Fit-8 ta’ Settembru l-Knisja tiċċelebra s-Solennita’ tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija.
Ma nafux sewwa fejn u meta twieldet il-Madonna. Skont tradizzjoni antika twieldet f’Nazaret.
Flimkien mat-twelid ta’ Ġesù u mat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista, it-twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, ilu jiġi ċċelebrat fil-Knisja sa mill-ewwel żminijiet tagħha. Żgur li din il-festa kienet ġa bdiet tiġi ċċelebrata fis-sitt seklu. Imbagħad, kif nafu fiż-żgur, il-Papa San Serġju I (687-701) kien ordna li jinżammu erba’ festi tal-Madonna: It-Tħabbira, it-Tlugħ fis-sema, it-Twelid, u l-Purifikazzjoni.
Id-data tat-8 ta’ Settembru, intgħażlet għaliex dakinhar kienet ġiet iddedikata knisja lill-Verġni Marija f’Ġerusalemm qrib il-menqgħa ta’ Beteżda.
F’Malta, fis-sena 1275, ġa kien hemm knisja dedikata lit-Twelid tal-Verġni Marija (magħrufa bħala l-Bambina), iżda kien l-Assedju l-Kbir li għamel il-festa tat-Twelid tal-Verġni Marija waħda mill-ikbar festi tal-Madonna f’dawn il-Gżejjer, u nistgħu ngħidu li għadha hekk sal-lum.