In-nuċċali tal-gratitudni

Bħalma jaf kulħadd, matul din is-sena, li bdiet, sewwasew, mill-24 ta’ Mejju 2020 sal-24 ta’ Mejju 2021, qed tiġi evalwata mill-ġdid l-enċiklika dwar l-għożża tad-Dar Komuni tagħna, Laudato Si’. Għal dan il-għan u bi tweġiba konkreta li tħalli biżibilju ġid għax-xewqa stess kif imfissra mill-Papa Franġisku, qed isir kors tabilħaqq interessanti fejn qed nissuktaw nifhmu l-valuri u l-proposti ippreżentati lilna f’din l-enċiklika attwalissma għal żminijietna. Il-kors, li qiegħed isir online fuq zoom, hu imniedi miċ-Ċentru ta’ Spiritwalità Injazjana u l-Kummissjoni Interdjoċesana tal-Ambjent.

Personalment, bħala Franġiskan Kapuċċin, dan il-kors qed jagħmilni aktar konxju kemm l-ambjent hu tabilħaqq importanti. U xi dmir għandi, bħala wieħed li qiegħed nimxi wara Kristu fuq il-passi ta’ missierna San Franġisk, li nieħu ħsiebu. U, din ir-responsabbiltà, ma taqax fuq spallejja biss imma wkoll fuq dawk kollha li huma Insara, jew jgħidu li huma Insara u anki fuq min hu ta’ rieda tajba. Irridu nkunu sodi, l-ewwel nett fil-mentalità tagħna! Ejjew ma narawx l-ambjent sempliċiment bħala riżorsa għall-qliegħ biss tal-flus u daqshekk! Ma ninsewx x’tgħid it-taqbila: żvilupp irresponsabbli iħares lejn il-but imma jweġġa’ il-qlub! U hawn qlub imweġġa’ minħabba l-qagħda tal-ambjent fostna tafux! Tiġba tisma’ nies li jgħidulek: Kif radmuni ħaj u ħajja b’dan il-bini tal-appartamenti li għandi fuq rasi. M’għandix fejn nieħu nifs! Fil-verità, min qed jisma’ il-karba ta’ dawn in-nies? Barra minhekk, ejjew ma ninsewx lanqas il-qalb imweġġa’ tal-Mulej quddiem żvilupp li jħassar l-ambjent naturali li Hu, ta’ Missierna li Hu, ħalqilna b’tant imħabba! Min jaf kemm tweġġa’ qalbu meta tara li xogħol idejh, li ħareġ mill-qalb ħanina tiegħu għalina (Lq 1:78), qed jispiċċa meqrud ħesrem b’dan il-mod!

Imma, u f’dan kollu, hemm aħbar tassew tajba! Jekk ilkoll, jien l-ewwel wieħed, ikollna l-umiltà u r-rieda tajba, li ma tfittix kif ħa tkun komda hi iżda l-ġid komuni tal-oħrajn, lin-natura jiftlilna nagħtuha mqar naqra ċans sakemm tiġi f’sikkitha ħa terġa’ tibda’ issewwi lilha nnifisha mill-ħsara li l-bniedem, konsumatur, ħakkiem u sfruttatur, għaddieha minnha, allura, permezz tan-natura stess, inkunu nistgħu nħallu lill-Mulej jerġa’ jirrestawra mill-ġdid dak li aħna l-bnedmin, għax il-ħin kollu nikkunsmaw, inkunu qridna ħtija tal-egoiżmu sfrenat tagħna. Li ma jarax għajr gwadann personali u xejn aktar!

L-għaliex dan il-ħolqien għandna daqshekk napprezzawh? Inħallu lill-enċiklika Laudato Si’ titħaddet hi, għaliha innifisha, biex tikkonvinċina. Jekk dejjem irridu nisimgħu u mhux inwebbsu rasna jew nitfugħha fir-ramel biex taparsi m’aħniex qiegħdin nintebħu b’dak li qed iseħħ. In-numru 11 tal-enċiklika tippreżentalna lil San Franġisk missierna fir-relazzjoni li kellu mal-ħolqien:

L-istess kif jiġrilna meta ninnamraw ma’ persuna, kull darba li Franġisku kien jitfa’ ħarstu lejn ix-xemx, il-qamar, l-iċken annimali, ir-reazzjoni tiegħu kienet tkun li jibda jkanta, u fl-għana ta’ tifħir tiegħu kien idaħħal il-ħlejjaq l-oħra kollha. Hu kien jidħol f’komunikazzjoni mal-ħolqien kollu, u kien jipprietka saħansitra lill-ward u “kien jistedinhom biex [miegħu] ifaħħru lill-Mulej daqslikieku kienu ħlejjaq bir-raġuni”. Ir-reazzjoni tiegħu kienet bil-wisq iżjed minn apprezzament intellettwali jew xi kejl ekonomiku, għax għalih kull ħlejqa kienet oħtu, imxierka miegħu bi rbit ta’ mħabba. Għalhekk hu kien iħossu msejjaħ jieħu ħsieb ta’ kulma jeżisti. Id-dixxiplu tiegħu San Bonaventura kien jirrakkonta kif hu “kien joqgħod jaħseb li l-ħwejjeġ kollha li jeżistu kellhom bidu wieħed, kien iħossu mfawwar b’tjieba akbar, u l-ħlejjaq kollha, imqar l-iżgħar, kien kollha jsejħilhom ‘ħija’ u ‘oħti’”. … Jekk nersqu lejn in-natura u l-ambjent mingħajr qalb miftuħa għall-istagħġib u b’sens ta’ meravilja, jekk ma nibqgħux nitkellmu bil-lingwaġġ tal-aħwa u tal-ġmiel fir-relazzjoni tagħna mad-dinja, l-atteġġjamenti tagħna jsiru ta’ ħakkiem, ta’ konsumatur jew ta’ xi ħadd li sempliċement jisfrutta r-riżorsi naturali, u mhux kapaċi jrażżan l-interessi immedjati tiegħu. Għall-kuntrarju, jekk aħna nħossuna intimament magħquda ma’ dak kollu li jeżisti, ir-rażan u l-għożża jnixxu minna b’mod spontanju.

F’dan il-paragrafu hemm konfront bejn żewġ settijiet ta’ attitudnijiet. Fuq naħa waħda għandna l-attitudni li tkisser u teqred ta’ ħakkiem, konsumatur u sfruttatur. Filwaqt li, fin-naħa l-oħra, hemm l-attitudni ta’ stagħġib u sens ta’ meravilja. Il-bażi ta’ l-ewwel sett ta’ attitudnijiet hi dak li jaqbel lili u li ma rridx nisma’ dak li l-Mulej, permezz tal-ambjent naturali, qed jgħidli. Nista’ niġġustifika ħafna lili nnifsi biex ma nismax. Il-lista ta’ skużi hi twila ħafna. Filwaqt li, minn naħa l-oħra, hemm din l-attitudni mill-isbaħ ta’ smiegħ lejn dak kollu li jeżiżti. Li, naqra naqra, iwassalni biex inħallieh irażżan fija dik il-kilba li nfittex l-interessi immedjati tiegħi. Mhux biss, iżda meta nħalli l-ambjent ikellimni, jien nikber fl-għożża tiegħu. U dan inwettqu l-għaliex għalija kull ħlejqa hi oħti! U hi mxierka bi rbit ta’ mħabba miegħi! Għalhekk, jiena sħiħ u sħiħa l-għaliex parti minn dan iċ-ċiklu kumpless ta’ mħabba li ħareġ minn idejn il-Mulej Alla Ħallieq!

Din ir-riflessjoni li l-Ispirtu s-Santu tani f’dan il-kuntest tant sabiħ ta’ tagħlim li jissarraf f’azzjoni konkreta u li tagħti l-frott ħaditni f’talba-taqbila li tani l-istess Spirtu wara t-temmija ta’ din il-laqgħa tabilħaqq interessanti: Infaħħrek Mulej għal kull ħlejqa li ħlaqtilna, Li ħarġet mill-ġewwieni tiegħek b’qalbek daqshekk miftuħa. Rażżan fija l-ħakma u l-isfruttar tal-ħolqien, Nissel fija r-rażan u l-għożża ħa ndewwilek qalbek tant miġrugħa. Taqbila oħra li l-Mulej għoġbu jirregalali f’dan il-kors kienet din: L-istess ħolqien li jwassalna għall-kontemplazzjoni hu l-istess ħolqien li jitlob minna spjegazzjoni li twassalna għall-azzjoni!

Ejjew inkunu qalbiena u nħallu lill-Mulej jibdilna u jfejjaqna fir-relazzjoni tagħna miegħu; mal-bnedmin ħutna; mad-Dar tagħna, id-dinja bil-ħolqien li fiha u magħna nfusna! Jekk aħna bilfors irridu nkunu konsumaturi ejjew inkunu konsumaturi responsabbli! Li qalbna miftuħa għall-Mulej, għall-bnedmin, għall-ambjent u għalina nfusna, fir-relazzjoni tagħna mal-ħolqien ta’ madwarna! Għax proprju s’hawn iwassalna n-nuċċali tal-gratitudni!

Patri Mario Attard OFM Cap