Ommna Marija: għajnuna kbira fil-ġlieda tagħna kontra l-coronavirus


F’dan ix-xahar t’Awwissu qed niċċelebraw żewġ festi kbar ta’ Ommna Marija: dik tal-15 t’Awwissu, jiġifieri is-solennità ta’ Marija Imtella’ is-Sema bir-ruħ u l-ġisem, jew kif nafuha aħjar bħala Santa Marija. Filwaqt li l-festa l-oħra niċċelebrawha daqs sebat ijiem wara, eżattament nhar it-22 t’Awwissu, jiġifieri dik ta’ Marija Reġina. Jew aħjar bħala Marija Sultana tal-Ħolqien kollu.

Dawn iż-żewġ festi tant sbieħ għandhom l-għaliex jagħtuna kuraġġ liema bħalu fiż-żmien li għaddejjin minnu, mhux biss bħala pajjiż imma fl-istorja tad-dinja. Faċli ħafna li wieħed, f’dawn iż-żminijiet diffiċli, jagħmel storja storjun fuq dak li qed jiġri. U, mikgħud mill-iskoraġġiment, jispiċċa jaqa’ fit-tentazzjoni tal-biża’ li jipparalizza l-kapaċità li tah il-Mulej li jissupera kull ostaklu li jiltaqa’ miegħu u minflok li jinġarr mal-kurrenti jkollu l-għerf li jogħla mal-mewġa u hekk jibqa’ miexi ‘il quddiem. Dejjem b’ħarstu soda ħa jaffaċċja dak kollu li għandu jaffaċċja b’ħafna kalma u serenità tal-qalb.

Xi ħaġa tabilħaqq pożittiva li qed isseħħ f’dawn iż-żminijiet ta’ prova għad-dinja hi, ċertament, l-iskoperta mill-ġdid tat-talba tar-Rużarju. Kemm żdiedu l-persuni li qiegħdin jitolbu r-Rużarju! U kemm xandiriet qed jintwerew tar-Rużarju! Dan kollu hu sabiħ u jagħti kuraġġ liema bħalu! Ejjew nitbiegħdu mill-idea żbaljata, li ta’ denbu twil irid ideffsilna f’moħħna, li r-Rużarju hu xi talba tal-kantaliena u fih qerda sħiħa. Jekk noqgħodu naħsbu ftit, ir-Rużarju hu talba mill-isbaħ! U int tistaqsini, bir-raġun kollu: Imma kif Patri r-Rużarju hu tabilħaqq talba sabiħa? Daqskemm fih repetizzjonijiet?

Qatt innutajt sieħbi li r-Rużarju hu talba tal-memorja? Dan l-għaliex, fir-Rużarju aħna nfakkru l-ħajja tas-Salvatur tagħna, Ġesù Kristu Sidna. Hemm ħajja perfetta u aqwa minn tiegħU? Hu li hu Alla, magħmul bniedem għalik u għalija biex jifdina? Żgur li le! Hawnhekk niftakar bi tbissima x’qaltli darba persuna ikkonsagrata u psikologa: Trid l-aqwa karattru? Aqbad il-vanġelu u hemm issib l-aqwa karattru li qatt eżiżta fuq wiċċ l-art, dak ta’ Ġesù! Għalhekk, din il-biċċa għerf tas-sema, lili tistedinni biex nitlob ir-Rużarju! Ħa nara l-ħajja tiegħi fil-ħajja ta’ Ġesù fl-iskola ta’ Marija.

Meta nitlob ir-Rużarju nintebaħ kemm għandi fuqhiex nimrah! Nibdew mill-misteri tal-ferħ. It-tħabbira tal-Anġlu Gabriel lil Marija li hi kellha issir Omm Alla. Min jaf kemm il-Mulej lili jibgħatli anġli f’ħajti u li jagħtuni l-aħbar it-tajba! Imqar b’kelma ta’ kuraġġ jew ta’ gwida! U jien x’qed nagħmel? Qed nilqagħhom lil dawn it-talin? Jew, bħal Żakkarija, qed inwarrabhom għax mhux nilqagħhom? Għax proprju ma niflaħx għall-kelma li jagħtuni? U jekk ma nilqagħhomx nista’ u jkolli raġun ngħid li l-Mulej lili telaqni? Jew inkella irrid inkun aktar sinċier u nammetti li huwa jien li inkun tlaqt lill-Mulej l-għaliex l-għajnuna li qed jagħtini qed nagħtiha bis-sieq?

Imbagħad, qabel nikkontempla l-misteru li jkun, jien nitlob dik it-talba mill-isbaħ ta’ Fatima li l-Madonna stess kienet għallmet lit-tlett viżjunarji ċkejknin nhar it-13 ta’ Lulju 1917 u li kellhom jitolbuha wara kull misteru tar-Rużarju li jitolbu: O Ġesu tiegħi, aħfrilna dnubietna, eħlisna min-nar ta’ l-infern; Hu l-ġenna l-erwieħ kollha, l-aktar dawk li għandhom bżonn tal-ħniena tiegħek. Minn minna m’għandux id-dnubiet tiegħu u tagħha xi jħabbat wiċċu magħhom? Min minna ma jgħaddix minn sitwazzjonijiet li huma aperitiv tal-infern? U minn minna m’għandux bżonn is-salvazzjoni tal-Mulej f’dan iż-żmien iebes li qed ngħixu fih?ż

Meta nkunu qiegħdin nitolbu r-Rużarju nkunu qiegħdin nitolbu lil Marija biex titlob għalina quddiem Binha Ġesù. It-talb tagħha mhux tiegħek u tiegħi! Talba safi u qawwi! Hi l-istess Ommu li nisslietu, welldietu, rabbietu u mxiet warajh sal-aħħar mingħajr l-iċken dnub! Altru mela li talba hux safi u jheżżeż il-blat! U għal min se noffruh ir-Rużarju ta’ kuljum?

Noffruh għal min hu vulerabbli f’saħħtu, għall-morda bil-coronavirus, nitolbu għat-tobba, għall-infermiera, għall-ħaddiema fis-supermarkets, għal dawk li jieħdu ħsieb it-tindif, għal dawk li jduru bil-morda, għall-bdoti tal-merkanzija, għall-forzi tal-ordni, għall-voluntiera, għas-saċerdoti u r-reliġjużi li qed iqattgħu ħajjithom mal-morda, għall-politiċi responsabbli, għall-familji, insomma, għal dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja pubblika, soċjali, kulturali u spiritwali ta’ pajjiżna u tal-pajjiżi l-oħra kollha.

Fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 12 ta’ Awwissu 2020, li saret fil-Bibljoteka tal-Palazz Appostoliku, Papa Franġisku qal hekk: “Il-pandemija wrietna kemm aħna vulnerabbli u fl-istess ħin marbutin ma’ xulxin. Jekk ma niħdux ħsieb ta’ xulxin, ibda minn dawk l-iktar fil-bżonn, minn dawk li huma milquta l-aktar, inkluż il-ħolqien, ma nistgħux infejqu d-dinja.” Meta nitolbu r-Rużarju kuljum flimkien u noffruh għall-fejqan ta’ kulħadd, inkunu qed nuru kemm qiegħdin nieħu ħsieb tassew lil xulxin. Bit-talba ta’ Marija. Bit-talba ta’ Ommna tas-Sema! Bit-talba li tinkludi lil kulħadd: It-talba tar-Rużarju mqaddes!

Patri Mario Attard OFM Cap