Il-patri ħabib tal-morda


Nhar l – 24 ta’ Ġunju 2020, fis- Solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista, ħuna Patri Victor Enriquez għadda għall–ħajja ta’ dejjem fl-eta ta’ 75 sena.

P. Victor twieled fil- Belt Valletta, nhar it- 30 t’April 1945 minn Ugo u Adelina mwielda Micallef. Tgħammed ftit jiem wara ġewwa l-knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu. Huwa kien imur l-iskola primarja ta’ Montessori ġewwa l-Belt stess bejn l-1951 u l-1957. Minn hemm, beda jattendi l-iskola sekondarja ġewwa l-Liċeo tal-Ħamrun bejn l-1957 u l-1961, u aktar tard beda jmur Mt Carmel College, illum St Elias College, f’Santa Venera bejn l-1961 u l-1963.

Patri Victor Enriquez

Meta spiċċa l-iskola sekondarja, meta kellu 18-il sena, ngħaqad mal-Ordni Karmelitan nhar it-Tlieta 17 ta’ Settembru 1963, u ftit jiem wara, fit-22 ta’ Settembru, huwa beda n-novizzjat ġewwa l-kunvent tagħna tal-Imdina permezz taċ-ċerimonja tal-vestizzjoni. Sena wara, fil-11 ta’ Ottubru 1964, huwa għamel il-professjoni sempliċi ġewwa l-Karmnu tal-Imdina, f’idejn il-W.R.Provinċjal P. Elija Caruana O.Carm. Wara l-professjoni, huwa niżel fil-kunvent tal- Balluta fejn kellu jibqa’, ħlief għall – 4 snin, sal-aħħar ta’ ħajtu.

Huwa studja l-filosofija bejn l-1964 u l-1967 fil-Kulleġġ San Ċirillu. Fit-22 ta’ Ottubru 1967, huwa għamel il-professjoni solenni f’idejn il-W.R.Provinċjal. P. Ġorġ Borġ O.Carm. ġewwa l-knisja ta’ Fleur-de-Lys, wara mbagħad kompla jistudja t-teoloġija sal-1971 fl-INSERM. Fil-mixja tiegħu għas-saċerdozju, huwa ġie istitwit fl-ordni minuri minn Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi, l-Ostarjat u l-Lettorat fl-4 ta’ Mejju 1969 ġewwa l-knisja parrokkjali ta’ Santa Venera, u l-Akkolitat u l-Eżorċizztat fis-27 ta’ Settembru 1969 ġewwa l-Katidral tal-Imdina. P.Victor ġie ordnat suddjaknu fil-5 ta’ Ġunju 1971 ġewwa l-knisja tal-Karmnu tal-Balluta mill-Isqof Emmanuel Galea u xahar wara ġie ordnat djaknu, ġewwa l-knisja parrokkjali ta’ San Duminku, fil-Belt Valletta. Fl-aħħarnett, ġie ordnat saċerdot flimkien ma’ P. Louis Bajada, nhar il-5 ta’ Settembru 1971 ġewwa s-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, fil-Belt Valletta.

Fost il- karigi li kellu wara l-ordinazzjoni, huwa serva fil-parroċċa tal-Balluta fejn ħadem bħala Direttur tal-Abbatini għal għaxar snin bejn l-1972 u l- 1982, u Direttur tal-Carmelite Youth Centre, liema ċentru huwa stess waqqaf, bejn l – 1972 u l- 1988. Fi ħdan il-Provinċja Karmelitana Maltija, huwa kien ukoll editur tar-rivista Il-Karmelu bejn l- 1973 u l- 1979, editur tal-publikazzjoni interna Bejnietna Karmelitani bejn l-1994 u l-1995, Public Relations Officer, kif ukoll Prefett tad-Dixxiplina f’Mt Carmel College bejn l-1972 u l-1982, u aktar tard bejn l-1989 u l-1995. Għal żmien qasir, P. Victor kien jifforma parti mill-komunità tal-Belt Valletta, bejn l-1988 u l-1992. Meta mar lura fil-Balluta fl-1992, huwa sar Sagristan Maġġur bejn l-1997 u l-2006.

Il-kappella li tinsab fil-kunvent tal-Balluta – fejn għex l-aħħar patri Victor

Fi ħdan id-Djoċesi ta’ Malta, b’ħatra minn Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca, fis-7 ta’ Novmebru 1998 P. Victor ġie maħtur bħalha kappillan tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara P. Daniel Sammut O.Carm., liema uffiċċju hu baqa’ jaqdi sal-2004. Bejn l-1991 u l-1999, kien ukoll Assistent Kappillan tal-Forzi Armati ta’ Malta ġewwa Ħal Safi. Barra minn hekk, għal żmien twil kien ukoll Direttur Spiritwali tal-Legjun ta’ Marija, Direttur Spiritwali ta’ grupp ta’ żgħażagħ li kien ilaqqa’ ġewwa l-knisja ta’ Sarria fil-Furjana, kif ukoll, sa minn Diċembru 2012, Assistent Spiritwali tar-Russian Grand Priory tal-Ordni ta’ San Ġwann.

P. Victor kien attiv ħafna fil-ħajja tal-parroċċa tal-Balluta kemm fiċ-ċelebrazzjoni ta’ għadd kbir ta’ magħmudijiet, żwiġijiet u funerali, kif wkoll fil-ħidma tiegħu mal-anzjani, maż-żgħażagħ, u fil-qasam sportiv. Għalkemm P. Victor kien impenjat sew pastoralment, huwa dejjem kien isib il – ħin ta’ kuljum biex iżur lil ommu anzjana ġewwa d-dar tagħha fil-Belt Valletta, u jdur biha. Anke bi problemi serji f’qalbu, speċjalment tul dawn l-aħħar xhur, imma bi spirtu żelanti, P. Victor kien jinsisti li jrid jibqa’ jqaddes il-quddiesa tal-ħin tiegħu, u li jmur iqaddes u jassisti fid-djar tal-anzjani u l-isptarijiet privati ta’ madwar. Ċertament avveniment li ma kienx jitlef ta’ kull sena, kienet l-għawma l-għada tal-Milied b’risq l-Istrina.

Il-quddiesa præsente cadavere saret fil-knisja parrokkjali tal-Balluta nhar l-Erbgħa 1 ta’ Lulju 2020 tifkira tal- Beatu Nazju Falzon. Il-kadavru tiegħu nġab mill-Isptar Mater Dei dakinhar stess filgħodu u tqiegħed fil-kurutur tal-knisja fejn diversi nies ġew jagħtuh l-aħħar tislima. Il-Quddiesa bdiet fid-9:30 a.m. u tmexxiet mill-Pirjol tal-komunità P. Charles Mallia li għamel omelija kommoventi. Ikkonċelebraw miegħu għadd sabiħ ta’ Konċelebranti, fosthom reliġjużi Karmelitani, saċerdoti djoċesani, u reliġjużi oħrajn. Wara t-tislima tal-aħħar, li ngħatat mill-Provinċjal, P. Joe Saliba ġie midfun fiċ- Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata ġewwa Raħal Ġdid.

Nitolbu lill- Mulej biex dan ħuna ikollu l- mistrieħ ta’ dejjem.

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm