Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Funeral ta’ Swor Miriam Tabone, Klarissa

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fil-Funeral ta’ Swor Miriam Tabone, Klarissa
Monasteru ta’ Santa Klara, San Ġiljan
Il-Ħamis 20 ta’ Ottubru 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

RAKKONT ĦAJ TAL-VANĠELU

Mhux is-soltu tiegħi li nippresiedi l-Ewkaristija waqt il-funeral tas-sorijiet, imma llum ħassejt li kelli nkun preżenti għall-funeral ta’ Swor Miriam Tabone għax kienet waħda mill-ewwel erba’ sorijiet li ġew Għawdex biex iwaqqfu monasteru ċkejken. Dan il-pass ifisser ħafna għall-Knisja f’Għawdex, u bil-preżenza tiegħi dalgħodu nixtieq intennilkom kemm id-Djoċesi tagħna tgħożż il-preżenza u l-kenn spiritwali li joffrulna l-Klarissi li hemm fil-monasteru ċkejken ta’ Għawdex. Bil-mewt ta’ Swor Miriam aħna tlifna waħda mill-ġawhar li jżejnu Dar Nazareth f’Għawdex!

Alla tagħna huwa tassew misterjuż tant li jaf jinħbielna; imma biex tkompli tagħqad, illum il-ġurnata anki aħna l-bnedmin naslu biex inkomplu naħbuh. Billi għalina l-preżenza tiegħu hija skomda, hawn min lil Alla jipprova jeleminah mit-tokk. Imma fl-istess waqt, ma humiex ftit dawk li huma għatxana għal Alla u għandhom seba’ mitt għajn biex jaraw jilmħux id-dell tiegħu. X’paradoss qawwi!

Għal dawk li huma fuq ix-xwiek biex jaraw anki ħjiel mill-qdusija ta’ Alla, fil-prologu tal-Vanġelu tiegħu San Ġwann jgħidilna li “lil Alla għadu ħadd ma rah, imma rrakkontahulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla li hu fi ħdan il-Missier” (Ġw 1:18). Għax Ġesù huwa l-Kelma li saret laħam. Bil-ħajja umana tiegħu hu offrielna r-rakkont, in-narrazzjoni, it-tifsira u l-eseġesi ta’ Alla. Ġesù huwa l-aħħar parabbola dwar Alla. Min jara lil Ġesù u l-forma ta’ kif għex, ikun qed jara lill-Missier – għax kif jgħid Ġesù nnifsu, “min jara lili, ikun jara lill-Missier” (Ġw 14:9). Għalhekk hemm bżonn li Ġesù jkun aktar magħruf u maħbub.

Ftit tax-xhur ilu, il-Papa Franġisku tana Kostituzzjoni Appostolika dwar il-Ħajja Kontemplattiva femminili bl-isem Vultum Dei quærere (Infittxu l-Wiċċ ta’ Alla). Frażi li tolqotni f’dan id-dokument hija dik li tiddeskrivi l-persuni kkonsagrati bħala “eseġesi ħajja tal-Kelma ta’ Alla”. Fi kliem ieħor, il-ħajja tal-persuni kkonsagrati u l-istess komunità ta’ persuni kkonsagrati huma rakkont dwar Alla. Bis-sempliċità kollha tal-ħajja ta’ kuljum huma jsiru għalina narrazzjoni tal-Vanġelu li fl-aħħar mill-aħħar huwa Ġesù nnifsu. Bir-raġun li l-persuni kkonsagrati jimmiraw biex f’ħajjithom ikun hemm sequentia sancti Evangelii, għaliex hekk kull waħda minnhom tkun tista’ tirrakkontalna parti mill-Vanġelu li tinsab miktuba fuq laħamha. Għalina l-persuni kkonsagrati huma l-memorja evanġelika – permezz tagħhom Alla l-ħin kollu jibgħat kelma lill-Knisja u lis-soċjetà kontemporanja.

Fir-Regola tiegħu San Franġisk jisħaq ma’ sħabu li l-ewwel dmir tagħhom huwa li joqogħdu għall-Vanġelu. Fit-testment tiegħu, il-Fqajjar ta’ Assisi jgħid li kien Alla nnifsu li talbu biex ifassal ħajtu skont il-Vanġelu. Dan jimplika li r-reliġjuż ifittex li jiltaqa’ mal-persuna ħajja ta’ Ġesù Kristu u jipprova jimitah billi jħaddan it-tliet virtujiet evanġeliċi fundamentali: il-faqar, il-minorità u l-karità.

Santa Klara wkoll fir-Regola tagħha titlob lil sħabha s-sorijiet biex “jgħixu skont il-perfezzjoni tal-Vanġelu”. Fil-fatt hija tgħid lis-sorijiet illi “l-għamla ta’ ħajja tas-sorijiet foqra li waqqaf il-Beatu Franġisku hija din: li joqogħdu għall-Vanġelu mqaddes tal-Mulej Ġesù, billi jgħixu l-ubbidjenza, mingħajr ma jkollhom xejn tagħhom, u l-kastità” (1:1-2). Hija ħasset il-ħtieġa li tinsisti qatigħ dwar dan, għax kienet qed tara li fi żmien relattivament qasir wara l-mewt ta’ San Franġisk, ir-Regola tad-deheb li hu kien ta kif semmejt aktar ’il fuq kienet diġà ġiet ikkontaminata b’ħafna ġuridiżmu ekkleżjastiku. Biżżejjed insemmu li meta l-patrijiet talbu lill-Awtorità ekkleżjastika biex tiċċaralhom ċerti punti mir-Regola ta’ Missierhom Franġisku, it-tweġiba kienet li huma ma kinux obbligati josservaw il-Vanġelu kollu imma li jgħixu biss il-voti reliġjużi bħala “preċetti”. Għalhekk kien f’dan il-kuntest li Santa Klara terġa’ tipproponi r-Regola ta’ Franġisku fl-integrità u l-qawwa oriġinarja tagħha. Santa Klara hija konvinta li l-kontemplazzjoni tal-Vanġelu twassal lis-sorijiet biex iġorru fil-“laħam” tagħhom il-misteru ta’ Kristu u jgħixu ħajja kollha kemm hi dipendenti fuq il-Missier.

Għax meta l-persuni kkonsagrati jimxu mal-“liġi” imma mhux mal-Vanġelu, huma ma jistgħux ikunu “r-rakkont” tal-Vanġelu għalina! Kemm huwa importanti llum li l-ħajjja kkonsagrata f’pajjiżna terġa’ tiskopri l-qawwa ta’ din ir-Regola Franġiskana! L-istess ħtieġa tgħodd għalina lkoll bħala dixxipli tal-Mulej li ħafna drabi għabbejna l-Vanġelu b’ħafna normi u liġijiet li jfixkluna milli nagħmlu esperjenza tal-qawwa feddejja tal-Kelma ta’ Alla… milli naraw fih in-narrattiva ta’ Alla!

Bħala għodda biex tgħin lis-sorijiet tagħha jgħixu l-pefezzjoni tal-Vanġelu, Santa Klara tirrakkomanda d-dixxerniment. Fil-fatt, hija tgħid: “Inħalli f’idejn il-badessa u s-sorijiet il-libertà u r-responsabbiltà li jagħżlu l-aħjar mod kif huma jgħixu l-Vanġelu skont iċ-ċirkustanzi u s-sitwazzjonijiet li jkunu jinsabu fihom, huma jagħżlu l-aħjar mod kif huma jgħixu l-Vanġelu”. Il-fakultà li wieħed jagħmel id-dixxerniment titlob wisq aktar impenn u responsabbiltà milli wieħed isegwi regola riġida li tkun tapplika dejjem u għal kulħadd, għaliex tfisser li wieħed irid ikun attent għat-tnebbiħ veru ta’ Alla u fl-istess waqt jgħasses fuqu nnifsu biex meta jasal biex jagħraf x’inhi r-rieda ta’ Alla għalih, ma jkunx qed jagħmel ir-rieda tiegħu! Fil-fatt, fil-kitbiet ta’ Santa Klara hemm impliċitu dak li jgħallem Sant’Injazju li fid-dixxerniment tal-ispirti rridu nagħżlu bejn dak li jgħidilna Alla u dak li jgħidilna x-xitan. Ħa jkunu r-reliġjużi mkissrin fl-arti tad-dixxerniment biex imbagħad ikunu jistgħu jgħinu lilna, saċerdoti u lajċi, biex aħna wkoll nersqu lejn il-Vanġelu b’dan l-atteġġjament u niskopru fih il-grazzja li teħles.

Dawn huma ftit mill-motivazzjonijiet għaliex għandna ngħożżu l-ħajja kkonsagrata, partikularment il-preżenza tal-kontemplattivi fil-Knisja u s-soċjetà tagħna. Bir-raġun illum qegħdin nagħtu l-aħħar tislima tagħna lil Swor Miriam Tabone li għaddiet tnejn u erbgħin sena fil-“bejta” tal-Klarissi. Aħna li konna nafuha nistgħu ngħidu li din ir-reliġjuża bit-tbissima, bil-ħlewwa u t-tjubija tagħha kienet tirrakkontalna lil Ġesù Kristu. Ma nafx li kienet tagħmel xejn straordinarju, imma l-ordinarju tal-ħajja kienet twettqu b’mod tassew straordinarju.

Nagħmlu sewwa napprezzaw u nappoġġjaw lill-kontemplattivi preżenti fil-gżejjer tagħna. Jekk jiġu nieqsa, inkunu tlifna teżor – nitilfu lil dawk li huma “eseġesi ħajja tal-Kelma ta’ Alla” għalina llum.

%d bloggers like this: