Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 22 ta’ Settembru


It-Tlieta, 22 ta’ Settembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Bħalma smajna fl-introduzzjoni għall-quddiesa, Ġesù llum jindika l-familja ġdida tiegħu. Ma nistgħux nifhmu dan il-kliem bħala ċaħda ta’ ommu Marija u tal-familja tiegħu li x’aktarx kienet tgħix Nazaret f’dawk li l-Evanġelju jsemmi bħala ħutu. Imma nifhmu li l-komunità Nisranija baqgħet tiftakar din ir-reazzjoni tiegħu meta xi ħadd qallu: “Ommok u ħutek”, li ġejjin mil-laħam, “qegħdin hawn barra u jridu jarawk” (Mt 8:20).

“Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid hu” (Mt 8:21). L-ewwel waħda minnhom, dawn li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmluha, hija propju ommu li lill-anġlu tgħidlu: “Ikun minni skont kelmtek” (Lq 1:38). Marija allura hija omm Ġesù fil-misteru tal-inkarnazzjoni, fil-misteru li bih l-Iben t’Alla sar bniedem, hija omm naturali tal-Mulej Ġesù, imma hija wkoll omm fl-ordni tal-ispirtu, tal-grazzja, tal-ħniena.

Aħna wkoll nistgħu nwelldu lil Ġesù fl-oħrajn u fostna u għalhekk insiru ommijiet. Aħna aħwa ta’ Ġesù għax għandna l-istess wirt tal-Missier; m’aħniex aħwa naturali tiegħu, m’aħniex allat u ma niġux minnu mid-demm, imma aħna aħwa addottivi.

Nixtieq li niftakru dak li smajna fl-Ewwel Qari llum mill-ktieb tal-Proverbji. Il-ktieb tal-Proverbji huwa wieħed mill-isbaħ kotba tal-Iskrittura. Hekk, nissuġġerixxi li min għandu kopja tal-Bibbja b’lingwa li jippreferi, ifittex il-ktieb tal-Proverbji, mhuwiex ktieb twil ħafna, imma ħafna għerf nistgħu nsibu f’dan il-ktieb.

Jekk aħna nagħlqu qalbna għal ħutna kif nistgħu nippretendu li xi ħadd iwieġeb meta ngħajtu aħna għall-għajnuna ?

“Is-sultan huwa nixxiegħa ilma f’id il-Mulej u jmexxiha kull fejn jogħoġbu” (Prov 21:1) Kemm hi ħaġa sabiħa din it-tixbiha tas-sultan, ta’ min imexxi li huwa nixxiegħa ta’ ilma għall-poplu tiegħu imma huwa f’id il-Mulej. U hekk nitolbu għall-mexxejja tagħna biex ikunu din in-nixxiegħa ta’ ilma safi li kull fejn tgħaddi tħalli frott u duwa u li jkunu f’idejn il-Mulej.

Imma hemm ukoll kliem li ta’ min jixtarru. “Qalb il-ħażin tixtieq id-deni, m’għandux ħniena lanqas minn ħbiebu” (Prov 21:10). Kemm hi ħaġa ta’ ħasra kbira li meta aħna nixtiequ d-deni u allura ma nkunux kapaċi lanqas inħennu għall-ħbieb tagħna, qalbna titħassar. “Alla l-ġust iħares lejn dar il-ħażin; il-ħżiena jitfagħhom fil-ħsara. Min jagħlaq widnejh għall-għajta tal-fqir, ħadd ma jwieġbu meta jgħajjat hu” (Prov 21:12-13). Inti tiltaqa’ ma’ xi ħadd li għandu bżonn u tagħlaq għajnejk, widnejk u qalbek.

Ħabib, ħija l-għażiż, oħti l-għażiża, ilkoll kemm aħna nsibu ruħna f’xi bżonn. Jekk aħna nagħlqu qalbna għal ħutna kif nistgħu nippretendu li xi ħadd iwieġeb meta ngħajtu aħna għall-għajnuna, meta ngħajtu ajjut?

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.