don li Hu nnifsu jagħmel lil kull koppja: “dak li għaqqad Alla, ma jifirdux il-bniedem” (Mt 19:6; ara Mk 10:9).  Ir-raġel u l-mara jilqgħu dan id-don u jieħdu ħsiebu biex l-imħabba tagħhom tista’ tibqa’ għal dejjem.  Quddiem is-sensibbiltà ta’ żmienna u d-diffikultajiet veri biex wieħed iżomm l-impenn tiegħu għal dejjem, il-Knisja hi msejħa tipproponi l-esiġenzi u l-pjan ta’ ħajja tal-Vanġelu tal-familja u taż-żwieġ Nisrani.  “San Pawl, hu u jitkellem fuq il-ħajja ġdida fi Kristu, jgħid li l-Insara – kollha – huma msejħa biex iħobbu lil xulxin kif ħabbhom Kristu, jiġifieri billi ‘joqogħdu għal xulxin’ (Efes 5:21), mela għas-servizz ta’ xulxin.  U hawn idaħħal l-analoġija bejn il-koppja raġel-mara u dik ta’ Kristu-Knisja.  Bla dubju din hi analoġija imperfetta, imma għandna nilqgħu t-tifsira spiritwali tagħha li hi tabilħaqq għolja u rivoluzzjonarja, u fl-istess ħin sempliċi, hekk li kull raġel u mara li jafdaw fil-grazzja ta’ Alla jistgħu jilħquha” (Franġisku, Udjenza ġenerali, 6 ta’ Mejju 2015).  Għal darb’oħra din hi aħbar li timla bit-tama!

 

Il-ġid tal-familja

  1. Iż-żwieġ hu l-“komunità tal-ħajja kollha, min-natura tagħha ordinata lejn il-ġid tal-miżżewġin u t-tnissil u l-edukazzjoni ta’ l-ulied” (CIC, kan. 1055, §1). Meta jilqgħu lil xulxin, l-għarajjes li ħa jiżżewġu jwiegħdu li jingħataw għal kollox għal xulxin, b’fedeltà u ftuħ għall-ħajja.  Fil-fidi u bil-grazzja ta’ Kristu, huma jagħrfu d-doni li Alla joffrilhom u jimpenjaw ruħhom f’ismu quddiem il-Knisja.  Alla jikkonsagra l-imħabba tal-miżżewġin u jikkonferma l-indissolubbiltà tagħha, waqt li joffrilhom il-grazzja tiegħu biex jgħixu l-fedeltà, l-integrazzjoni reċiproka u l-ftuħ għall-ħajja.  Irroddu ħajr lil Alla għaż-żwieġ għax, permezz tal-komunità tal-ħajja u ta’ l-imħabba, il-miżżewġin Insara jagħrfu x’inhu l-ferħ u jduqu kif Alla jħobbhom personalment, b’passjoni u ħlewwa.  Ir-raġel u l-mara, individwalment u bħala koppja – fakkarna l-Papa Franġisku – “huma xbieha ta’ Alla”.  Id-differenza tagħhom “m’hix hemm għall-kuntrast, jew is-subordinazzjoni, imma għall-komunjoni u t-tnissil, dejjem fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla” (Udjenza ġenerali, 15 ta’ April 2015).  L-għan unittiv taż-żwieġ hu sejħa kostanti biex huma jikbru u jinżlu iżjed fil-fond ta’ din l-imħabba.  Fl-għaqda ta’ mħabbithom il-miżżewġin iduqu l-ġmiel tal-paternità u tal-maternità; jaqsmu flimkien il-pjanijiet u t-taħbit, ix-xewqat u t-tħassib; jitgħallmu jieħdu ħsieb ta’ xulxin u jaħfru wieħed lill-ieħor.  F’din l-imħabba jiċċelebraw il-mumenti ta’ ferħ tagħhom u jwieżnu lil xulxin fil-perjodi iebsin ta’ l-istorja ta’ ħajjithom.

 

  1. In-natura għammiela tal-miżżewġin, f’sens sħiħ, hi spiritwali: huma sinjali sagramentali ħajjin, għejun ta’ ħajja għall-komunità Nisranija u għad-dinja. L-att tat-tnissil, li juri r-“rabta inseparabbli” bejn il-valur unittiv u prokreattiv – kif jurina l-Beatu Pawlu VI (ara HV, 12) – dejjem għandna nifhmuh fl-ottika tar-responsabbiltà tal-ġenituri fl-impenn għat-trobbija u l-edukazzjoni Nisranija ta’ wliedhom.  Dan hu l-frott l-iżjed prezzjuż ta’ l-imħabba bejn il-miżżewġin.  Mill-mument li fih il-wild isir persuna, hu jittraxxendi lil dawk li nissluh.  “Fil-fatt, li tkun iben u bint, skond il-pjan ta’ Alla, ifisser li ġġorr fik il-memorja u t-tama ta’ mħabba li wettqet lilha nfisha sewwa sew meta xegħlet il-ħajja ta’ essri uman ieħor, oriġinali u ġdid.  U għall-ġenituri kull iben huwa hu nnifsu, hu differenti” (Franġisku, Udjenza ġenerali, 11 ta’ Frar 2015).  Il-ġmiel tad-don reċiproku u b’xejn, il-ferħ għall-ħajja li twieldet u l-għożża kollha mħabba tal-membri kollha, miċ-ċkejknin sa l-anzjani, huma ftit mill-frott li jagħmel it-tweġiba għall-vokazzjoni tal-familja ħaġa unika u li xejn ma jista’ jeħdilha postha.  Ir-relazzjonijiet familjari għandhom rwol deċiżiv fil-bini solidali u fratern tas-soċjetà umana, li m’hix sempliċi konvivenza ta’ nies li jgħixu f’territorju jew huma ċittadini ta’ Stat wieħed.

 

Verità u ġmiel tal-familja

  1. B’ferħ kbir u faraġ qawwi, il-Knisja tħares lejn il-familji li huma fidili għat-tagħlim tal-Vanġelu, u troddilhom ħajr u tagħmlilhom il-qalb għax-xhieda li joffru. Grazzi għalihom jista’ jitwemmen il-ġmiel taż-żwieġ indissolubbli u fidil għal dejjem.  Fil-familja sseħħ l-ewwel esperjenza ekkleżjali tal-komunjoni bejn il-persuni, fejn, bi grazzja, jirrifletti ruħu l-misteru ta’ l-imħabba tat-Trinità Qaddisa.  “Hu fi ħdan il-familja li wieħed jitgħallem it-toqol u l-ferħ tax-xogħol, l-imħabba bejn l-aħwa, il-maħfra mill-qalb, ukoll jekk imtennija kemm-il darba u fuq kollox, il-qima ta’ Alla permezz tat-talb u ta’ l-offerta tal-ħajja” (KKK, 1657).  Il-Vanġelu tal-familja jitma’ wkoll lil dik iż-żerriegħa li għadha qed tistenna li tikber, u jrid jieħu ħsieb ta’ dawk is-siġar li nixfu jew hemm bżonn li ma jiġux ittraskurati (ara Lq 13:6-9).  Il-Knisja, bħala għalliema żgura u omm attenta, anki jekk taf li qalb l-imgħammdin ma jistax ikun hemm rabta taż-żwieġ ħlief dik sagramentali, u li kull tifrik tagħha hu kontra r-rieda ta’ Alla, taf ukoll bid-dgħufija ta’ ħafna minn uliedha li qed ibatu fil-mixja tal-fidi tagħhom.  “Għalhekk, bla nnaqqsu xejn mill-valur tal-ideal tal-Vanġelu, jeħtieġ nakkumpanjaw bil-ħniena u s-sabar il-passi ta’ maturità tal-persuni li huma jibnu jum wara l-ieħor.  […] Pass ċkejken, qalb il-limitazzjonijiet kbar umani, jista’ jkun mogħġub iżjed quddiem Alla minn ħajja – li minn barra tidher tajba – ta’ min jgħaddi ħajtu bla qatt iħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet importanti.  Għand kulħadd għandu jasal il-faraġ u t-tħeġġiġ ta’ l-imħabba feddejja ta’ Alla, li jaħdem b’mod misterjuż f’kull persuna, lil hemm mid-difetti u l-waqgħat tagħha” (EG, 44).  Din il-verità u dan il-ġmiel għandhom jiġu mħarsa.  Quddiem qagħdiet diffiċli u familji miġruħa, għandna dejjem niftakru fi prinċipju ġenerali: “Ir-ragħajja ta’ l-erwieħ għandhom ikunu jafu, f’ġieħ il-verità, jagħżlu sewwa bejn qagħda u oħra” (FC, 84).  Il-grad ta’ responsabbiltà m’huwiex l-istess f’kull każ, u jista’ jkun hemm fatturi li jillimitaw il-ħila ta’ deċiżjoni.  Għalhekk, waqt li nesprimu b’mod ċar x’inhi d-duttrina, għandna nevitaw ġudizzji li jinjoraw il-kumplessità tad-diversi sitwazzjonijiet, u jeħtieġ inkunu attenti għall-mod kif il-persuni qed jgħixu u jbatu minħabba fil-qagħda tagħhom.

 

Kapitlu IV

Lejn il-milja ekkleżjali tal-familja

 

Ir-rabta qawwija bejn Knisja u familja

  1. Il-barka u r-responsabbiltà ta’ familja ġdida, issiġillata fis-sagrament ekkleżjali, iġibu magħhom id-disponibbiltà biex huma jwieżnu u jippromovu, fi ħdan il-komunità Nisranija, il-patt fundamentali bejn raġel u mara. Din id-disponibbiltà, fil-qasam tar-rabta soċjali, tat-tnissil ta’ l-ulied, tal-ħarsien ta’ l-iżjed dgħajfa, tal-ħajja komuni, iġġib magħha responsabbiltà li għandha jedd tiġi mwieżna, magħrufa u apprezzata.  Bil-qawwa tas-sagrament taż-żwieġ kull familja ssir f’kull sens ġid għall-Knisja.  F’din il-perspettiva żgur li jkun don prezzjuż il-lum fil-Knisja li nagħtu kas anki tar-reċiproċità bejn familja u Knisja: il-Knisja hi ġid għall-familja, il-familja hi ġid għall-Knisja.  Il-ħarsien tad-don sagramentali tal-Mulej m’hux biss dmir tal-familja waħidha, imma ta’ l-istess komunità Nisranja, fil-mod li jmiss lilha.  Quddiem id-diffikultajiet li jinqalgħu, anki gravi, biex titħares l-għaqda taż-żwieġ, id-dixxerniment ta’ dak li wieħed għandu jagħmel u ta’ dak li jkun kiser għandu jsir b’mod iktar serju mill-koppja bl-għajnuna tar-Ragħajja u tal-komunità.

 

Il-grazzja tal-konverżjoni u tat-twettiq

  1. Il-Knisja tibqa’ qrib tal-miżżewġin li r-rabta ta’ bejniethom tant iddgħajfet li hemm ir-riskju tas-separazzjoni. F’każ li b’uġigħ ta’ qalb ikollhom iwasslu fi tmiemha r-relazzjoni ta’ bejniethom, il-Knisja tħossha fid-dmir li sseħibhom f’dan il-waqt ta’ tbatija, hekk li ta’ l-inqas ma jinqalax tilwim bejn il-miżżewġin li jista’ jagħmel iktar ħsara.  Attenzjoni partikulari għandha tingħata fuq kollox lill-ulied, li huma l-ewwel li jintlaqtu mis-separazzjoni, biex dawn ibatu mill-inqas possibbli: “meta l-omm u l-missier jagħmlu l-ħsara lil xulxin, il-qalb tat-tfal tbati ħafna” (Franġisku, Udjenza ġenerali, 24 ta’ Ġunju 2015).  Il-ħarsa ta’ Kristu, li d-dawl tiegħu jdawwal lil kull bniedem (ara Ġw 1:9; GS, 22), tnebbaħ il-kura pastorali tal-Knisja mal-fidili li sempliċement qed jgħixu ma’ xulxin jew li żżewġu biss ċivilment jew huma divorzjati li reġgħu żżewġu.  Fil-perspettiva tal-pedagoġija divina, il-Knisja ddur bi mħabba lejn dawk li qed jieħdu sehem fil-ħajja tagħha b’mod imperfett: titlob fuqhom il-grazzja tal-konverżjoni, tħeġġiġhom jagħmlu l-ġid, jieħdu ħsieb ta’ xulxin bi mħabba, u jaqdu lill-komunità li fiha jgħixu u jaħdmu.  Inħeġġu li fid-Djoċesijiet isiru mixjiet ta’ dixxerniment għal dawn il-persuni, fejn iħossuhom qed jipparteċipaw iżjed, b’għajnuna u inkuraġġiment għall-maturazzjoni ta’ għażla li ssir b’kuxjenza u koerenza.  Il-koppji għandhom jiġu mgħarrfa bil-possibbiltà li jirrikorru għall-proċess ta’ dikjarazzjoni tan-nullità taż-żwieġ.

 

  1. Meta l-għaqda tilħaq ċerta stabbiltà permezz ta’ rabta pubblika – u hi kkaratterizzata minn ċerta mħabba profonda, ir-responsabbiltà fil-konfront ta’ l-ulied, u ħiliet li wieħed jegħleb il-provi – nistgħu nħarsu lejha bħala okkażjoni biex nakkumpanjaw lejn is-sagrament taż-żwieġ, fejn dan ikun possibbli. Min-naħa l-oħra, hu differenti l-każ fejn il-konvivenza ma tkunx ġiet stabbilita fid-dawl ta’ possibbiltà ta’ żwieġ futur, imma fin-nuqqas tal-fehma li wieħed jistabbilixxi relazzjoni istituzzjonali.  Ir-realtà taż-żwiġijiet ċivili bejn raġel u mara, taż-żwiġijiet tradizzjonali u, meta tqis kollox, anki tal-konvivenzi, hi fenomenu li qed jidher f’ħafna pajjiżi.  Barra minn hekk, il-qagħda tal-fidili li waqqfu għaqda ġdida bejniethom titlob attenzjoni pastorali speċjali: “F’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin […] kiber tabilħaqq l-għarfien li hemm bżonn nilqgħu bħal aħwa u b’qalb attenta, fl-imħabba u fil-verità, lil dawk l-imgħammda li qegħdin f’konvivenza ġdida wara li ż-żwieġ sagramentali tagħhom falla; fil-fatt, dawn il-persuni m’huma xejn affattu skomunikati” (Franġisku, Udjenza ġenerali, 5 ta’ Awwissu 2015).

 

Il-ħniena fil-qalba tar-Rivelazzjoni

  1. Il-Knisja titlaq mis-sitwazzjonijiet konkreti tal-familji tal-lum, li kollha għandhom bżonn tal-ħniena, ibda minn dawk li l-iżjed qed ibatu. Bil-qalb ħanina ta’ Ġesù, il-Knisja jeħtieġ issieħeb lill-iżjed dgħajfa fost uliedha, milquta mill-imħabba midruba jew mitlufa, u troddilhom il-fiduċja u t-tama, bħad-dawl ta’ fanal f’port jew ta’ fjakkla f’nofs in-nies biex iddawwal lil dawk li tilfu t-triq jew sabu ruħhom f’nofs tempesta.  It-tama hi “il-qalba tar-rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu” (MV, 25).  Fiha tiddi s-sovranità ta’ Alla, li biha Hu fidil dejjem mill-ġdid għal dak li hu, hu li hu mħabba (ara 1 Ġw 4:8), u għall-patt tiegħu.  “Hu sewwa sew fil-ħniena tiegħu li Alla juri li jista’ kollox” (San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiæ, II-II, q. 30, art. 4; ara Missal Ruman, Kolletta tas-XXVI Ħadd ta’ Matul is-Sena).  Meta nxandru l-verità bi mħabba, dan hu fih innifsu għemil ta’ ħniena.  Fil-Bolla Misericordiæ vultus, il-Papa Franġisku jistqarr: “Il-ħniena ma tmurx kontra l-ġustizzja imma tesprimi l-imġiba ta’ Alla mal-midneb”.  U jissokta: “Alla ma jirrifjutax il-ġustizzja.  Hu jixrobha u jissuperaha fi ġrajja ogħla fejn wieħed jista’ jġarrab l-imħabba li hi l-pedament ta’ ġustizzja vera” (MV, 21).  Ġesù hu l-wiċċ ta’ Alla l-Missier: “Alla hekk ħabb lid-dinja […] biex id-dinja ssalva permezz tiegħu (l-Iben)” (Ġw 3:16-17).

 

IT-TIELET PARTI

IL-MISSJONI TAL-FAMILJA

 

  1. Sa mill-bidu ta’ l-istorja, Alla kien ħali fl-imħabba ma’ wliedu (ara LG, 2), hekk li huma seta’ jkollhom il-milja tal-ħajja f’Ġesù Kristu (ara Ġw 10:10). Permezz tas-sagramenti ta’ l-Inizjazzjoni Nisranija, Alla jsejjaħ lill-familji biex jidħlu f’din il-ħajja, ixandruha u jgħadduha lill-oħrajn (ara LG, 41).  Bħalma jfakkarna bil-qawwa l-Papa Franġisku, il-missjoni tal-familja qed titwessa’ dejjem iżjed fil-qadi ta’ ħutna.  Hi l-missjoni tal-Knisja li fiha kull familja hi msejħa tieħu sehem b’mod uniku u pprivileġġjat.  “Grazzi għall-Magħmudija li rċieva, kull membru tal-Poplu ta’ Alla sar dixxiplu missjunarju” (EG, 120).  Fid-dinja kollha, fir-realtà tal-familji, nistgħu nilmħu tant kuntentizza u ferħ, imma anki tant tbatija u wġigħ.  Irridu nħarsu lejn din ir-realtà bl-għajnejn li bihom anki Kristu kien iħares lejha hu u miexi qalb il-bnedmin ta’ żmienu.  L-imġiba tagħna trid tkun li bl-umiltà kollha nfittxu li nifhmu lill-oħrajn.  Ix-xewqa tagħna hi li nsieħbu lil kull familja biex tiskopri l-aħjar triq biex tegħleb id-diffikultajiet li magħhom tiltaqa’ fil-mixja tagħha.  Il-Vanġelu hu dejjem ukoll sinjal ta’ kontradizzjoni.  Il-Knisja ma tinsa qatt li l-Misteru ta’ l-Għid hu ċentrali fil-Bxara t-Tajba li qed inħabbru.  Hi tixtieq tgħin lill-familji jagħrfu u jilqgħu s-salib meta jiġi quddiemhom, biex jistgħu jerfgħuh ma’ Kristu fil-mixja lejn il-ferħ tal-qawmien.  Din il-ħidma titlob “konverżjoni pastorali u missjunarja, li ma tistax tħalli l-affarijiet kif sabithom” (EG, 25).  Il-konverżjoni mbagħad tmiss b’qawwa l-istil u l-lingwaġġ.  Hemm bżonn nadottaw lingwaġġ li fih tifsira.  It-tħabbira trid tkun kapaċi turi li l-Vanġelu tal-familja hu tweġiba għall-ikbar xewqat tal-bniedem: għad-dinjità tiegħu u għat-twettiq sħiħ fir-reċiproċità, fil-komunjoni u fil-frott għammiel.  M’aħniex nitkellmu fuq li sempliċement nippreżentaw norma, imma li nħabbru grazzja li tagħti l-ħila lill-familja li tgħix il-ġid fdat f’idejha.  It-trasmissjoni tal-fidi l-lum qed tagħmel iżjed meħtieġ minn qatt qabel lingwaġġ li kapaċi jilħaq lil kulħadd, speċjalment liż-żgħażagħ, biex iwasslilhom il-ġmiel ta’ l-imħabba tal-familja u jfehimhom it-tifsira ta’ termini bħalma huma għotja, imħabba konjugali, fedeltà, fekondità, prokreazzjoni.  Il-bżonn ta’ lingwaġġ ġdid u iżjed adegwat jidher qabel xejn meta niġu biex nintroduċu lit-tfal u l-adolexxenti għat-tema tas-sesswalità.  Ħafna ġenituri u ħafna persuni impenjati fil-pastorali jsibuha diffiċli li jsibu l-lingwaġġ it-tajjeb u fl-istess ħin rispettuż, li jiġbor flimkien in-natura tas-sesswalità bijoloġika mal-kumplimentarjetà li tistagħna reċiprokament, bil-ħbiberija, bl-imħabba u bl-għotja tar-raġel u tal-mara.

 

Kapitlu I

Il-formazzjoni tal-familja

 

It-tħejjija għaż-żwieġ

  1. Iż-żwieġ Nisrani ma jistax jirriduċi ruħu għal tradizzjoni kulturali jew għal sempliċi konvenzjoni ġuridika: hu sejħa vera minn Alla li tesiġi dixxerniment attent, talb kostanti u maturazzjoni xierqa. Għalhekk huma meħtieġa mixjiet ta’ formazzjoni li jsieħbu lill-persuna u lill-koppja b’mod li mal-komunikazzjoni tal-kontenuti tal-fidi tixxierek l-esperjenza tal-ħajja offruta mill-komunità ekkleżjali kollha kemm hi.  Biex din l-għajnuna tkun effikaċi hemm bżonn ukoll li tittejjeb il-katekeżi ta’ qabel iż-żwieġ – kull tant fqira fil-kontenuti – li hi parti integrali mill-pastorali ta’ kuljum.  Anki l-pastorali ta’ dawk l-għarajjes li waslu biex jiżżewġu għandha tidħol fl-impenn ġenerali tal-komunità Nisranija li tippreżenta b’mod xieraq u konvinċenti l-messaġġ tal-Vanġelu dwar id-dinjità tal-persuna, il-libertà tagħha u r-rispett għall-jeddijiet tagħha.  Għandhom jitqiesu sew it-tliet tappi indikati mill-Familiaris consortio (ara 66): it-tħejjija remota, li tgħaddi mit-trasmissjoni tal-fidi u mill-valuri Nsara għall-familja tal-persuna; it-tħejjija prossima, li tidħol fil-mixjiet ta’ katekeżi u l-esperjenzi ta’ formazzjoni li wieħed ikun għex fi ħdan il-komunità tal-Knisja; it-tħejjija immedjata għaż-żwieġ, parti minn mixja usa’ kkwalifikata mid-dimensjoni vokazzjonali.

 

  1. Fil-bidla kulturali li għaddejja, qed jiġu ppreżentati mudelli li huma f’kuntrast mal-viżjoni Nisranija tal-familja. Is-sesswalità spiss hi mifruda mill-pjan ta’ mħabba awtentika.  F’xi pajjiżi saħansitra huma imposti mill-awtorità pubblika proġetti formattivi li jippreżentaw kontenuti f’kuntrast mal-viżjoni umana u Nisranija: quddiem dawn, naffermaw b’rieda soda l-libertà tal-Knisja li tgħallem id-duttrina tagħha u d-dritt għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza min-naħa ta’ l-edukaturi.  Fuq kollox, il-familja, imqar jekk tibqa’ l-ispazju pedagoġiku ewlieni (ara Gravissimum educationis, 3), ma tistax tkun l-uniku post ta’ edukazzjoni għas-sesswalità.  Għalhekk, jeħtieġ nistrutturaw mixjiet pastorali ta’ sapport, indirizzati kemm lill-individwi u kemm lill-koppji, b’attenzjoni partikulari għall-età tal-pubertà u ta’ l-adolexxenza, fejn jiġu megħjuna jiskopru l-ġmiel tas-sesswalità fl-imħabba.  Il-Kristjaneżmu jxandar li Alla ħalaq lill-bniedem bħala raġel u mara, u berikhom biex isiru ġisem wieħed u jgħaddu l-ħajja (ara Ġen 1:27-28; 2:24).  Id-differenza ta’ bejniethom, fid-dinjità ndaqs bejniethom, hi s-siġill tal-ħolqien kollu tajjeb ta’ Alla.  Skond il-prinċipju Nisrani, ruħ u ġisem, kif ukoll sess bijoloġiku (sex) u rwol soċjali-kulturali tas-sess (gender), nistgħu niddistingwuhom, imma ma nistgħux nifirduhom minn xulxin.

 

Joħroġ għalhekk il-bżonn ta’ tiġdid u twessigħ fit-temi ta’ formazzjoni matul il-mixjiet ta’ qabel iż-żwieġ, hekk li dawn isiru mixjiet ta’ edukazzjoni għall-fidi u l-imħabba, integrati fil-mixja ta’ l-inizjazzjoni Nisranija.  F’dan id-dawl, hemm bżonn niftakru fl-importanza tal-virtujiet, fosthom il-kastità, kundizzjoni prezzjuża biex l-imħabba bejn il-persuni tikber b’mod ġenwin.  Il-mixja ta’ formazzjoni għandu jkollha l-fiżjonomija ta’ mixja orjentata lejn id-dixxerniment vokazzjonali personali u tal-koppja, li tfittex sinerġija aħjar bejn l-oqsma pastorali differenti.  Il-mixjiet ta’ tħejjija għaż-żwieġ għandhom jiġu proposti wkoll minn koppji miżżewġa li jistgħu jakkumpanjaw lill-għarajjes qabel iż-żwieġ u fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa, b’mod li hekk nagħrfu l-valur tal-ministerjalità konjugali.  Il-valurizzazzjoni pastorali tar-relazzjonijiet personali tiffavorixxi l-ftuħ gradwali ta’ l-imħuħ u l-qlub għall-milja tal-pjan ta’ Alla.

 

Iċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ

  1. Il-liturġija tat-tieġ hi ġrajja unika, li tingħax fil-kuntest familjari u soċjali ta’ festa. L-ewwel sinjal ta’ Ġesù seħħ waqt festa ta’ tieġ f’Kana: l-inbid tajjeb tal-miraklu tal-Mulej, li jhenni t-twelid ta’ familja ġdida, hu l-inbid ġdid tal-Patt ta’ Kristu ma’ l-irġiel u n-nisa ta’ kull żmien.  It-tħejjija għat-tieġ għal żmien twil tokkupa l-attenzjoni kollha ta’ l-għarajjes.  Hi tirrappreżenta żmien prezzjuż għalihom, għall-familji tagħhom u ħbiebhom, li għandu jistagħna mid-dimensjoni tassew spiritwali u ekkleżjali tagħha.  Iċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ hi okkażjoni tajba biex ħafna jiġu mistiedna għaċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti tar-Rikonċiljazzjoni u ta’ l-Ewkaristija.  Il-komunità Nisranija, permezz tas-sehem kordjali u hieni tagħha, tilqa’ fi ħdanha lill-familja ġdida biex, bħala Knisja domestika, tħossha parti mill-familji ikbar tal-Knisja.  Il-liturġija tat-tieġ għandha titħejja b’katekeżi mistagoġika li turi lill-koppja li ċ-ċelebrazzjoni tal-patt tagħhom titwettaq “fil-Mulej”.  Spiss, iċ-ċelebrant ikollu l-opportunità li jindirizza ġemgħa magħmula minn persuni li ftit li xejn jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja jew ġejjin minn xi konfessjoni Nisranija jew komunità reliġjuża oħra.  Hi okkażjoni prezzjuża ta’ xandir tal-Vanġelu ta’ Kristu, li jista’ jqanqal, fil-familji preżenti, l-iskoperta mill-ġdid tal-fidi u ta’ l-imħabba li ġejjin minn Alla.

 

L-ewwel snin tal-ħajja tal-familja

  1. L-ewwel snin taż-żwieġ huma perjodu essenzjali u delikat li tulu l-koppja tikber fl-għarfien tal-vokazzjoni u l-missjoni tagħha. Minn hawn toħroġ l-esiġenza ta’ tisħib pastorali li jissokta anki wara ċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament.  Il-parroċċa hi l-post fejn koppji esperti jistgħu jkunu għad-dispożizzjoni ta’ dawk iktar żgħażagħ, fejn eventwalment jinvolvu ruħhom ukoll għaqdiet, movimenti ekkleżjali u komunitajiet ġodda.  Ta’ min iħeġġeġ lill-miżżewġin ikollhom l-atteġġjament fundamentali li bih jistgħu jilqgħu d-don kbir ta’ l-ulied.  Ta’ min jisħaq fuq l-importanza ta’ l-ispiritwalità tal-familja, tat-talb u tas-sehem fl-Ewkaristija tal-Ħadd, u jistieden lill-koppji jinġabru regolarment biex jikbru fil-ħajja spiritwali u s-solidarjetà fil-ħtiġijiet konkreti tal-ħajja.  Il-laqgħa personali ma’ Kristu permezz tal-qari tal-Kelma ta’ Alla, fil-komunità u fid-dar, speċjalment fl-għamla tal-“lectio divina”, hi għajn ta’ tnebbiħ għall-għemil fil-ħajja ta’ kuljum.  Liturġiji, devozzjonijiet u Quddies iċċelebrat għall-familji, fuq kollox fl-anniversarju taż-żwieġ, isaħħu l-ħajja spiritwali u x-xhieda missjunarja tal-familja.  Mhux darba u tnejn, fl-ewwel snin tal-ħajja miżżewġa, il-koppja tingħalaq fiha nfisha, u hekk tiżola ruħha mill-kuntest komunitarju.  It-tisħiħ tax-xibka tar-relazzjonijiet bejn il-koppji u l-ħolqien ta’ rabtiet sinifikattivi huma meħtieġa għall-maturazzjoni tal-ħajja Nisranija tal-familja.  Il-movimenti u l-gruppi ekkleżjali spiss jiggarantixxu dawn il-mumenti li fihom il-familja tissawwar u tikber.  Il-Knisja lokali, bl-integrazzjoni ta’ dan il-kontribut, tieħu l-inizjattiva li tikkordina l-kura pastorali tal-familji żgħażagħ.  Fil-fażi tal-bidu tal-ħajja konjugali, iġġib qtigħ ta’ qalb partikulari l-frustrazzjoni tax-xewqa għall-ulied.  Mhux darba u tnejn, f’din jidhru motivi ta’ kriżi li dlonk iwasslu għas-separazzjoni.  Anki għal dawn ir-raġunijiet hi partikularment importanti l-qrubija tal-komunità lejn iż-żgħażagħ miżżewġin, bit-tweżin kollu mħabba u diskrezzjoni min-naħa ta’ familji li tista’ torbot fuqhom.

 

Il-formazzjoni tal-presbiteri u ta’ operaturi pastorali oħra

  1. Hu meħtieġ it-tiġdid tal-pastorali fid-dawl tal-Vanġelu tal-familja u tat-tagħlim tal-Maġisteru. Għalhekk, hemm bżonn nipprovdu formazzjoni iżjed adegwata għall-presbiteri, id-djakni, ir-reliġjużi, il-katekisti u l-operaturi pastorali l-oħra, li għandhom jippromovu l-integrazzjoni tal-familji fil-komunitajiet parrokkjali, fuq kollox fl-okkażjoni ta’ mixjiet ta’ formazzjoni lejn il-ħajja Nisranija fid-dawl tas-sagramenti.  B’mod partikulari s-seminarji, fil-programmi ta’ formazzjoni umana, spiritwali, intellettwali u pastorali, għandhom iħejju l-presbiteri ta’ għada biex isiru appostli tal-familja.  Fil-formazzjoni lejn il-ministeru ordnat ma nistgħux nittraskuraw l-iżvilupp affettiv u psikoloġiku, billi anki nieħdu sehem dirett f’mixjiet apposta.  Programmi u korsijiet ta’ formazzjoni maħsuba speċifikament għall-operaturi pastorali jistgħu jagħmluhom idoneji biex idaħħlu l-istess mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ fid-dinamika usa’ tal-ħajja ekkleżjali.  Fiż-żmien ta’ formazzjoni, il-kandidati għall-presbiterat jgħixu perjodi simili mal-familja tagħhom u huma megħjuna jagħmlu esperjenza ta’ pastorali familjari biex jiksbu għarfien aħjar tal-qagħda tal-familji fi żmienna.  Il-preżenza tal-lajċi u tal-familji, b’mod partikulari dik femminili, fil-formazzjoni saċerdotali, tiffavorixxi l-apprezzament tal-varjetà u l-kumplimentarjetà tad-diversi vokazzjonijiet fil-Knisja.  Id-dedikazzjoni għal dan il-ministeru prezzjuż tista’ tiġi mħeġġa u ssir iżjed konkreta b’patt imġedded bejn iż-żewġ għamliet ewlenin ta’ vokazzjoni għall-imħabba: dik taż-żwieġ, li twarrad fil-familja Nisranija, imsejsa fuq l-imħabba ta’ l-għażla, u dik tal-ħajja kkonsagrata, xbieha tal-komunjoni fis-Saltna, li l-punt tat-tluq tagħha hu li wieħed jilqa’ bla ebda kundizzjoni lill-persuna l-oħra bħala don ta’ Alla.  Fil-komunjoni tal-vokazzjonijiet iseħħ qsim għammiel ta’ doni, li jqawwi u jagħni l-komunità ekkleżjali (ara Atti 18:2).  Id-direzzjoni spiritwali tal-familja tista’ titqies wieħed mill-ministeri parrokkjali.  Nissuġġerixxu li l-Uffiċċju djoċesan għall-familja u l-Uffiċċji pastorali l-oħra jintensifikaw il-kollaborazzjoni tagħhom f’dan il-qasam.  Fil-formazzjoni permanenti tal-kleru u ta’ l-operaturi pastorali, jixraq li jibqgħu jiġu kkurati b’għodda xierqa l-maturazzjoni tad-dimensjoni affettiva u psikoloġika, li tkun indispensabbli għalihom biex isieħbu pastoralment lill-familji, anki fid-dawl tas-sitwazzjonijiet partikulari ta’ emerġenza minħabba f’każi ta’ vjolenza domestika u abbuż sesswali.

 

Kapitlu II

Familja, tnissil, edukazzjoni

 

It-trasmissjoni tal-ħajja

  1. Il-preżenza ta’ familji numerużi fil-Knisja hi barka għall-komunità Nisranija u għas-soċjetà, għax il-ftuħ għall-ħajja hu esiġenza intrinsika ta’ l-imħabba bejn il-miżżewġin. F’dan id-dawl, il-Knisja tesprimi gratitudni ħajja lejn il-familji li jilqgħu, jedukaw, idawru bl-imħabba u jittrasmettu l-fidi lil uliedhom, b’mod partikulari dawk l-iżjed dgħajfa u milquta minn diżabbiltajiet.  Dawn it-tfal, imwielda bi bżonnijiet speċjali, jiġbdu fuqhom l-imħabba ta’ Kristu u jitolbu mill-Knisja li tħarishom bħala barka.  B’xorti ħażina, hi mifruxa sew mentalità li tirriduċi t-tnissil tal-ħajja għas-sempliċi gratifikazzjoni individwali jew tal-koppja.  L-aspetti ta’ bixra ekonomika, kulturali u edukattiva għandhom piż daqstant ieħor determinanti u minħabba fihom qed titbaxxa r-rata tat-twelid, ħaġa li ddgħajjef it-tessut soċjali, tikkomprometti r-relazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet u tagħmel iżjed inċerta l-ħarsa tagħna lejn il-futur.  Anki f’dan il-qasam hemm bżonn nibdew mis-smigħ tal-persuni u nagħtu raġun lill-ġmiel u lill-verità ta’ ftuħ inkundizzjonat għall-ħajja bħala dak li l-imħabba umana għandha bżonn biex tingħax fil-milja tagħha.  Hawn inħossu l-bżonn li nxerrdu iżjed id-dokumenti tal-Maġisteru tal-Knisja li jippromovu l-kultura tal-ħajja.  Il-pastorali mal-familja għandha tinvolvi iżjed l-ispeċjalisti Kattoliċi tal-materja bijomedika fil-mixjiet ta’ tħejjija għaż-żwieġ u fil-mixja li biha ssieħeb lill-miżżewġin.

 

Ir-responsabbiltà tat-tnissil

  1. Skond l-ordni tal-ħolqien, l-imħabba konjugali bejn raġel u mara u t-trasmissjoni tal-ħajja huma orjentati lejn xulxin (ara Ġen 1:27-28). B’dan il-mod, il-Ħallieq ta lir-raġel u lill-mara sehem fl-opra tal-ħolqien tiegħu u fl-istess ħin għamilhom għodda ta’ mħabbtu, billi fdalhom f’idejhom il-futur ta’ l-umanità permezz tat-trasmissjoni tal-ħajja umana.  Il-miżżewġin għandhom jinfetħu għall-ħajja billi jsawru “ġudizzju rett billi jżommu quddiem għajnejhom il-ġid tagħhom infushom u kemm il-ġid ta’ wliedhom, sew ta’ dawk li diġà twieldu, sew ta’ dawk li huma mistennija li jitwieldu, billi jiżnu l-kundizzjonijiet materjali u spiritwali taż-żmien li fih qegħdin jgħixu u ta’ l-istat tal-ħajja tagħhom u fl-aħħar nett billi jqisu l-ġid tal-familja, tas-soċjetà temporali u tal-Knisja” (GS, 50; ara VS, 54-66).  Fi qbil mal-karattru personali u umanament sħiħ ta’ l-imħabba konjugali, it-triq it-tajba għall-pjanifikazzjoni tal-familja hi dik ta’ djalogu bil-kunsens taż-żewġ miżżewġin, ta’ rispett għaż-żminijiet u tal-qies tad-dinjità tal-parti l-oħra.  F’dan is-sens, jeħtieġ niskopru mill-ġdid l-Enċiklika Humanæ vitæ (ara 10-14) u l-Eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio (ara 14; 28-35) biex nerġgħu nqajmu fostna dik id-disponibbiltà għall-prokreazzjoni f’kuntrast ma’ mentalità spiss ostili għall-ħajja.  Irridu neżortaw ripetutament lill-koppji żgħażagħ biex jagħtu l-ħajja.  B’dan il-mod jista’ jikber il-ftuħ għall-ħajja fil-familja, fil-Knisja u fis-soċjetà.  Permezz ta’ l-għadd ta’ isitituzzjonijiet għat-tfal il-Knisja tista’ tgħin biex toħloq soċjetà, imma anki komunità ta’ fidi, li jkunu iżjed orjentati lejn it-tfal.  Il-kuraġġ li ninfetħu għall-ħajja jissaħħaħ sew fejn tinħoloq atmosfera adatta għaċ-ċkejknin, fejn jiġu offruti għajnuna u akkumpanjament fil-ħidma ta’ l-edukazzjoni ta’ l-ulied (koperazzjoni bejn parroċċi, ġenituri u familji).

 

L-għażla responsabbli ta’ min isir ġenituri tippresupponi l-formazzjoni tal-kuxjenza, li hi “iċ-ċentru l-aktar moħbi tal-bniedem u s-santwarju fejn hu jinsab waħdu ma’ Alla, u fejn il-leħen ta’ Alla jinstama’ ġo fina” (GS, 16).  Iktar ma l-miżżewġin ifittxu fil-kuxjenza tagħhom li jisimgħu lil Alla u l-kmandamenti tiegħu (ara Rum 2:15), u jħallu lil min iseħibhom spiritwalment, iżjed id-deċiżjoni tagħhom tkun intimament ħielsa minn xaqlib suġġettiv jew mill-adattar għal modi ta’ mġiba skond l-ambjent tagħhom.  Bi mħabba lejn din id-dinjità tal-kuxjenza l-Knisja tirrifjuta bis-saħħa kollha tagħha l-interventi kostrinġenti ta’ l-Istat favur il-kontraċezzjoni, l-isterilizzazzjoni jew saħansitra l-abort.  Min-naħa l-oħra, tħeġġeġ li wieħed jirrikorri għal metodi msejsa fuq ir-“ritmi naturali ta’ fekondità” (HV, 11).  Nisħqu li “dawn il-metodi juru rispett lejn il-ġisem ta’ l-għarajjes, iħajruhom ikunu delikati ma’ xulxin u jgħinuhom jistħarrġu l-libertà vera” (KKK, 2370).  Irridu nuru dejjem li l-ulied huma don mill-isbaħ ta’ Alla, ferħ għall-ġenituri u għall-Knisja.  Permezz tagħhom il-Mulej iġedded id-dinja.

 

Il-valur tal-ħajja fil-fażijiet kollha tagħha

  1. Il-ħajja hi don ta’ Alla u misteru li jittraxxendina. Għalhekk, bl-ebda mod ma għandna nirrifjutaw il-bidu jew it-tmiem tagħha.  Għall-kuntrarju, irridu niżguraw li dawn il-fażijiet jingħataw l-attenzjoni speċjali li jixirqilhom.  Il-lum, saret ħaġa komuni li “il-bniedem fih innifsu qed jitqies bħala prodott ta’ konsum, li tista’ tużah u mbagħad tarmih.  Ħloqna kultura ta’ l-‘iskart’ u qegħdin saħansitra nippromovuha” (EG, 53).  F’dan ir-rigward, hu dmir il-familja, imwieżna mis-soċjetà kollha, li tilqa’ l-ħajja li għadha titwieled u tieħu ħsieb ta’ l-aħħar fażi tagħha.  Dwar it-traġedja ta’ l-abort, il-Knisja qabel xejn tafferma l-karattru qaddis u invjolabbli tal-ħajja umana u timpenja ruħha konkretement għall-ġid tagħha (ara EV, 58).  Grazzi għall-istituzzjonijiet tagħha, toffri konsulenza lill-ommijiet li qed jistennew tarbija, twieżen lit-tfajliet-ommijiet, tassisti lit-tfal abbandunati, hi qrib ta’ min bata l-abort.  Lil dawk li jaħdmu fi strutturi tas-saħħa tfakkarhom fl-obbligu morali ta’ l-oġġezzjoni tal-kuxjenza.  Bl-istess mod, il-Knisja mhux biss tħoss l-urġenza li tisħaq fuq il-jedd għall-mewt naturali, fejn allura wieħed jevita miżuri ta’ terapija li twassal ħelu ħelu għall-mewt u l-ewtanasja, imma jieħu wkoll ħsieb ta’ l-anzjani, jipproteġi l-persuni b’diżabbiltà, jgħin lill-morda terminali, ifarraġ lill-agonizzanti, u jiċħad fermament il-piena kapitali (ara KKK, 2258).

 

Adozzjoni u fostering

  1. L-adozzjoni tat-tfal, iltiema jew abbandunati, milqugħa bħala wlied, fi spirtu ta’ fidi, tieħu x-xejra ta’ appostolat familjari awtentiku (ara AA, 11), li l-Maġisteru spiss isejjaħ u jħeġġeġ għaliha (araFC, 41; EV, 93).  L-għażla ta’ l-adozzjoni u tal-fostering tesprimi esperjenza konjugali partikularment għammiela, lil hemm mill-każi fejn b’xorti ħażin u wġigħ ta’ qalb hi milquta mill-isterilità.  Din l-għażla hi sinjal elokwenti ta’ l-akkoljenza ġenerattiva, ix-xhieda tal-fidi u t-twettiq ta’ l-imħabba.  Hi trodd lura dinjità reċiproka lil dik ir-rabta li tkun sfat imwaqqfa: lill-miżżewġin li m’għandhomx tfal u lit-tfal li m’għandhomx ġenituri.  Għalhekk għandhom isibu kull appoġġ dawk l-inizjattivi kollha maħsuba biex jissimplifikaw il-proċeduri ta’ adozzjoni.  L-ittraffikar tat-tfal bejn Pajjiżi u Kontinenti għandu jiġi pprojbit b’interventi xierqa tal-liġi u kontrolli mill-Istati.  Il-kontinwità tar-relazzjoni ġenerattiva u edukattiva għandha bħala bażi neċessarja d-differenza sesswali ta’ bejn raġel u mara, l-istess kif għandha l-prokreazzjoni.  Quddiem dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-ulied huma mixtieqa hu x’inhu l-prezz, bħala dritt biex il-persuna tikseb il-milja tagħha, l-adozzjoni u l-fostering mifhuma kif suppost huma aspett importanti tal-ġenitorjalità u tal-filjolanza, għax jgħinu lill-ġenituri jifhmu li l-ulied, sew dawk naturali u sew jekk addottati jew fostered, huma persuna oħra distinta minnhom u għandhom jilqgħuhom, iħobbuhom, jieħdu ħsiebhom u mhux biss iġibuhom fid-dinja.  Kif fakkarna l-Papa Franġisku, “it-tfal għandhom il-jedd li jikbru f’familja, b’missier u omm” (Udjenza lill-Parteċipanti fil-Kollokju internazzjonali fuq il-kumplimentarjetà bejn raġel u mara, organizzat mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, 17 ta’ Novembru 2014).  Madankollu, il-Knisja għandha xxandar li, fejn hu possibbli, it-tfal għandhom id-dritt li jikbru fil-familja li fiha twieldu, u minnha jiġu megħjuna l-iktar possibbli.

 

L-edukazzjoni ta’ l-ulied

  1. Waħda mill-isfidi fundamentali, fost dawk li jħabbtu wiċċhom magħhom il-familji l-lum, żgur li hi dik edukattiva, li qed issir iktar impenjattiva u kumplessa minħabba fir-realtà kulturali tal-lum u l-influwenza kbira tal-midja. Għandna nagħtu l-importanza xierqa lill-esiġenzi u x-xewqat tal-familji li fil-ħajja ta’ kuljum jistgħu jkunu mkejjen fejn wieħed jikber, fejn konkretement u essenzjalment jgħaddu l-fidi, l-ispiritwalità u l-virtujiet li jsawru l-ħajja.  Il-familja ta’ l-oriġni spiss hi l-ġuf tal-vokazzjoni għas-saċerdozju u għall-ħajja kkonsagrata: għalhekk il-ġenituri huma msejħa jitolbu lill-Mulej id-don għoli tal-vokazzjoni għal xi ħadd minn uliedhom.  Fil-qasam edukattiv għandu jitħares id-dritt tal-ġenituri li jagħżlu liberament it-tip ta’ edukazzjoni li jagħtu lil uliedhom skond il-konvinzjonijiet tagħhom u b’kundizzjonijiet aċċessibbli u ta’ kwalità.  Irridu ngħinuhom jgħixu l-affettività, anki fir-relazzjoni konjugali, bħala mixja ta’ maturazzjoni, fejn jitgħallmu jilqgħu dejjem iżjed lill-persuna l-oħra u jingħataw b’mod sħiħ għall-oħrajn.  F’dan is-sens irridu nagħfsu fuq il-ħtieġa li noffru mixjiet ta’ formazzjoni li jsaħħu l-ħajja konjugali u l-importanza ta’ lajkat li joffri akkumpanjament magħmul minn xhieda ħajja.  Ta’ għajnuna kbira hu l-eżempju ta’ mħabba fidila u profonda magħmula minn ħlewwa, minn rispett, kapaċi tikber fiż-żmien u li fil-ftuħ konkret tagħha għat-tnissil tal-ħajja tagħmel l-esperjenza ta’ misteru li jittraxxendina.

 

  1. Fid-diversi kulturi, l-adulti tal-familja għad għandhom funzjoni edukattiva li ħadd ma jista’ jeħdilha postha. Madankollu, f’ħafna kuntesti, qed naraw progressivament jiddgħajjef ir-rwol edukattiv tal-ġenituri, minħabba fil-preżenza tal-midja li qed tinvadi fuq ġewwa ta’ l-isfera familjari, kif ukoll minħabba t-tendenza li niddelegaw dan id-dmir jew inżommuh għal suġġetti oħra.  Min-naħa l-oħra, il-midja (speċjalment dik soċjali) kapaċi tgħaqqad lill-membri tal-familja li qed jgħixu mbiegħdin minn xulxin.  L-użu ta’ l-email u ta’ midja soċjali oħra tista’ żżomm magħqudin lill-membri tal-familja fiż-żmien.  Barra minn hekk, il-midja tista’ tkun okkażjoni għall-evanġelizzazzjoni taż-żgħażagħ.  Il-Knisja għandha tħeġġeġ u twieżen lill-familji fil-ħidma tagħhom ta’ parteċipazzjoni attenta u responsabbli fil-konfront tal-programmi skolastiċi u edukattivi li jinteressaw lil uliedhom.  Hemm kunsens unanimu f’li nisħqu li l-ewwel skola ta’ edukazzjoni hi l-familja u li l-komunità Nisranija għandha twieżen u tgħin fit-tisħiħ ta’ dan ir-rwol ta’ formazzjoni li xejn ma jista’ jeħodlu postu.  Irridu nfittxu spazji u mumenti ta’ laqgħa biex inħeġġu l-formazzjoni tal-ġenituri u l-qsim ta’ esperjenzi bejn il-familji.  Importanti li l-ġenituri jkunu involuti attivament fil-mixjiet ta’ tħejjija għas-sagramenti ta’ l-inizjazzjoni Nisranija, bħala l-ewwel edukaturi u xhieda tal-fidi għal uliedhom.

 

  1. L-iskejjel Kattoliċi għandhom funzjoni essenzjali fl-għajnuna li għandhom jagħtu lill-ġenituri fi dmirhom li jedukaw lill-ulied. L-edukazzjoni Kattolika tiffavorixxi r-rwol tal-familja: tiżgura tħejjija tajba, teduka għall-virtujiet u l-valuri, tgħallem id-duttrina tal-Knisja.  L-iskejjel Kattoliċi għandhom jiġu mħeġġa fil-missjoni tagħhom li jgħinu lill-istudenti jikbru bħala adulti maturi li jistgħu jħarsu lejn id-dinja mil-lenti ta’ mħabba ta’ Ġesù u li jifhmu l-ħajja bħala sejħa biex jaqdu lil Alla.  L-iskejjel Kattoliċi huma hekk rilevanti għall-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knisja.  F’ħafna reġjuni l-iskejjel Kattoliċi huma l-uniċi li jistgħu jiżguraw opportunitajiet awtentiċi għal ulied familji foqra, speċjalment għaż-żgħażagħ, u joffrulhom alternattiva għall-faqar u triq biex jagħtu kontribut veru fil-ħajja tas-soċjetà.  L-iskejjel Kattoliċi għandhom jiġu mħeġġa jwettqu l-azzjoni tagħhom fil-komunitajiet l-iżjed foqra, billi jaqdu l-membri inqas xortihom tajba u l-iżjed dgħajfa tas-soċjetà tagħhom.

 

Kapitlu III

Familja u tisħib pastorali

 

Qagħdiet kumplessi

  1. Is-sagrament taż-żwieġ, bħala għaqda fidila u li ma tinħallx bejn raġel u mara msejħa biex jilqgħu lil xulxin u jilqgħu l-ħajja, hu grazzja kbira għall-familja tal-bnedmin. Il-Knisja tifraħ fid-dmir tagħha li xxandar din il-grazzja lil kull persuna u f’kull kuntest.  Hi tħoss il-lum, b’mod dejjem iżjed urġenti, tagħfas fuqha r-responsabbiltà li lill-imgħammdin tgħinhom jerġgħu jiskopru kif il-grazzja ta’ Alla taħdem f’ħajjithom – anki fl-aktar qagħdiet diffiċli – biex twassalhom għall-milja tas-sagrament.  Is-Sinodu, waqt li japprezza u jħeġġeġ lill-familji li qed jonoraw il-ġmiel taż-żwieġ Nisrani, jixtieq jippromovi d-dixxerniment pastorali tas-sitwazzjonijiet fejn hemm min qed isibha bi tqila japprezza dan id-don, jew b’xi mod jew ieħor qed jikkompromettih.  Għandna r-responsabbiltà serja li nżommu ħaj id-djalogu pastorali ma’ dawn il-fidili, biex ikompli jimmatura ftuħ koerenti għall-Vanġelu taż-żwieġ u tal-familja fil-milja tiegħu.  Ir-ragħajja għandhom jidentifikaw l-elementi li jistgħu jiffavorixxu l-evanġelizzazzjoni u l-maturità umana u spiritwali ta’ dawk li l-Mulej fdalhom f’idejhom.

 

  1. Il-pastorali tipproponi b’mod ċar il-messaġġ tal-Vanġelu u tilqa’ l-elementi pożittivi preżenti f’dawk is-sitwazzjonijiet li għadhom ma jaqblux jew m’għadhomx jaqblu miegħu. F’ħafna pajjiżi qed jiżdied l-għadd ta’ koppji li jgħixu flimkien, mingħajr ebda rabta ta’ żwieġ, la kanonika u lanqas ċivili.  F’xi pajjiżi jeżisti ż-żwieġ tradizzjonali, imwaqqaf bejn familji u spiss iċċelebrat f’diversi tappi.  F’xi pajjiżi oħra, imbagħad, qed joktor l-għadd ta dawk li, wara li jkunu għexu flimkien għal żmien twil, jitolbu ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tagħhom fil-knisja.  L-għażla favur is-sempliċi konvivenza spiss hi kawża tal-mentalità ġenerali kontra l-istituzzjonijiet u l-impenji għal dejjem, imma anki minħabba li wieħed ikun għadu jistenna li jħossu iżjed fiż-żgur f’ħajtu (xogħol jew paga fissa).  Fl-aħħar nett, f’pajjiżi oħra l-koabitazzjoni qed tiżdied dejjem iktar, mhux biss għax qed jiġu miċħuda l-valuri tal-familja u taż-żwieġ, imma anki għax li tiżżewweġ sar qisu lussu, minħabba fil-qagħdiet soċjali, hekk li l-miżerja materjali twassal lil koppja biex tgħix fil-koabitazzjoni.  Dawn is-sitwazzjonijiet kollha għandhom jiġu affrontati b’mod kostruttiv, billi wieħed ifittex li jibdilhom f’opportunitajiet ta’ mixja ta’ konverżjoni lejn il-milja taż-żwieġ u tal-familja fid-dawl tal-Vanġelu.

 

  1. L-għażla taż-żwieġ ċivili jew, f’bosta każi, tas-sempliċi konvivenza, spiss m’hix immotivata minn preġudizzji jew reżistenzi għall-għaqda sagramentali, imma minn sitwazzjonijiet kulturali jew kontinġenti. F’ħafna ċirkustanzi, id-deċiżjoni li wieħed jgħix flimkien hi sinjal ta’ relazzjoni li tassew tixtieq torjenta ruħha lejn perspettiva ta’ stabbiltà.  Din ir-rieda, li tittraduċi ruħha f’rabta fit-tul, ta’ fiduċja u miftuħa għall-ħajja, tista’ titqies impenn li wieħed jista’ jlaqqam fih mixja lejn is-sagrament taż-żwieġ, fejn il-koppja tagħraf il-pjan ta’ Alla għal ħajjithom.  Il-mixja ta’ maturazzjoni, li tista’ twassal għaż-żwieġ sagramentali, tiġi mħeġġa mill-għarfien ta’ dawk il-kwalitajiet propji ta’ l-imħabba ġeneruża u fit-tul: ix-xewqa li wieħed ifittex il-ġid ta’ l-ieħor qabel tiegħu nnifsu; l-esperjenza tal-maħfra mitluba u maqlugħa; it-tir li wieħed jibni familja mhux magħluqa fiha nfisha imma miftuħa għall-ġid tal-komunità ekkleżjali u tas-soċjetà kollha kemm hi.  Matul din il-mixja jistgħu jiġu vvalurizzati dawk is-sinjali ta’ mħabba li propjament jikkorrispondu għall-mera ta’ l-imħabba ta’ Alla fi proġett konjugali awtentiku.

 

  1. Il-problematiċi marbuta maż-żwiġijiet imħallta jitolbu attenzjoni speċifika. Iż-żwiġijiet bejn Kattoliċi u mgħammdin oħra “minkejja s-sura speċjali tagħhom, għandhom ħafna kwalitajiet li jeħtieġ li wieħed jara s-siwi tagħhom u jiżviluppahom, kemm minħabba l-valuri tagħhom fihom infushom, kemm minħabba l-għajnuna li jistgħu jagħtu lill-moviment ekumeniku”.  Għalhekk “wieħed għandu jfittex […] li jkun hemm ħidma flimkien bejn il-ministru Kattoliku u dak mhux Kattoliku, sa minn żmien it-tħejjija għaż-żwieġ u fiż-żwieġ stess” (FC, 78).  Dwar il-qsim ta’ l-Ewkaristija nfakkru li “id-deċiżjoni li nħallu jew ma nħallux jersqu għat-tqarbin Ewkaristiku lill-parti m’hix Kattolika taż-żwieġ trid tittieħed fi qbil man-normi ġenerali eżistenti dwar il-materja, kemm għall-Insara tal-Lvant u kemm għall-Insara l-oħra, u billi nżommu quddiem għajnejna din is-sitwazzjoni partikulari, jiġifieri li jirċievu s-sagrament taż-żwieġ Nisrani żewġ Insara mgħammdin.  Għalkemm il-miżżewġin fi żwieġ imħallat għandhom komuni bejniethom is-sagramenti tal-Magħmudija u taż-Żwieġ, is-sehem fl-Ewkaristija ma jistax isir ħlief f’każi eċċezzjonali u, hu x’inhu, għandhom jiġu osservati d-dispożizzjonijiet indikati […]” (Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni ta’ l-Għaqda bejn l-Insara, Direttorju għall-Applikazzjoni tal-Prinċipji u tan-Normi għall-Ekumeniżmu, 25 ta’ Marzu 1993, 159-160).

 

  1. Iż-żwiġijiet fejn il-partijiet ġejjin minn reliġjonijiet differenti huma lok ipprivileġġjat ta’ djalogu interreliġjuż fil-ħajja ta’ kuljum, u jistgħu jkunu sinjal ta’ tama għall-komunitajiet reliġjużi, speċjalment fejn jeżistu sitwazzjonijiet ta’ tensjoni. Il-membri tal-koppja jaqsmu flimkien l-esperjenzi spiritwali tagħhom, jew inkella mixja ta’ tiftix reliġjuż jekk wieħed mit-tnejn ma jkunx jemmen (ara 1 Kor 7:14).  Żwiġijiet bħal dawn b’differenzi fil-kult iġibu magħhom ukoll diffikultajiet speċjali kemm fejn tidħol l-identità Nisranija tal-familja, u kemm dwar l-edukazzjoni reliġjuża ta’ l-ulied.  Il-miżżewġin huma msejħa jibdlu dejjem iżjed is-sentiment ta’ ġibda li jkun hemm fil-bidu f’xewqa sinċiera għall-ġid tal-persuna l-oħra.  Dan il-ftuħ jibdel ukoll l-appartenenza reliġjuża differenti f’opportunità li tagħni l-kwalitajiet spiritwali tar-relazzjoni.  L-għadd tal-familji msawra minn għaqdiet konjugali b’differenzi reliġjużi, li qed jiżdied sew f’territorji tal-missjoni u anki f’pajjiżi ta’ tradizzjoni Nisranija twila, jagħmel iktar urġenti l-bżonn li nipprovdu kura pastorali li tvarja skond id-diversi kuntesti soċjali u kulturali.  F’xi pajjiżi, fejn il-libertà tar-reliġjon ma teżistix, il-parti Nisranija tkun obbligata tgħaddi għal reliġjon oħra biex tista’ tiżżewweġ, u ma tistax tiċċelebra ż-żwieġ kanoniku b’differenza fil-kult u lanqas tgħammed lill-ulied.  Għalhekk jeħtieġ nisħqu fuq il-bżonn li l-libertà reliġjuża tiġi rrispettata għal kulħadd.

 

  1. Iż-żwiġijiet imħallta u ż-żwiġijiet b’differenzi reliġjużi jippreżentaw aspetti li jistgħu jkunu għammiela u għadd ta’ sitwazzjonijiet kritiċi li mhux faċli ssibilhom soluzzjoni, kemm fuq livell pastorali u kemm fuq dak normattiv, bħalma huma l-edukazzjoni reliġjuża ta’ l-ulied, is-sehem fil-ħajja liturġika ta’ xi parti, il-qsim fl-esperjenza spiritwali. Biex naffrontaw b’mod kostruttiv id-diversità fl-ordni tal-fidi, hemm bżonn nagħtu attenzjoni partikulari lill-persuni li jixxierku fi żwiġijiet ta’ din ix-xorta, u dan mhux biss fiż-żmien qabel it-tieġ.  Sfidi partikulari qed jaffrontaw il-koppji u l-familji fejn parti minnhom hi Kattolika u l-oħra ma temminx.  F’każi bħal dawn aħna msejħin nagħtu xhieda tal-ħila tal-Vanġelu li jinżel għal dawn is-sitwazzjonijiet b’mod li jagħmel possibbli l-edukazzjoni għall-fidi Nisranija ta’ l-ulied.

 

  1. Diffikultajiet partikulari jidhru f’sitwazzjonijiet li jolqtu l-aċċess għall-Magħmudija ta’ persuni li jsibu ruħhom f’qagħda kumplessa ta’ żwieġ. Qed nitkellmu fuq persuni li daħlu f’għaqdiet ta’ żwieġ stabbli fi żmien meta ta’ l-inqas xi ħadd minnhom ma kienx għadu jaf bil-fidi Nisranija.  L-Isqfijiet, f’dawn il-każi, huma msejħa jħaddmu dixxerniment pastorali skont il-ġid spiritwali pastorali tagħhom.

 

  1. Il-Knisja tfittex li ġġib ruħha bħall-Mulej Ġesù li fi mħabba bla tarf offra lilu nnifsu għal kull persuna, bla eċċezzjonijiet (MV, 12). Mal-familji li qed jgħixu l-esperjenza li fi ħdanhom għandhom persuni b’tendenza omosesswali, il-Knisja tisħaq li kull persuna, hi x’inhi t-tendenza sesswali tagħha, ħaqqha r-rispett fid-dinjità tagħha u għandha tiġi milqugħa b’rispett, u wieħed joqgħod attent li jaħrab “kull timbru ta’ diskriminazzjoni inġusta” (Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Kunsiderazzjonijiet dwar il-proposti ta’ għarfien legali ta’ l-unjonijiet bejn persuni omosesswali, 4).  Attenzjoni speċifika għandha tingħata lit-tisħib tal-familji fejn jgħixu persuni b’tendenza omosesswali.  Dwar il-proposti legali li jridu jqisu l-unjonijiet bejn persuni omosesswali daqs iż-żwieġ, “ma jeżisti l-ebda fundament biex inqisu ndaqs jew nagħmlu analoġiji, lanqas remoti, bejn l-unjonijiet omosesswali u l-pjan ta’ Alla fuq iż-żwieġ u l-familja” (Ibidem).  Hu x’inhu, is-Sinodu jżomm li hu għal kollox inaċċettabbli li l-Knejjes lokali jġarrbu pressjoni fuq dan is-suġġett u li l-organizzazzjonijiet internazzjonali jikkundizzjonaw l-għajnuna finanzjarja lil pajjiżi foqra bl-introduzzjoni ta’ liġijiet li jridu ż-“żwieġ” bejn persuni ta’ l-istess sess.

 

Tisħib f’diversi sitwazzjonijiet

  1. Il-Knisja tagħmel tagħha, fi qsim kollu mħabba, il-ferħ u t-tamiet, it-tbatija u l-uġigħ ta’ kull familja. Li tkun qrib tal-familja bħala sieħba fil-mixja, għall-Knisja jfisser li b’għerf taddotta atteġġjament varjat: kull tant hemm bżonn li tibqa’ qrib u tisma’ fis-skiet; drabi oħra, jeħtieġ tiċċaqlaq biex turi t-triq li wieħed għandu jimxi; u drabi oħra, jixraq li ssegwi, twieżen u tagħmel il-qalb.  “Il-Knisja jeħtieġ tlaqqa’ lill-membri tagħha – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – ma’ din l-‘arti ta’ l-akkumpanjament’, biex ilkoll jitgħallmu dejjem jinżgħu l-qorq quddiem l-art imqaddsa tal-persuna l-oħra (ara Eż 3:5).  Jeħtieġ li l-mixja tagħna nagħtuha ritmu b’saħħtu li jqegħidha qrib ta’ l-oħrajn, b’ħarsa mimlija rispett u ħniena imma li fl-istess ħin ikollha l-ħila tfejjaq, teħles u tħeġġeġ il-maturità fil-ħajja Nisranija” (EG, 169).  Il-kontribut prinċipali lill-pastorali tal-familja toffrih il-parroċċa, li hi familja ta’ familji, fejn isseħħ l-armonija tas-sehem tal-komunitajiet iż-żgħar, il-movimenti u l-għaqdiet ekkleżjali.  L-akkumpanjament jitlob saċerdoti speċifikament imħejjija.  It-twaqqif ta’ ċentri speċjalizzati fejn saċerdoti, reliġjużi u lajċi jitgħallmu kif għandhom jieħdu ħsieb ta’ kull familja, b’attenzjoni partikulari lejn dawk li jinsabu f’diffikultà.

 

  1. Jidher partikularment urġenti ministeru ma’ dawk li r-relazzjoni taż-żwieġ tagħhom sfat midruba. Id-dramma tas-separazzjoni spiss tasal lejn tmiem perjodi twal ta’ ġlied, fejn l-iktar li jbatu huma l-ulied.  Is-solitudni tal-parti miżżewġa li tisfa abbandunata, u li tkun ġiet imġiegħla tieqaf minn konvivenza fejn kontinwament tkun ġiet ittrattata ħażin u b’mod gravi, tħeġġeġ lill-komunità Nisranija biex turi għożża partikulari.  Prevenzjoni u kura fil-każi ta’ vjolenza fil-familja jitolbu l-kollaborazzjoni stretta mal-ġustizzja biex tieħu azzjoni kontra dawk responsabbli u tipproteġi kif jixraq lill-vittmi.  Barra minn hekk, importanti nippromovu l-ħarsien tal-minuri mill-abbuż sesswali.  Fil-Knisja, flimkien mat-tisħib tal-familji, m’għandu jkun hemm ebda tolleranza f’dawn il-każi.  Imbagħad jixraq inżommu f’moħħna l-familji fejn xi membri qed iwettqu attività li ġġib magħha esiġenzi partikulari, bħal dawk militari, li jsibu ruħhom fi stat ta’ separazzjoni materjali u ta’ żmien twil fiżikament ’il bogħod mill-familja, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu.  Lura mill-ambjenti tal-gwerra, mhux darba u tnejn dawn jintlaqtu minn sindromu post-trawmatiku u jisfaw imħabbta fil-kuxjenza tagħhom li tagħfashom b’mistoqsijiet morali serji.  Hawn hi meħtieġa attenzjoni pastorali partikulari.

 

  1. L-esperjenza tal-falliment fiż-żwieġ dejjem hi ta’ tbatija għal kulħadd. L-istess falliment, min-naħa l-oħra, jista’ jsir okkażjoni għal riflessjoni, għal konverżjoni u għal fiduċja akbar f’Alla: wara li jkun għaraf ir-responsabbiltajiet tiegħu, kull wieħed jista’ jerġa’ jsib fiH fiduċja u tama.  “Mill-qalb tat-Trinità, mill-ġewwieni l-aktar profond tal-misteru ta’ Alla, tnixxi bla waqfien ix-xmara kbira tal-ħniena.  Din l-għajn ma tista’ qatt tinxef, ikunu kemm ikunu dawk li jersqu jixorbu minnha.  Kull darba li xi ħadd jiġi bżonnha, jista’ jersaq lejha, għax il-ħniena ta’ Alla hi bla tarf” (MV, 25).  Il-maħfra għall-inġustizzja li wieħed ikun ġarrab m’hix ħafifa, imma hi mixja li l-grazzja tagħmel possibbli.  Minn hawn il-ħtieġa ta’ pastorali tal-konverżjoni u tar-rikonċiljazzjoni permezz ukoll ta’ ċentri speċjalizzati ta’ smigħ u ta’ medjazzjoni li għandhom jitwaqqfu fid-Djoċesijiet.  Hu x’inhu, wieħed irid ifittex li jsir ħaqq mal-partijiet kollha involuti fil-falliment taż-żwieġ (miżżewġin u wlied).  Il-komunità Nisranija u r-Ragħajja tagħha huma fid-dmir li jitolbu lill-miżżewġin separati u divorzjati li jittrattaw lil xulxin b’rispett u ħniena, fuq kollox għall-ġid ta’ l-ulied, biex dawn ma jiġux mgħobbija b’iktar tbatija.  L-ulied ma jistgħux isiru oġġett ta’ kompetizzjoni u għandhom jitfittxu l-aħjar toroq biex tingħeleb it-trawma tax-xiżma familjari u kulħadd jikber bl-akbar mod seren possibbli.  Jiġri x’jiġri, il-Knisja dejjem għandha tidentifika l-inġustizzja li spiss toħroġ mis-sitwazzjoni ta’ divorzju.

 

  1. Il-familji b’ġenitur wieħed għandhom għeruq differenti: missirijiet jew ommijiet bijoloġiċi li qatt ma riedu jintegraw ruħhom fil-ħajja tal-familja, sitwazzjonijiet ta’ vjolenza li minnhom xi ġenitur kellu jaħrab flimkien ma’ l-ulied, il-mewt ta’ xi wieħed mill-ġenituri, wieħed mill-ġenituri li ta dahru lill-familja, u sitwazzjonijiet oħra. Hi x’inhi l-kawża, il-ġenitur li baqa’ jgħix bit-tfal miegħu għandu jsib l-għajnuna u l-faraġ tal-familji l-oħra li jsawru l-komunità Nisranija, kif ukoll fi ħdan l-organizzazzjonijiet parrokkjali.  Dawn il-familji spiss huma milquta wkoll mill-gravità tal-problemi ekonomiċi, mill-inċertezza ta’ xogħol prekarju, mid-diffikultà biex jgħajxu lil uliedhom, min-nuqqas ta’ dar.  L-istess attenzjoni pastorali għandna nuruha mal-persuni romol, mat-tfajliet ommijiet u ma’ wliedhom.

 

  1. Meta l-miżżewġin jgħaddu minn problemi fir-relazzjonijiet tagħhom, għandhom isibu l-għajnuna tal-Knisja li timxi magħhom. L-esperjenza turina li b’għajnuna tajba u bl-azzjoni ta’ rikonċiljazzjoni tal-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu, persentaġġ kbir ta’ kriżijiet fiż-żwieġ jingħelbu b’mod sodisfaċenti.  Li nitgħallmu naħfru u nħossuna maħfura hi esperjenza fundamentali fil-ħajja tal-familja.  Il-maħfra fost il-miżżewġin tagħtihom li jiskopru mill-ġdid il-verità ta’ mħabba li hi għal dejjem u ma tnin qatt (ara 1 Kor 13:8).  Fil-qasam tar-relazzjonijiet fil-familja l-ħtieġa tar-rikonċiljazzjoni hi prattikament ħaġa ta’ kuljum.  Sitwazzjonijiet fejn ma jifhmux lil xulxin huma frott tar-relazzjonijiet mal-familji ta’ l-oriġni, il-kunflitt bejn drawwiet kulturali u reliġjużi differenti, il-fehmiet differenti dwar l-edukazzjoni ta’ l-ulied, l-ansjetà minħabba d-diffikultajiet eknomiċi, it-tensjoni minħabba f’ċerti dipendenzi jew wara li wieħed jitlef xogħlu.  Dawn huma xi motivi li spiss jikkawżaw tensjoni u kunflitti.  L-arti iebsa tar-rikonċiljazzjoni, li teħtieġ il-grazzja li tweżinha, għandha bżonn tal-kollaborazzjoni ġeneruża tal-qraba u l-ħbieb, u xi drabi anki ta’ għajnuna professjonali minn barra.  Fl-iktar każi iebsin, bħal dak ta’ l-infedeltà konjugali, hi meħtieġa opra ta’ tpattija li għaliha wieħed irid ikun disponibbli.  Patt miġruħ jista’ jitfejjaq: din it-tama rridu nedukaw lejha sa mit-tħejjija għaż-żwieġ.  Hi fundamentali l-azzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-kura tal-persuni u tal-familji midruba, is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u l-ħtieġa ta’ mixjiet spiritwali msieħba minn ministri esperti.

 

  1. Għal ħafna fidili li għexu esperjenza ta’ żwieġ xejn hieni, il-verifika ta’ l-invalidità taż-żwieġ hi triq li jistgħu jimxu. Il-Moti Propji riċenti Mitis Iudex Dominus Iesus u Mitis et Misericors Iesus wasslu għal simplifikazzjoni tal-proċeduri biex eventwalment żwieġ jiġi ddikjarat null.  B’dawn it-testi, il-Papa ried ukoll “juri b’mod ċar li l-Isqof innifsu fil-Knisja tiegħu, li tagħha hu ragħaj u ras, hu għalhekk imħallef fost il-fidili fdati lilu” (MI, preambolu, III).  It-twettiq ta’ dawn id-dokumenti għalhekk hu responsabbiltà kbira għall-Ordinarji djoċesani, imsejħa jiġġudikaw huma stess xi kawżi u jiżguraw dejjem aċċess iżjed faċli tal-fidili għall-ġustizzja.  Dan jimplika t-tħejjija ta’ personal biżżejjed, magħmul minn kjeriċi u lajċi, li jingħataw b’ruħhom u b’ġisimhom b’mod prijoritarju għal dan is-servizz fil-Knisja.  Għalhekk sa jkun hemm bżonn inqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni separati jew tal-koppji fi kriżi, servizz ta’ informazzjoni, ta’ pariri u ta’ medjazzjoni, marbut mal-pastorali tal-familja, li jista’ wkoll jilqa’ l-persuni fid-dawl ta’ l-indaġni preliminari għall-proċess matrimonjali (ara MI, Art. 2-3).

 

  1. Ix-xhieda ta’ dawk li mqar f’qagħdiet iebsin jibqgħu ma jidħlux f’rabta ġdida, u jibqgħu fidili għal dik sagramentali, jixirqilha l-apprezzament u t-tweżin tal-Knisja. Hi tixtieq turihom il-wiċċ ta’ Alla li jibqa’ fidil lejn imħabbtu u dejjem jagħti mill-ġdid qawwa u tama.  Il-persuni separati u divorzjati imma li ma reġgħux iżżewġu, li spiss huma xhieda tal-fedeltà fiż-żwieġ, għandhom jiġu mħeġġa jsibu fl-Ewkaristija l-ikel li jweżinhom fl-istat tagħhom.

 

Dixxerniment u integrazzjoni

  1. L-imgħammdin li huma divorzjati u reġgħu żżewġu ċivilment għandhom jiġu integrati iżjed fil-komunitajiet Insara fid-diversi modi possibbli, waqt li nevitaw kull okkażjoni ta’ skandlu. Il-loġika ta’ l-integrazzjoni hi l-muftieħ tat-tisħib pastorali tagħhom, biex mhux biss jagħrfu li huma jagħmlu parti mill-Ġisem ta’ Kristu li hu l-Knisja, imma li jistgħu wkoll jagħmlu esperjenza hienja u għammiela fi ħdanha.  Huma mgħammdin, huma aħwa, l-Ispirtu s-Santu jsawwab fuqhom id-doni u kariżmi għall-ġid ta’ kulħadd.  Sehemhom jista’ jesprimi ruħu f’diversi servizzi ekkleżjali: għalhekk għandna niddixxernu liema mid-diversi xejriet ta’ esklużjoni li qed jiġu pprattikati bħalissa fil-qasam liturġiku, pastorali, edukattiv u istituzzjonali jistgħu jitwarrbu.  Huma mhux biss m’għandhomx iħossuhom skomunikati, imma jistgħu jgħixu u jimmaturaw bħala membri ħajjin tal-Knisja, u jħossuha bħala omm li dejjem tilqagħhom, tieħu ħsieb tagħhom bi mħabba, u tagħmlilhom il-qalb fil-mixja tal-ħajja u tal-Vanġelu.  Din l-integrazzjoni tinħtieġ ukoll għall-għożża u l-edukazzjoni Nisranija ta’ wliedhom, li għandhom jitqiesu l-iżjed importanti.  Għall-komunità Nisranija, li tieħu ħsieb ta’ dawn il-persuni ma jfissirx li qed iddgħajjef il-fidi tagħha u x-xhieda dwar l-indissolubbiltà taż-żwieġ: anzi, il-Knisja f’din l-għożża tesprimi propju l-imħabba tagħha.

 

  1. San Ġwanni Pawlu II offra kriterju kumplessiv, li jibqa’ l-qafas biex niżnu dawn is-sitwazzjonijiet: “Ir-ragħajja ta’ l-erwieħ għandhom ikunu jafu, f’ġieħ il-verità, jagħżlu sewwa bejn qagħda u oħra. Hemm differenza bejn dawk li bis-sinċerità kollha għamlu minn kollox biex isalvaw l-ewwel żwieġ u sabu ruħhom abbandunati għal kollox inġustament, u dawk li bi ħtija kbira tagħhom farrku żwieġ validu skond il-liġi tal-Knisja.  Hemm imbagħad dawk li fittxew żwieġ ieħor minħabba l-edukazzjoni ta’ wliedhom, u xi kull tant huma konvinti, fil-kuxjenza tagħhom, li ż-żwieġ ta’ qabel, imfarrak għal kollox, qatt ma kien validu” (FC, 84).  Hu għalhekk dmir tal-presbiteri li jsieħbu lill-persuni interessati fit-triq tad-dixxerniment skond it-tagħlim tal-Knisja u l-orjentamenti li jagħti l-Isqof.  F’dan il-proċess jiswa li jagħmlu eżami tal-kuxjenza, permezz ta’ mumenti ta’ riflessjoni u ta’ sogħba.  Id-divorzjati li reġgħu żżewġu għandhom jistaqsu lilhom infushom kif ġabu ruħhom ma’ wliedhom meta l-għaqda konjugali tagħhom daħlet fi kriżi; jekk kienx hemm tentattivi ta’ rikonċiljazzjoni; x’inhi l-qagħda tal-parti l-oħra abbandunata; x’konsegwenzi għandha r-relazzjoni ġdida fuq il-bqija tal-familja u l-komunità tal-fidili; x’eżempju qed jagħtu liż-żgħażagħ li qed jitħejjew għaż-żwieġ.  Riflessjoni sinċiera tista’ ssaħħaħ il-fiduċja fil-ħniena ta’ Alla li qatt ma tiġi miċħuda lil ħadd.

 

Barra minn hekk, ma nistgħux niċħdu li f’xi ċirkustanzi “il-ħtija u r-responsabbiltà ta’ xi għemil jistgħu jonqsu jew jispiċċaw għal kollox” (KKK, 1735) minħabba f’diversi kundizzjonamenti.  Konsegwentement, il-ġudizzju fuq sitwazzjoni oġġettiva m’għandux iwassal għal ġudizzju fuq il-“ħtija suġġettiva” (Kunsill Pontifiċju għat-testi leġislattivi, Dikjarazzjoni ta’ l-24 ta’ Ġunju 2000, 2a).  F’xi ċirkustanzi partikulari l-persuni jsibuha bi tqila ħafna li jaġixxu mod ieħor.  Għalhekk, anki jekk nibqgħu nħaddnu norma ġenerali, hemm bżonn nagħrfu li r-responsabbiltà għal azzjonijiet jew deċiżjonijiet partikulari m’hix l-istess fil-każi kollha.  Id-dixxerniment pastorali, waqt li jżomm f’moħħu wkoll il-kuxjenza ffurmata tajjeb tal-persuni, għandu jagħti kas ta’ dawn is-sitwazzjonijiet.  Lanqas il-konsegwenzi ta’ l-atti magħmula m’huma neċessarjament l-istess fil-każi kollha.

 

  1. Il-mixja ta’ akkumpanjament u dixxerniment torjenta lil dawn il-fidili biex jagħrfu fil-kuxjenza tagħhom u quddiem Alla l-qagħda li jinsabu fiha. Il-kollokju mas-saċerdot, fil-foro interno, jgħin biex jissawwar ġudizzju korrett fuq dak li qed ixekkel il-possibbiltà ta’ sehem iżjed sħiħ fil-ħajja tal-Knisja u fuq il-passi li jistgħu iqarrbu lejha u jgħinuha tikber.  Billi fl-istess liġi m’hemmx gradwalità (ara FC, 34), dan id-dixxerniment ma jista’ qatt iwarrab l-esiġenzi tal-verità u ta’ l-imħabba tal-Vanġelu proposti mill-Knisja.  Biex dan iseħħ, iridu jiġu żgurati l-kundizzjonijiet meħtieġa ta’ umiltà, diskrezzjoni, imħabba lejn il-Knisja u t-tagħlim tagħha, fit-tiftixa sinċiera tar-rieda ta’ Alla u fix-xewqa li wieħed jasal għal tweġiba iżjed perfetta għaliha.

 

Kapitlu IV

Familja u evanġelizzazzjoni

 

L-ispiritwalità tal-familja

  1. Il-familja, fil-vokazzjoni u s-sejħa tagħha, hi tabilħaqq teżor tal-Knisja. Madankollu, kif jisħaq San Pawl dwar il-Vanġelu, “dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna” (2 Kor 4:7).  Fuq il-bieb ta’ barra tal-ħajja tal-familja, jafferma l-Papa Franġisku, “hemm miktuba tliet kelmiet […]: ‘jekk jogħġbok’, ‘grazzi’, ‘skużani’.  Fil-fatt dawn il-kelmiet jiftħulna t-triq biex ngħixu tajjeb fil-familja, biex ngħixu fis-sliem.  Huma kelmiet sempliċi, imma mhux daqshekk sempliċi biex inpoġġuhom fil-prattika!  Fihom qawwa kbira: il-qawwa li nħarsu d-dar, anki qalb elf diffikultà u prova; min-naħa l-oħra, in-nuqqas tagħhom, ftit ftit jiftaħ xquq li jistgħu saħansitra jġarrfuha” (Franġisku, Udjenza ġenerali, 13 ta’ Mejju 2015).  It-tagħlim tal-Papiet jistedinna ninżlu iktar fil-fond tad-dimensjoni spiritwali tal-ħajja tal-familja, ibda mill-iskoperta mill-ġdid tat-talb fil-familja u tas-smigħ flimkien tal-Kelma ta’ Alla, mnejn joħroġ l-impenn ta’ mħabba.  Ikel ewlieni tal-ħajja spiritwali tal-familja hi l-Ewkaristija, speċjalment f’Jum il-Mulej, sinjal ta’ l-għeruq tagħha fil-komunità ekkleżjali (ara Ġwanni Pawlu II, Dies Domini, 52; 66).  It-talb fid-dar, is-sehem fil-liturġija u l-prattika tad-devozzjonijiet popolari u Marjani huma mezzi b’saħħithom ta’ laqgħa ma’ Ġesù Kristu u ta’ evanġelizzazzjoni tal-familja.  Dan juri l-vokazzjoni speċjali tal-miżżewġin biex iwettqu, bil-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu, il-qdusija tagħhom permezz tal-ħajja taż-żwieġ, billi jieħdu sehem ukoll fil-misteru tas-salib ta’ Kristu, li jibdel kull diffikultà u t-tbatijiet f’offerti ta’ mħabba.

 

  1. Fil-familja l-ħlewwa hi r-rabta li tgħaqqad il-ġenituri bejniethom u ma’ l-ulied. Ħlewwa tfisser tagħti bil-ferħ u tqanqal fil-persuna l-oħra l-ferħ li tħossha maħbuba.  Hi tesprimi ruħha b’mod partikulari meta turi attenzjoni kollha tjieba għal-limiti ta’ l-ieħor, speċjalment meta dawn jidhru b’mod ċar ħafna.  Nittrattaw b’delikatezza u rispett ifisser indewwu l-ġrieħi u rroddu t-tama, b’mod li fl-oħrajn nerġgħu inqanqlu l-fiduċja li tkun intilfet.  Il-ħlewwa fir-relazzjonijiet tal-familja hi l-virtù ta’ kuljum li tgħinna negħlbu l-kunflitti ġewwiena u relazzjonali tagħna.  Dwar dan, il-Papa Franġisku jistedinna nirriflettu: “Għandna l-kuraġġ nilqgħu bil-ħlewwa s-sitwazzjonijiet diffiċli u l-problemi li niltaqgħu magħhom, jew nippreferu s-soluzzjonijiet impersonali, forsi effiċjenti imma neqsin mis-sħana tal-Vanġelu?  Din il-ħlewwa għandha bżonn id-dinja tal-lum!  Is-sabar ta’ Alla, il-qrubija ta’ Alla, il-ħlewwa ta’ Alla” (Omelija fil-Quddiesa ta’ Nofs il-Lejl fis-Solennità tat-Twelid tal-Mulej, 24 ta’ Diċembru 2014).

 

Il-famlja suġġett tal-pastorali

  1. Jekk il-familja Nisranija trid tibqa’ fidila lejn il-missjoni tagħha, hi għandha tifhem sew din mnejn tgelgel: ma tistax tevanġelizza bla ma tiġi evanġelizzata. Il-missjoni tal-familja tħaddan fiha l-għaqda għammiela tal-miżżewġin, l-edukazzjoni ta’ l-ulied, ix-xhieda tas-sagrament, it-tħejjija ta’ koppji oħra għaż-żwieġ u t-tisħib bi ħbiberija ma’ dawk il-koppji u familji li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet.  Minn hawn toħroġ l-importanza ta’ sforz b’riżq l-evanġelizzazzjoni u l-katekeżi indirizzat lejn il-famlja nfisha.  Dwar dan, irridu nagħtu kas li nivvalurizzaw il-koppji, l-ommijiet u l-missirijiet, bħala suġġetti attivi tal-katekeżi, speċjalment fil-konfront ta’ l-ulied, f’kollaborazzjoni mas-saċerdoti, id-djakni, il-persuni kkonsagrati u l-katekisti.  Dan l-isforz jibda sa mill-ewwel drabi li fihom il-koppja tibda tiffrekwenta serjament lil xulxin.  Hi ta’ għajnuna kbira l-katekeżi familjari, bħala metodu effikaċi biex tifforma lill-ġenituri żgħażagħ u biex tgħinhom jagħrfu l-missjoni tagħhom bħala evanġelizzaturi ta’ l-istess familja tagħhom.  Barra dan, hu importanti ħafna nisħqu fuq ir-rabta bejn l-esperjenza tal-familja u l-inizjazzjoni Nisranija.  Il-komunità Nisranija sħiħa għandha ssir l-imkien fejn il-familji jitwieldu, jiltaqgħu u jikkonfrontaw ruħhom flimkien, jimxu fil-fidi u jaqsmu fil-mixjiet li jgħinuhom jikbru u jaqsmu l-esperjenzi ma’ xulxin.

 

  1. Il-Knisja għandha tħeġġeġ fil-familji sens ta’ appartenenza ekkleżjali, sens ta’ l-“aħna” fejn l-ebda membru m’huwa minsi. Kulħadd hu mħeġġeġ jiżviluppa l-ħiliet tiegħu u jwettaq il-pjan ta’ ħajtu għall-qadi tas-Saltna ta’ Alla.  Kull familja, li tagħmel parti mill-kuntest ekkleżjali, tiskopri mill-ġdid il-ferħ tal-komunjoni ma’ famlji oħra biex flimkien jaqdu l-ġid komuni tas-soċjetà, jippromovu politika, ekonomija u kultura għas-servizz tal-familja, anki bl-użu tax-xbieki soċjali u tal-midja.  Jalla jinħolqu komunitajiet żgħar ta’ familji bħala xhieda ħajja tal-valuri tal-Vanġelu.  Jinħass tassew il-bżonn li nħejju, niffurmaw u nirresponsabilizzaw xi familji li jistgħu jsieħbu lil oħrajn biex jgħixu Kristjanament.  Irridu nfakkru wkoll u nħeġġu lill-familji li qed ikunu disponibbli biex jgħixu l-missjoni “ad gentes”.  Fl-aħħar nett, nirrikkmandaw l-importanza li norbtu l-pastorali taż-żgħażagħ mal-pastorali tal-familja.

 

Ir-relazzjoni mal-kulturi u ma’ l-istituzzjonijiet

  1. Il-Knisja “li tgħix f’kundizzjonijiet diversi matul iż-żminijiet, inqdiet b’dak li kienu sabu l-kulturi diversi biex fil-predikazzjoni tagħha lill-ġnus kollha xxerred u tfisser il-messaġġ ta’ Kristu, biex tistudjah u tifhmu aħjar, biex tfissru aħjar fil-ħajja liturġika u fil-ħajja tal-komunità ta’ l-Insara li tista’ tkun ta’ bixriet differenti” (GS,58).  Mela hu importanti nqisu dawn il-kulturi u nirrispettaw kull waħda minnhom fil-partikularità tagħha.  Irridu wkoll infakkru f’dak li kiteb il-Beatu Pawlu VI: “Il-firda bejn il-Vanġelu u l-kultura hi bla dubju ta’ xejn it-traġedja ta’ żmienna, sewwa sew kif kienet fi żminijiet oħra.  Għalhekk jeħtieġ isir kull sforz biex niżguraw evanġelizzazzjoni sħiħa tal-kultura, jew aktar eżatt, tal-kulturi” (EN, 20).  Il-pastorali taż-żwieġ u l-familja trid tistma dawk l-elementi pożittivi li jiltaqgħu fl-għadd ta’ esperjenzi reliġjużi u kulturali, li jirrappreżentaw præparatio evangelica.  Imma fil-laqgħa tagħha mal-kulturi, evanġelizzazzjoni attenta għall-esiġenzi tal-promozzjoni umana tal-familja ma tistax tibqa’ lura milli tikkundanna fil-miftuħ il-kundizzjonamenti kulturali, soċjali, politiċi u ekonomiċi.  L-eġemonija dejjem tikber tal-loġika tas-suq, li tissagrifika l-ispazji u ż-żminijiet ta’ ħajja familjari awtentika, iżżid ukoll id-diskriminazzjonijiet, il-faqar, l-esklużjoni, il-vjolenza.  Fost id-diversi familji li qed jgħixu f’qagħdiet ta’ miżerja ekonomika, minħabba l-qgħad jew ix-xogħol prekarju jew in-nuqqas ta’ servizzi ta’ għajnuna soċjali u ta’ saħħa, mhux darba u tnejn jiġri li xi wħud, mingħajr aċċess għal flus, isibu ruħhom vittmi ta’ l-użura u xi drabi jiġu mġiegħla jħallu djarhom u saħansitra jitilqu lil uliedhom.  Dwar dan, nissuġġerixxu li jinħolqu strutturi ekonomiċi ta’ għajnuna xierqa lil dawn il-familji jew li jistgħu jippromovu s-solidarjetà familjari u soċjali.

 

  1. Il-familja hi “l-ewwel ċellula essenzjali tas-soċjetà” (AA, 11). Hi trid tiskopri mill-ġdid il-vokazzjoni tagħha li twieżen il-ħajja soċjali fl-aspetti kollha tagħha.  Hu indispensabbli li l-familji, miġbura flimkien, isibu l-mod kif jinteraġixxu ma’ l-istituzzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali, bl-għan li tinbena soċjetà iżjed ġusta.  Għalhekk għandhom jiġu żviluppati d-djalogu u l-koperazzjoni ma’ l-istrutturi soċjali, u nħeġġu u nwieżnu lil-lajċi jimpenjaw ruħhom, bħala Nsara, fil-qasam kulturali u soċjo-politiku.  Il-politika għandha tirrispetta b’mod partikulari l-prinċipju tas-sussidjarjetà u ma tillimitax il-jeddijiet tal-familji.  Hawn hu importanti nqisu l-“Karta tal-jeddijiet tal-Familja” (ara Kunsill Pontifiċju għall-Familja, 22 ta’ Ottubru 1983) u d-“Dikjarazzjoni universali tad-Drittijiet tal-bniedem” (10 ta’ Diċembru 1948).  Għall-Insara involuti fil-politika l-impenn b’riżq il-ħajja u l-familja għandu jieħu prijorità, għax soċjetà li tittraskura lill-familja titlef il-ftuħ tagħha għall-futur.  L-għaqdiet tal-familja, impenjati fil-ħidma komuni flimkien ma’ gruppi ta’ tradizzjonijiet Insara oħra, għandhom fost l-għanijiet ewlenin tagħhom, fost l-oħrajn, il-promozzjoni u l-ħarsien tal-ħajja u tal-familja, tal-libertà ta’ l-edukazzjoni u tal-libertà reliġjuża, ta’ l-armonizzazzjoni bejn il-ħin għax-xogħol u l-ħin għall-familja, il-ħarsien tan-nisa fuq il-post tax-xogħol, u l-ħarsien ta’ l-oġġezzjoni tal-kuxjenza.

 

Il-ftuħ għall-missjoni

  1. Il-familja ta’ l-imgħammdin hi min-natura tagħha missjunarja u tikber fil-fidi tagħha meta tagħtiha lill-oħrajn, qabel xejn lil uliedha. L-istess fatt li tgħix il-komunjoni familjari hi l-ewwel tħabbira.  Fil-fatt, l-evanġelizzazzjoni tibda mill-familja, fejn mhux biss tgħaddi l-ħajja fiżika, imma anki l-ħajja spiritwali.  Ir-rwol tan-nanniet fit-trasmissjoni tal-fidi u tal-prattika reliġjuża m’għandux jintesa: huma x-xhieda ta’ rabta bejn il-ġenerazzjonijiet, għassiesa ta’ tradizzjonijiet ta’ għerf, talb u eżempju tajjeb.  Il-famlja hekk tissawwar bħala suġġett ta’ l-azzjoni pastorali permezz tat-tħabbira espliċita tal-Vanġelu u l-wirt ta’ bosta xorta ta’ xhieda: is-solidarjetà mal-foqra, il-ftuħ għad-diversità tal-persuni, il-ħarsien tal-ħolqien, is-solidarjetà morali u materjali mal-familji l-oħra, fuq kollox dawk l-iżjed fil-bżonn, l-impenn b’riżq il-promozzjoni tal-ġid komuni anki permezz tat-tibdil fl-istrutturi soċjali inġusti, ibda mit-territorju li fih hi tgħix, meta tipprattika l-opri tal-ħniena li jmissu mal-ġisem u mar-ruħ.

 

KONKLUŻJONI

 

  1. Matul din l-Assemblea, aħna l-Padri Sinodali, miġbura madwar il-Papa Franġisku, doqna l-ħlewwa u smajna t-talba tal-Knisja kollha, imxejna bħad-dixxipli ta’ Għemmaws u għarafna l-preżenza ta’ Kristu fil-qsim tal-ħobż fuq il-mejda ta’ l-Ewkaristija, fil-komunjoni ta’ l-aħwa, fil-qsim ta’ l-esperjenzi pastorali. Jalla l-frott ta’ din il-ħidma, issa mħolli f’idejn is-Suċċessur ta’ Pietru, jimla bit-tama u l-ferħ lil tant familji fid-dinja, jagħti orjentament lir-ragħajja u lill-operatur pastorali, u stimolu fil-ħidma ta’ l-evanġelizzazzjoni.  Fl-għeluq ta’ din ir-Relazzjoni, umilment nitolbu lill-Qdusija Tiegħu l-Papa jiżen l-opportunità li joffri dokument fuq il-familja, sabiex fiha, Knisja tad-dar, jilma dejjem iżjed Kristu, dawl tad-dinja.

 

Talba lill-Familja Mqaddsa

Ġesù, Marija u Ġużeppi,

fikom nikkontemplaw

il-ġmiel ta’ l-imħabba vera,

u lejkom induru b’fiduċja.

 

O Familja Mqaddsa ta’ Nazareth,

agħmel li anki l-familji tagħna

jkunu mkejjen ta’ komunjoni u ċenakli ta’ talb,

skejjel awtentiċi tal-Vanġelu

u Knejjes ċkejkna tad-dar.

 

O Familja Mqaddsa ta’ Nazareth,

nitolbuk li qatt iżjed fil-familji tagħna

ma nġarrbu vjolenza, egoiżmu u firda:

kull min kien miġruħ jew skandalizzat

ħa jsib malajr faraġ u fejqan.

 

O Familja Mqaddsa ta’ Nazareth,

nissel mill-ġdid f’kulħadd l-għarfien

tal-karattru qaddis u invjolabbli tal-familja,

il-ġmiel tagħha fil-pjan ta’ Alla.

 

Ġesù, Marija u Ġużeppi,

isimgħu u aqilgħu t-talba tagħna.

 

Amen.

 

Votazzjonijiet fuq kull numru tar-Relazzjoni finali tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet lill-Qdusija Tiegħu Franġisku

 

Padri preżenti: 265

 

[Żewġ terzi: 177]

 

M’hux indikat min astjena

 

 

Numru

Iva Le
1 260 0
2 257 0
3 255 1
4 256 2
5 256 3
6 249 9
7 248 9
8 245 9
9 254 4
10 253 7
11 256 1
12 253 5
13 255 5
14 256 5
15 255 5
16 254 8
17 259 1
18 258 1
19 255 5
20 257 3
21 256 4
22 252 4
23 253 4
24 255 5
25 242 15
26 256 2
27 251 9
28 257 4
29 249 8
30 250 7
31 253 7
32 249 6
33 246 12
34 245 11
35 259 2
36 256 3
37 252 6
38 251 5
39 255 3
40 255 6
41 253 7
42 257 2
43 254 6
44 247 11
45 249 6
46 254 5
47 246 11
48 253 6
49 253 5
50 252 6
51 250 11
52 252 5
53 244 15
54 236 21
55 243 14
56 248 10
57 257 2
58 247 14
59 258 3
60 259 1
61 254 7
62 259 0
63 237 21
64 247 11
65 252 7
66 258 0
67 259 0
68 253 3
69 236 21
70 213 47
71 218 42
72 229 29
73 236 24
74 223 36
75 205 52
76 221 37
77 247 11
78 250 8
79 246 14
80 253 6
81 253 7
82 244 16
83 248 12
84 187 72
85 178 80
86 190 64
87 255 3
88 252 4
89 257 2
90 255 5
91 248 12
92 256 4
93 255 2
94 253 5

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading