M’hemm xejn aktar progressiv u liberali mill-ħarsien tal-ħajja umana


Il-Ħadd, 13 ta’ Settembru 2020: Riflessjoni mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi waqt Quddiesa organizzata minn LifeNewtork b’tifkira tal-vittmi tal-abort fid-dinja.

M’hemm xejn aktar progressiv u liberali mill-ħarsien tal-ħajja umana

Qegħdin illum inġeddu l-memorja ta’ bnedmin prezzjużi li l-ħajja tagħhom twaqqfitilhom ħesrem waqt li kienu qed jiżviluppaw biex bħalna jkunu jistgħu jitwieldu. Dawn qatt ma kellhom l-opportunità biex juru lid-dinja min huma. Aħna nibku t-telfa ta’ dawn l-ulied, għax il-ħajja umana hi dejjem għażiża. It-telfa ta’ dawn hi telfa kbira għalina lkoll. Mhijiex telfa għal min jemmen fi Kristu biss, imma telfa għal kull min b’xi mod jew ieħor kapaċi japprezza l-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha.

Fl-istess waqt, illum nibku wkoll ma’ min ħa deċiżjoni li jtemm ħajja umana li bdiet. Seta’ kien hemm tant raġunijiet. Kultant huma nies li fiċ-ċirkustanzi partikulari ma setgħux jaraw ċar dak li qed jagħmlu u l-konsegwenzi, kultant huma nies li għaddew minn tbatija kbira u forsi ma sabux l-appoġġ li kellhom bżonn. Jista’ jkun li flok sabu min jgħinhom, sabu min iktar jippressahom biex itemmu l-ħajja umana. Hi x’inhi r-raġuni, jalla jsibu min jieqaf magħhom ħa jgħaddu mill-proċess ta’ maħfra u ta’ fejqan sħiħ. Jalla dawk li għamlu din id-deċiżjoni żbaljata jsibu l-għajnuna ħalli jibdew mill-ġdid u jaħdmu b’qawwa favur il-ħajja.

Protezzjoni fis-soċjetà

Qegħdin hawn ukoll illum biex inġeddu l-fehma tagħna li naħdmu b’mod attiv favur il-ħajja, ukoll meta nħabbtu wiċċna ma’ mentalità li tkun qed tappoġġja kultura tal-mewt. Irridu niftakru li snin ilu kien hawn fis-soċjeta l-iskjavitù, u kien hemm mentalità li taċċetta li jkun hemm skjavi u li tħaddem sistema ta’ skjavitù. Maż-żmien, bis-sehem ta’ nies kuraġġużi, diversi soċjetajiet fetħu għajnejhom u bdew jaħdmu bis-sħiħ kontra l-iskjavitù u ma jaċċettawx li jkun hemm skjavi għax din tmur kontra d-dinjità tal-bniedem.

Illum f’diversi postijiet fid-dinja hemm mentalità li taċċetta u tippromwovi li jkun hemm min itemm il-ħajja ta’ ħaddieħor jekk din tkun għadha fil-bidu u mhux imwielda. Hi mentalità mifruxa. It-tama u t-talba tagħna hi li jasal il-mument meta kif diversi soċjetajiet fetħu għajnejhom u bdew jaħdmu bis-sħiħ kontra l-iskjavitù, hekk jagħmlu wkoll fejn tidħol il-ħajja umana – jiftħu għajnejhom u jaħdmu bis-sħiħ biex qatt aktar ma jkun hemm min itemm il-ħajja ta’ ħaddieħor.

Progressiv u liberali

Kultant jingħad li min hu progressiv u liberali għandu jirsisti biex ikun hemm id-dritt li tagħżel li tneħħi l-ħajja umana li bdiet imma għadha ma twelditx. Imma, meta taħseb ftit xi tfisser progressiv u liberali, tinduna li m’hemm xejn aktar progressiv u liberali mill-ħarsien tal-ħajja umana.

Xi tfisser tkun progressiv? Tfisser li trid il-progress, li wieħed jimxi ’l quddiem fil-ħajja. Għandi nifhem li tfisser li trid il-progress ta’ kulħadd. Hu progressiv min irid li fejn hemm ftit ċelloli tal-ħajja umana jassigura li dawn jagħmlu progress. Għall-kuntrarju, min irid iwaqqaf il-ħajja umana li bdiet mhuwiex progressiv imma rigressiv. Kif jingħad tajjeb, is-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa.

Xi tfisser tkun liberali? Tfisser li tistma ħafna l-libertà, u ma trid lil ħadd ixekkel il-libertà. Għandi nifhem li trid tirrispetta l-libertà ta’ kulħadd biex jiżviluppa u jkollu ħajja aħjar. Jekk hemm ħajja umana li bdiet, tkun liberali jekk tħalliha tgħix mhux jekk twaqqafha, jekk teliminaha.
Talba

Illum nitolbu lill-Mulej biex isaħħaħ il-fehma soda tagħna li l-ħajja ngħożżuha u li nħarsuha minn kull periklu. B’mod speċjali, il-ħajja ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, dawk bla leħen, dawk li totalment jiddependu fuq l-oħrajn.

Nitolbu għall-konsistenza fejn tidħol l-għożża tal-ħajja – għalhekk mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha u f’kull waqt tagħha. Min bħalissa qiegħed jitkarrab għall-għajnuna għax qed jegħreq, litteralment jew metaforikament, ukoll għandu jkollu l-ħajja tiegħu jew tagħha mħarsa.

Nitolbu għat-tobba, għall-infermiera, għall-operaturi fil-qasam tas-saħħa biex ikunu dejjem fidili lejn il-missjoni tagħhom li jħarsu l-valur tal-ħajja, kif hu d-dmir tagħhom, u jagħmlu dan ukoll meta fil-kuxjenza jridu jgħidu ‘le’.

Nitolbu b’mod speċjali għal dawk l-ommijiet li qegħdin f’diffikultà, biex isibu l-għajnuna u l-appoġġ li jeħtieġu għall-protezzjoni tal-ħajja u qatt ma jispiċċaw vittmi ta’ sistemi abbużivi.

Nitolbu wkoll għal pajjiżna ħalli qatt ma jċedi għal pressjoni kontra l-ħajja imma jkun pajjiż li jilqa’ u japprezza kull ħajja umana, joħloq għarfien dwar il-valur tal-ħajja u jkollu liġijiet li jipproteġu l-ħajja li jwasslu għall-għożża tagħha.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.