Ingress Solenni tal-Isqof Anton Teuma fil-Katidral ta’ Għawdex


L-Erbgħa, 16 ta’ Settembru 2020: Ingress Solenni tal-Isqof Anton Teuma fil-Katidral ta’ Għawdex, fil-156 Anniversarju mit-Twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

IS-SIĠĠU TAL-ĦNIENA

Waħda mill-festi l-kbar tal-Lhud kienet il-festa tal-Yom Kippur – il-festa tal-maħfra, il-jum tal-għata meta jiġu mgħottija l-kotra tad-dnubiet. Għadha ssir sal-lum bejn wieħed u ieħor fiż-żmien ta’ bħalissa. Is-sena taħbat fis-27 ta’ Settembru.

Fir-ritwal ta’ din il-festa, is-Saċerdot il-kbir kien joffri għoġol b’sagrifiċċju. Bid-demm tiegħu kien iroxx in-nies kif ukoll l-għatu tal-Arka tal-Patt. Kienet l-unika darba fis-sena li s-Saċerdot il-kbir kien jidħol fil-Qaddis tal-Qaddisin, l-unika darba li kien jara l-Arka tal-Patt. L-Arka kienet kaxxa fil-parti l-kbira tagħha tad-deheb, mgħottija b’għatu tad-deheb mastizz. Fuq wiċċ l-għatu kien hemm żewġ anġli bi ġwenħajhom dritti lejn xulxin bħallikieku jħarsu dan l-għatu importanti.

L-imħabba tal-poplu lejn Alla, murija bit-traxxix tad-demm fuq l-għatu tal-Arka, kienet twassal għall-maħfra tad-dnubiet tal-poplu. Tant li dan l-għatu kien jissejjaħ is-siġġu tal-ħniena, it-tron tal-grazzja.

It-tron tas-Salib
L-Ittra lil-Lhud tagħmilha ċara li dan it-tron tal-grazzja huwa s-salib. It-tron ta’ Ġesù mhux tron tal-poter u tad-dominju, iżda tron ta’ qadi u ubbidjenza. It-tron ta’ Ġesù mhux tron ta’ suċċess u popolarità, imma l-kundanna tal-kriminali u ta’ dawk li m’għandhomx post fis-soċjetà.

Fir-rakkont tal-Passjoni, fl-erba’ evanġelisti, hemm l-idea, ftit jew wisq qawwija, ta’ Ġesù li jiġi pproklamat sultan. Hemm l-inkurunazzjoni ta’ dan is-sultan – mhux b’kuruna tad-deheb magħmula minn flus il-poplu, imma kuruna tax-xewk magħmula mill-aċċettazzjoni tal-prepotenza u l-aggressività tal-oħrajn. Hemm il-vestizzjoni ta’ dan is-sultan – mhux l-ilbies fin tar-rejiet, imma mantar tas-suldati maħmuġ bid-demm tas-soprafazzjoni u l-inġustizzji. Hemm il-korteo trijunfali – magħmul mhux mill-ministri u mill-qaddejja, imma minn nies ta’ qattagħni bħalma kienu s-suldati u l-ħallelin li kellu miegħu. Hemm l-intronizzazzjoni – mhux fuq tron sabiħ u tad-deheb, imma fuq is-salib tat-tbatija estrema tal-bniedem.

It-tron tas-salib huwa s-siġġu tal-ħniena ta’ Alla fejn int u jien nistgħu niġu b’qalbna qawwija biex nieħdu mingħandu ħajja, qawwa u grazzja.

Ġesù msallab, it-tron li minnu toħroġ il-ħajja
Ġesù msallab jgħallimna li jekk hemm tmexxija, jekk hemm awtorità, hija l-awtorità tal-imħabba u tal-qadi. Ma ninsewx li Ġesù qaleb għalkollox il-liġijiet tal-poter – ikun tassew l-ewwel min joqgħod wara l-oħrajn; ikun tassew sinjur min jagħti kulma għandu, saħansitra lilu nnifsu; ikun tassew mexxej min jagħmilha ta’ qaddej; ikun tassew kbir min jiċċekken u jinħeba.

Il-Katedra tal-Isqof tkun tassew Katedra tal-Isqof daqskemm tkun tixbah lis-salib ta’ Ġesù. Il-Katidral ikun tassew Katidral tal-Isqof daqskemm ikun jixbah ġisem ta’ Kristu mogħti għall-oħrajn.

Il-Knisja omm tkun tassew omm daqskemm tkun kapaċi tagħti lilha nfisha lil uliedha. L-omm ma tiħux għaliha meta wliedha jeħduha kontriha. L-omm ma tfittixx il-ġid tagħha imma tfittex biss il-ġid ta’ wliedha. L-omm ma jimpurtahiex mill-prestiġju tagħha nfisha, l-unur tagħha, il-glorja tagħha, imma mill-iżvilupp ta’ wliedha fil-fidi.

Hekk tassew il-Katedra tal-Isqof u l-Katidral ikunu jixbhu lil Ġesù msallab li minnu joħorġu għejun ta’ ilma ħaj.

Kemm hi ħaġa sabiħa li l-Knisja omm tinġabar fit-talb b’mod regolari għal uliedha! Kemm hi ħaġa sabiħa li l-Knisja omm tara liema huma l-bżonnijiet veri ta’ wliedha! Kemm hi ħaġa sabiħa li l-Knisja omm ma torqodx bi kwietha meta tara lil xi wħud minn uliedha li ħallew il-fidi u tbiegħdu minn Ġesù!

It-tron tal-Kelma u tat-tmexxija – l-Ewkaristija
Ġesù msallab huwa l-għajn tal-Magħmudija u l-Ewkaristija. “U ħareġ demm u ilma” (Ġw 19:34). L-ilma li ħareġ mill-kustat ta’ Ġesù huwa l-Ispirtu ta’ Alla mogħti lilna fil-Kelma u fil-Magħmudija. Id-demm li ħareġ mill-kustat ta’ Ġesù huwa l-Ewkaristija jew il-primat tal-għotja – il-primat tal-imħabba.

Minħabba f’hekk li fil-Knisja Katidrali u f’kull knisja oħra m’hemmx biss it-tron tal-president, imma hemm ukoll it-tron tal-Kelma (l-ambone) u t-tron tal-Ewkaristija (l-altar).

Tron tax-xhieda u tal-għotja sħiħa
156 sena ilu, il-Papa Piju IX waqqaf id-Djoċesi tagħna bil-Bulla Singulari amore. Fi kliem ieħor, il-preżenza reali ta’ Ġesù msallab, għajn tal-Magħmudija u tal-Ewkaristija, saret viżibbli fil-komunità li temmen, f’din il-Gżira tat-Tliet Għoljiet.

Il-Katedra tal-Isqof f’din il-gżira ma tridx tfisser tant l-awtorità tal-kelma tiegħi, imma l-awtorità tal-Kelma ta’ Alla li tingħax f’ħajti u fil-ħajja tas-saċerdoti sħabi. Hija awtorità ta’ xhieda. Jagħmel ħafna sens il-kliem ta’ Ġesù f’dan il-kuntest: “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej. Mela kulma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn” (Mt 23:2-3).

Il-Katedra tal-Isqof f’din il-gżira ma tridx tfisser tant l-awtorità fit-tmexxija, fil-leadership skills, jew agħar u agħar fil-prepotenza tiegħi. Il-katedra trid tfisser aktar l-għotja sħiħa, imħabba mingħajr kundizzjoni, qadi bla riserva lil Alla fil-poplu tiegħu. Jagħmel ħafna sens il-kliem ta’ Ġesù f’dan il-kuntest: “Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom Rabbi. Imma intom tħallux min isejħilkom Rabbi, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet. Hekk ukoll tħallux min isejħilkom mexxejja, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla” (Mt 23:6-11).

Marija, il-mara tal-Kelma u tal-Imħabba sħiħa
F’dan is-sens, il-Katedra tal-Isqof huma s-saċerdoti li qed ibatu, huma n-nies li jixtiequ kelma ta’ faraġ. Il-Katedra tal-Isqof huma ż-żgħażagħ li qegħdin ifittxu l-paċi tal-qalb. Il-Katedra tal-Isqof huma l-anzjani abbandunati. Il-Katedra tal-Isqof huma t-triq, id-djar komuni, il-postijiet tax-xogħol.

Il-Katedra tal-Isqof huma l-postijiet sempliċi tal-ħajja ta’ kuljum, imsemmija fil-Vanġelu li qrajna. Marija li timxi fit-triq, tidħol fid-dar, titkellem ma’ Eliżabetta, tifraħ bit-twelid ta’ Ġwanni, titkellem ma’ Alla u tfaħħru.

Għax hu “niżżel lis-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla liċ-ċkejknin” (Lq 1:52).

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.