Fedeltà lejn il-Papa


It-Tnejn, 9 ta’ Novembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna fil-festa tad-dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ San Ġwann tal-Lateran f’Ruma. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-konsagrazzjoni tal-Katidral ta’ Ruma, San Giovanni in Laterano, tagħtina l-opportunità mhux biss inġeddu l-fedeltà tagħna lejn l-Isqof ta’ Ruma, il-Papa, imma wkoll nirriflettu fuq il-kelma li jgħid Ġesù.

L-evanġelista Ġwanni jgħid li meta tkellem fuq it-tempju kien qed jirreferi għall-ġisem tiegħu “iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu” (Ġw 13:21). Jekk il-ġisem ta’ Ġesù huwa tempju, hekk ukoll huwa l-ġisem tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna kif jgħallem l-Appostlu Missierna San Pawl. Imma huwa tempju wkoll il-ġisem ta’ Kristu li hija l-Knisja. Nistgħu ngħidu li l-kelma tempju ma tfissirx biss il-ġebel. Anke din il-knisja sabiħa hija kkonsagrata u fuq il-pilastri tagħha naraw is-slaleb tal-konsagrazzjoni.

Illum qegħdin infakkru l-konsagarazzjoni mill-Papa tal-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran fis-sena 324. Il-bażilika nbniet mit-tifel ta’ Sant’Elena, minn Kostantinu, fuq art tal-familja tal-Latern li kienet wirtet martu. Fuqha, imbagħad, Kostantinu bena din il-knisja lill-Insara anke b’rikonoxximent tal-fatt li kien sar imperatur u anke bl-inkoraġġiment għal ommu Sant’Elena. Din hi l-ewwel knisja li ġiet ikkonsgarata fis-sena 324 mill-Papa ta’ dak iż-żmien u hija meqjuma bħala l-knisja omm.

L-ewwel qari mill-ktieb tal-profeta Eżekjel tkellem dwar it-tempju li minnu joħroġ ilma li jfejjaq l-ilmijiet l-oħra. Kull fejn jgħaddi dan l-ilma ħiereġ mit-tempju, l-ilma mielaħ isir ħelu u s-siġar li jikbru minn dan l-ilma jagħtu l-fejqan. “Il-frott tagħhom ikun ikel u l-weraq tagħhom duwa” (Eżek 47:12).

F’dan il-kuntest ta’ pandemija, din ix-xbieha hija qawwija ħafna. Mit-tempju tal-Mulej joħorġu xmajjar ta’ fejqan. Issa aħna nafu li l-fejqan ta’ din il-pandemija mhijiex kwistjoni ta’ ilma ħiereġ mill-knisja. Anzi, dik xi problema għall-kapppillan tkun jekk il-knisja tagħmel l-ilma, wisq iżjed il-katidral għax tkun problema tal-Kapitlu u tal-Isqof.

Imma s-simbolu huwa li l-għożża ta’ bejnietna, li tiġi mill-għajn safja tal-imħabba li jgħallimna s-suċċessur ta’ Pietru, se tkun hi li ssalvana, mhux biss l-għożża tax-xjenzjati. Nitolbu ħafna għalihom imma wkoll nitolbu għall-għożża ta’ bejnietna. Wara kollox, is-Santi Padri kienu jħarsu lejn il-Knisja ta’ Ruma bħala dik li tmexxina, li tippresiedi fl-imħabba.

Issa aħna nafu, meta naraw l-istorja tal-Knisja ta’ Ruma, li mhux dejjem kien hemm imħabba kbira, kien hemm anke vjolenzi kbar u l-bnedmin jibqgħu li huma, bnedmin dgħajfa. Imma llum irridu nagħmlu att ta’ fidi wkoll fis-suċċessur ta’ Pietru. Lis-suċċessur ta’ Pietru ngħidulu l-qdusija tiegħu mhux għax għandu xi raġġiera ma’ rasu li ma tidhirx, imma għaliex dik hi s-sejħa tiegħu. Issa jekk jgħixhiex jew le, f’idejh u f’idejn iżjed il-grazzja t’Alla.

Illum nitolbu għall-Papa preżenti, il-Papa Franġisku, biex jgħix il-vokazzjoni tiegħu skont ir-rieda ta’ Ġesù u li aħna nkunu nistgħu nfarrġuh bl-ubbidjenza tagħna. Din hija espressjoni sabiħa ta’ San Ġorġ Preca. Meta jitlob għall-Papa, San Ġorġ Preca jitlob biex ikollu l-grazzja tal-faraġ tal-ubbidjenza tagħna; li aħna bl-ubbidjenza tagħna nkunu ta’ faraġ għall-Papa u nimmaġina li l-Papa għandu bżonn faraġ iżjed minn ħafna minna. Nitolbu għall-Papa Franġisku u nitolbu biex aħna nkunu ta’ faraġ u ta’ għożża għal xulxin, u ta’ faraġ għalih.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 47: 1-2. 8-9. 12
Salm: 45: 2-3. 5-6. 8-9
Evanġelju: Ġw 2:13-23

Sors: www.knisja.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.