Illum il-Knisja tfakkar lil San Roberto Bellarmino

Fis-17 ta’ Settembru l-Knisja tfakkar lil San Roberto Bellarmino, Isqof u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 1542 sa 1621.

San Robertu twieled f’Montepulciano, it-Toskana, l-Italja, fl-4 ta’ Ottubru 1542, għand familja influwenti. Ommu kienet tiġi oħt il-Papa Marċell II.

Ta’ 18-il sena, fl-1560, kontra r-rieda tal-ġenituri tiegħu li xtaquh imur jistudja fl-Università ta’ Padova, daħal Ġiżwita f’Ruma, u fl-1570, sar saċerdot. Wara l-ordinazzjoni hu laħaq l-ewwel Professur Ġiżwita fl-Università ta’ Louvain, il-Belġju.

Fl-1576, meta kellu 34 sena, sejħulu Ruma biex jokkupa l-katedra ġdida u diffiċli tal-Kontroversji fil-Kulleġġ Ruman. Fl-1588, sar il-Prefett Spiritwali tal-Kulleġġ u kellu x-xorti li jmexxi lil San Alwiġi fl-aħħar snin ta’ ħajtu u li jkun il-promotur tal-beatifikazzjoni tiegħu. Fl-1592, inħatar Rettur tal-istess Kulleġġ. Il-ktieb tal-katekiżmu li hu kiteb ġie maqlub f’sittin ilsien, u għadu jiġi wżat sal-lum f’xi pajjiżi.

Fl-1591, il-Papa Girgor XIV ħatru membru tal-kummissjoni biex tirrivedi l-edizzjoni Sisto – Clementina tal-Vulgata.

Fl-1599, il-Papa Klement VIII ħatru Kardinal, u fl-1602 ikkonsagrah Arċisqof ta’ Capua.

Wara l-mewt ta’ Klement VIII fl-1605, (Ljun XI ma damx Papa ħlief 26 jum) il-Papa Pawlu V sejjaħlu miegħu Ruma biex jieħu l-pariri tiegħu. Hekk ħa sehem sewwa fil-kwistjonijiet li nqalgħu, fosthom il-kontroversji bejn il-Knisja Kattolika u r-Reformisti Protestanti. Fl-1616, huwa intervjena fil-kwistjoni tal-ħabib tiegħu Galileo, u kkonvinċieh jipproponi t-teoriji ta’ Copernicus bħala ipotesi milli bħala fatt ippruvat.

Fis-sajf tal-1621, Robertu rtira f’San Andrea, f’Ruma fejn miet fis-17 ta’ Settembru tal-istess sena. Il-Papa Piju XI iddikjarah Qaddis u Duttur tal-Knisja. Ġismu jinsab fil-knisja ta’ San Injazju, Ruma, ħdejn il-qabar ta’ San Alwiġi, kif kien xtaq f’ħajtu.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply