Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 1 ta’ Settembru


It-Tlieta, 1 ta’ Settembru 2020: Quddiesa u Rużarju fil-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħolqien mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“X’għandna x’naqsmu Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jiena naf min int; il-qaddis ta’ Alla” (Lq 4:34). Ġesù ma jilqax l-għarfien tax-Xitan. Ix-Xitan jagħraf min hu Ġesù. Ix-Xitan huwa anġlu li huwa spirtu b’għerf straordinarju u li fis-suppervja tiegħu jirvella kontra Alla. Imma d-don mogħti minn Alla fil-ħolqien tal-anġli, ma jitteħidx u bl-għarfien sħiħ li għandhom, jagħrfu wkoll min hu Ġesù ta’ Nazaret. “Jiena naf min int; il-qaddis ta’ Alla”.

Ġesù ma jilqax din ix-xhieda tax-Xitan u jgħidlu “iskot” (Lq 4:35), u fl-istess ħin imbagħad jobbligah jillibera lil dan il-povru raġel li fih kellu spirtu mniġġes.

Il-Mulej ġie biex jeqred ix-xogħol ta’ Satana u ħafna drabi naqgħu fin-nassa tiegħu. Qed naħseb f’diversi żgħażagħ li fl-addolexxenza, minħabba l-esperimenti li jkunu jridu jagħmlu, ibabsu bl-okkult u jiftħu tieqa għax-Xitan. Hemm min iwarrab lill-Mulej u l-fidi tiegħu għaliex jogħġbu iżjed id-dnub jew il-ħajja tad-dnub. Il-Mulej ġie biex jeħlisna mill-ħakma tal-ħażin. Hu jordna b’setgħa u b’qawwa lill-ispirti mniġġsa u huma joħorġu. Din il-qawwa Ġesù ta wkoll lill-Knisja tiegħu.

Darba kont għadni naħdem il-Vatikan u kien hemm każ diffiċli ħafna. Il-familja talbnitni biex inkellem lill-eżorċista famuż Padre Gabriel Amorth, illum jinsab il-ġenna, u meta tlabtu jgħinhom, Padre Amorth qalli: “Monsinjur, għidilhom imorru għand l-isqof tagħhom għax l-isqof fid-djoċesi tagħhom għandu s-setgha kollha ta’ Ġesù fuq ix-Xitan’. Din hija ħaġa li tajjeb nifhmuha. Ġesù ta s-setgħa tiegħu lill-Knisja u għal kull djoċesi ta lill-isqof. L-isqof imbagħad jiddelega nies oħrajn biex iħollu l-irbit tax-Xitan f’min huwa mgħakkes minnu.

Aħna ħafna drabi ma nirrealizzawx kemm huwa insidjuż ix-Xitan. Il-Papa Franġisku ma jiddejjaqx isemmih b’ismu. Ix-Xitan huwa interessat li aħna ngħidu li ma jeżistix u qed jgħidu hekk minflok isemmu l-mard. Ġesù ġie biex jeħlisna mill-qawwa u l-jasar tad-dlamijiet u għalhekk aħna nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija anke fil-Griżma. Bħalissa qed nagħtu s-sagrament tal-Griżma tal-Isqof lil ħafna żgħażagħ tagħna u qabel jirċievu s-sagrament, is-saċerdot jitlobhom jikkonfermaw il-wegħdiet tal-Magħmiudija. L-ewwel mistoqsija hija: tiċħad lix-xitan u l-frugħa u l-inganni tiegħu? Iva, niċħad.

Ejjew nieħdu ħsieb din il-ħniena li rċevejna direttament minn Alla .

Ħsieb ieħor ċkejken. Aħna u nibdew dawn il-ġimgħat li fihom hemm bżonn nagħmlu eżami tal-kuxjenza fuq il-ħarsien tal-ħolqien, jekk hemm ambjent li se jressaqna lejn Alla huwa dak kollu li ħareġ direttament mill-id ħanina tiegħu. Issa k’Alla jrid tibda x-xita — mhux qed nistedinha mil-lum — imma l-kampanja tagħna tibda tittrasforma ruħha u nibdew naraw l-ewwel fjur. Bħalissa, għax din is-sena għadu kmieni, il-basla tal-għansar diġà għamlet il-fjura tagħha. Il-kampanja tagħna diġà mtliet b’dik il-fjura rqiqa ħelwa tal-għansar, ’il quddiem imbagħad naraw il-weraq sabiħ tal-basla tal-għansar. Dan wieħed mit-teżori li għandna fil-kampanja tagħna.

Ejjew nieħdu ħsieb din il-ħniena li rċevejna direttament minn Alla. Min iħobb jgħum, pereżempju. Għad baqgħalna ftit ġimgħat oħra ta’ għawm. Jekk ikollok il-grazzja bħalma għandna aħna tgħum f’baħar nadif, u fih ikun hemm il-ħut – jekk ma nkunux kaxkarna kollox b’xi parit – tista’ tammira s-sbuħija tal-ħolqien. Aħna għandna baħar tant trasparenti li jagħti viżibbilità. Nitlob li nibqgħu ngawduh imma li nibqgħu wkoll ingawdu dak li l-Mulej poġġa fih u ma nkaxkrux kollox ’il hemm.

Mhux kulħadd għandu l-opportunità li jkollu ġnien kbir imma darba żort familja li għandha ġnien kbir u għandhom tradizzjoni antika li biex ifakkru t-twelid ta’ xi ħadd, jiżirgħu siġra. Kemm tkun ħaġa sabiħa li f’dan il-pajjiż — li għandu bżonn ħafna iżjed siġar u nkomplu ma’ dak li qed jagħmel l-Istat u jżid is-siġar u jevita li jeqred bla bżonn is-siġar li għandhom ħafna snin biex aħna ngawdu dak li għamlu ta’ qabilna — tajjeb li nieħdu l-inizjattivi u anke biex niċċelebraw okkażjoni, inħawlu siġra. Dik tibqa’ warajk! Dan sakemm ma jiġix xi ħadd joqtolha jew jaqtagħha. Imma s-siġra tibqa’ warajk u tibqa’ wkoll tifkira tal-impenn tagħna għall-ħolqien.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Kor 2, 10b-16
Salm: 144 (145), 8-9.10-11.12-13ab.13ċd-14
Evanġelju: Lq 4, 31-37

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.