Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Kwaranturi Mqaddsa fil-Bażilika San Ġorġ


Omelija fil-Kwaranturi Mqaddsa
Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 10 ta’ Mejju 2015
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

“ĦOBBU LIL XULXIN”

“Ħobbu lil xulxin”. Din il-proposta ta’ Ġesù kapaċi tħawwadni u ddaħħalni fi kriżi. Huwa kliem iebes biex ngħixu u aktar tqil biex nipprietkah. Hawnhekk Ġesù ma jużax nofs kliem imma kliem ċar u dirett: “Ħobbu lil xulxin!”. U t-tweġiba tagħna ma tistax tkun ambigwa imma ċara u tonda: jew inħobb jew ma nħobbx. Mhemmx imħabba ta’ nofs kedda! L-imħabba tal-proxxmu hija l-qalba tal-Vanġelu, u jekk irridu nkunu serji, ma nistgħux niċċajtaw ma’ dan il-“kmandament ġdid”. L-imħabba fraterna hija dik li tiddistingwina bħala dixxipli ta’ Kristu: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35). Jekk irridu riga biex inkejlu kemm il-ħajja Nisranija tagħna hija awtentika, nistaqsu lilna nfusna kemm qegħdin nimpenjaw ruħna biex nikbru fl-imħabba lejn il-proxxmu.

Faċli li meta nitkellmu dwar l-imħabba, nintilfu fil-poeżija – kliem sabiħ, anki teoloġikament profond, imma nieqes mill-prattiċità. Ser insemmi ftit punti biex ngħin fir-riflessjoni dwar kif għandna ngħixu dan il-kmandament fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Min tassew iħobb, ma jagħmilx deni lil għajru. L-imħabba vera qatt ma tasal li tammetti azzjoni vjolenti, li tikkaġuna ħsara, li teqred jew tkisser lil ħaddieħor jew relazzjoni. Min iħobb, ma jisraqx lill-proxxmu tiegħu. L-agħar serq mhux dak ta’ oġġetti materjali, imma meta wieħed jisraq il-mara jew ir-raġel ta’ ħaddieħor. Min iħobb, ma jbejjitx ingann f’qalbu u ma jiħux sehem f’attività li toħloq inġustizzja, tiddiskrimina jew temarġina. Min iħobb, ma jirfisx liż-żgħir biex jikseb vantaġġ fuqu. Min iħobb, ma jabbużax mit-tjubija u s-sabar tal-oħrajn. Min iħobb, ma joqtolx – barra mill-mewt fiżika hemm għamliet ta’ mwiet oħra li huma aktar sottili, bħala huma l-mewt affettiva, soċjali, politika u dik ekonomika.

Għodda tajba biex wieħed joqtol persuna oħra huwa l-ilsien! L-ilsien jaf ikun xabla taqta’ b’żewġt ixfar li biha ntertqu lill-proxxmu. It-tpaċpiċ, iz-zekzik, it-taqtiq… dawn huma kollha nuqqasijiet kontra l-imħabba. Imbagħad hemm min jasal biex jivvinta qlajjiet, jikkalunja lill-oħrajn u jigdeb, u hekk jisraq il-fama tajba ta’ ħaddieħor. Min jista’ jsewwi din il-ħsara morali? Hemm min jedha jerfa’ salib ħaddieħor – mhux biex jgħinu, imma biex iċamah u jsallbu. Min iħobb, ma jċedix għal din l-għamla ta’ terroriżmu ikrah; anzi, min iħobb, flok ma jperreċ id-difetti tal-oħrajn, jipprova jostorhomlhom. Madwarna għandna ħafna minn dan il-velenu. Xi drabi min huwa ġwejjef jinqeda b’din l-arma moħbija biex ixerred is-sikrana u jolqot lil min ikun ta’ xkiel għalih. Kliem li jferi u jġib il-firda aħjar il-bard minnu. Ħasra li ħafna għandhom formazzjoni Nisranija deformata tant li n-nuqqasijiet kontra l-karità ma jirriżultawx fil-lista tad-dnubiet gravi!

Min iħobb, jaf jaħfer, għax kif jgħid San Pawl, l-imħabba taf tistabar u tħenn, ma żżommx f’qalbha għad-deni imma kollox tagħder, kollox tittama u kollox tissaporti (ara 1 Kor 13:1-13). Bħall-imħabba, il-maħfra ma għandhiex limitu – ma hemm ebda azzjoni, ħażina kemm hija ħażina, li ma tistax tinħafer. Imma l-esperjenza tixhdilna li l-maħfra mhix kwalità popolari fostna. Aħna tqal wisq kemm biex naħfru u kemm biex nitolbu maħfra. L-egoiżmu u s-suppervja tagħna spiss ma jħalluniex niċċelebraw il-maħfra; jgħaddu x-xhur u s-snin u nibqgħu miksurin, imweġġgħin u miġġielda, għax ħadd ma huwa lest imidd l-ewwel pass u jitlob jew joffri l-maħfra. Allaħares il-Missier tas-Sema jeħodna fil-kelma meta ngħidulu: “Aħfrilna dnubietna kif aħna naħfru lil min hu ħati għalina”. Donnu mhux lakemm nagħrfu li l-maħfra hija balzmu li jfejjaq il-ġerħat, u li meta noffru u nirċievu d-don tal-maħfra, inkunu niftħu futur ġdid.

Nifhem li l-impenji tal-imħabba proposta minn Kristu ma humiex ħfief, u faċli nsibu rwieħna fis-sitwazzjoni fejn l-ispirtu jrid imma l-ġisem ikun dgħajjef. Imma Ġesù mhux biss tana dan il-kmandament tal-imħabba, imma tana wkoll l-Ewkaristija. F’dan is-sagrament aħna nikkontemplaw lil Ġesù li, misjuq mill-imħabba fuq is-salib, ta ħajtu għalina. Bħal ħaruf ġwejjed, flok ma jitlob vendetta fuq dawk li ħaqruh, Ġesù jdur fuq Missieru u jitolbu biex jaħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu. Barra minn hekk, l-ikel Ewkaristiku huwa qawwa li tmantnina biex bl-għajnuna tal-grazzja aħna nistgħu nħobbu kif ħabbna hu: “Ħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”. Għalhekk għalina t-tqarbin ma għandux ikun xi ħaġa ta’ kultant, imma l-ikel ta’ kuljum, għaliex jekk “nibqgħu fi mħabbtu”, inkunu nistgħu nirbħu d-diffikultajiet biex inħobbu kif ħabbna Hu. Barra minn hekk, Ġesù qiegħed fit-tarbernaklu biex kull xħin inħossu li għandna nersqu nistkennu quddiemu, nistgħu npoġġu fil-preżenza tiegħu liberament. Il-festa tal-Kwaranturi Mqaddsa toffrilna waħda minn dawn il-possibbiltajiet. Hu li qegħdilna dan il-kmandament ġdid tal-imħabba, mhux ser jegħja jħobbna, biex frott ta’ din l-imħabba divina aħna nħobbu lill-proxxmu tagħna kif ħabbna Hu.