Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità tal-Qaddisin Kollha

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fis-Solennità tal-Qaddisin Kollha
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Is-Sibt 1 ta’ Novembru 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-MIDNEB QADDIS

Fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, l-Insara kienu jissejħu “qaddisin”. Il-qdusija ma kinitx xi attribut li kien jingħata wara l-mewt, imma kienet stil ta’ ħajja li l-bniedem kien iħaddan matul ħajtu. Kienu jissejħu qaddisin għax kellhom ċertezza li aħna ma għandniex: kienu ċerti li l-id ta’ Alla kienet magħhom u li Ruħ il-Qodos kien l-aġent ewlieni tal-qdusija fil-Knisja. Kienu konvinti li l-grazzja ta’ Alla kienet tfawwar fuqhom.

Il-qdusija hija tisħib mill-ħajja ta’ Alla – hija xebh ma’ Alla. Mhux bilfors li dan it-tisħib jew xebh ikun komplut, imma hemm proċess li gradwalment iwassal għal xebh sħiħ. Dan it-tisħib jammetti gradi diversi. Peress li Alla huwa twajjeb, ġust, ħanin, teneru u kollu mħabba, meta l-bniedem ikollu anki xrar minn dawn l-attributi, allura huwa jkollu xrar mill-qdusija ta’ Alla. Il-perfezzjoni tinsab f’Alla waħdu, imma jekk il-bniedem, li min-natura tiegħu huwa imperfett, jimpenja ruħu biex jilqa’ d-don ta’ Alla (għaliex il-grazzja hija don b’xejn), allura dan ikun miexi fit-triq tal-qdusija. Alla ma jagħtiniex il-grazzja għaliex aħna bravi – aħna ma nimmeritawx il-grazzja! – imma Hu jsawwab il-grazzja tiegħu b’mod abbundanti fuq kulħadd. Meta mbagħad il-bniedem jinfetaħ għal dan id-don u jilqgħu b’mod sħiħ jew parzjali, huwa jkun jipparteċipa mill-qdusija ta’ Alla.

Huwa fatt li maż-żmien aħna tajna interpretazzjoni moralistika tal-qdusija, fis-sens li għal xi wħud il-qdusija tfisser it-taqbida kontra d-dnub. Huwa minnu li t-tisfija mid-dnub ukoll tagħmel parti mill-proċess tal-qdusija; imma l-ewwel mossa biex ninfatmu mid-dnub ma tiġix bl-inizjattiva tagħna, imma bl-imbuttatura li jagħtina Alla permezz tal-grazzja. Meta l-grazzja nagħmluha tagħna, din tbewweġ minn ġo fina dak kollu li mhux grazzja. L-interpretazzjoni moralistika u d-diskors dwar il-grazzja meritata ma jagħmlux ġustizzja lill-verità dwar Alla.

Ħadd ma jitwieled qaddis. Il-qdusija hija proċess fejn id-dgħufija tal-bniedem tiltaqa’ mal-imħabba kreattiva u redentiva ta’ Alla. Din l-imħabba għandha qawwa li tibdel d-dgħufija umana. Għalhekk lil min hu dgħajjef fostna ngħidlu biex ma jaqtax qalbu mis-sejħa għall-qdusija. Il-grazzja ta’ Alla tidher fil-kobor u l-ġmiel tagħha fejn hemm il-brix, it-tgħattin u t-tiċrit – fi kliem ieħor il-qdusija tilma fejn hemm il-miżerja umana.

Ilkoll nafu l-istorja tal-Knisja tal-imgħoddi u tal-preżent. Hija Knisja midinba għaliex magħmula minn nies bħali u bħalek. Allura kif ngħidu li l-Knisja hija qaddisa? Għaliex, kif jikteb Missierna Pawlu, “Kristu ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha biex jagħmilha qaddisa” (Efe 5:25-26). Għalhekk il-qdusija tagħna bħala Knisja ma tiddependix mill-isforzi tagħna, imma minn dik il-ħajja li ngħatat għalina fuq is-salib. Il-Knisja hija qaddisa għax ħierġa mill-kustat minfud ta’ Kristu. Mhix qaddisa minħabba l-merti tagħna, imma għaliex Alla għoġbu jsalvaha. Għandna kemm għandna rieda tajba, aħna ma naħdmux il-qdusija tagħna, imma huwa l-Ispirtu ta’ Alla li, jekk noħolqulu spazju fina, jagħmilna qaddisin.

Alla tagħna huwa qaddis u tliet darbiet ħanin. Il-qaddis huwa dak il-bniedem li jkanta l-miżerikordja ta’ Alla. Il-qaddis huwa dak li jġarrab il-qawwa tal-ħniena ta’ Alla. Huwa meta nirrikonoxxu ċ-ċkunija u d-dgħufija tagħna li aħna nkunu nistgħu nibdew it-triq tal-qdusija.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading