Il-Fraternità: Għajn ta’ ispirazzjoni u tiġdid għad-demokrazija u l-paċi

Minn Mons. Bruno Marie Duffé.

Il-figura mimlija simboliżmu “tar-Ragħaj it-Tajjeb”, li jieħu ħsieb ir-raġel miġrugħ u mitluq fil-ġenb tat-triq, toffri lir-riflessjoni tal-Papa Franġisku dwar il-fraternità, riferiment essenzjali biex nirriflettu dwar ir-relazzjonijiet fraterni u l-ħajja politika.  It-tieni parti tal-Enċiklika “Fratelli tutti” (partikolarment il-kapitli 5 u 6), fil-fatt, lill-politika ttiha importanza deċisiva.

Mons. Bruno Marie Duffé

Fin-nofs hemm il-kwistjoni li l-fraternità ma nistgħux nillimitawha biss għar-relazzjonijiet inter-personali.  Il-politika hi mkien ta’ laqgħa, djalogu u responsabbiltà komuni.  Hi t-tifsira ċara u tonda tad-demokrazija: spazju li fih kulħadd jista’ jesprimi ruħu u jieħu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijjiet, għall-ġid komuni u għall-ġustizzja.

Bħala proġett u prattika politika, id-demokrazija, bl-għana u d-dgħufijiet tagħha, hi l-viżjoni ta’ dinja “miftuha” (cf kap. 3 tal-Enċiklika) li tmur ‘l hinn mid-dinja dejqa u magħluqa tal-interessi individwali biss u tagħti importanza lill-ieħor.

“Hemm ukoll aspett ta’ ftuħ universali ta’ mħabba li mhux ġejografiku imma eżistenzjali.  Hija l-ħila li għandi li kuljum inwessa’ ċ-ċirku tiegħi biex nilħaq lil dawk li spontanjament ma nqishomx sehem mill-interessi tiegħi, minkejja li jistgħu jkunu qrib tiegħi.  Fuq kollox, kull oħti jew ħija li qed ibatu, abbandunati jew injorati mis-soċjetà li ngħix fiha huma stranġieri eżistenzjali, anki jekk ma jkunux twieldu f’pajjiżi” (Fratelli tutti, 97).

L-ispazju demokratiku hu “spazju miftuh” fejn tista’ sseħħ il-laqgħa, fejn il-kliem jista’ jingħad u jitlissen mingħajr biża’, fejn kulħadd jirrispetta u jaġġorna d-drittijiet umani u d-dmirijiet lejn xulxin.

“Il-ħbiberija soċjali” li hi isem ieħor li jfisser fraternità, attenzjoni, qalb tajba u tfittxija għal relazzjonijiet ġusti, mhix attitudni dgħajfa, imma attitudni morali qawwija li tirrifjuta li tistmell lill-ieħor – partikolarment lill-aktar dgħajjef – u tiftaħ it-triq għat-tisħiħ tar-responsabbiltà kondiviża.

“Hemm bżonn ta’ politika mtejba mqiegħda għas-servizz tal-veru ġid komuni biex ikun hemm svilupp tal-komunità dinjija bil-ħila li tinkiseb il-fraternità mill-popli u n-nazzjonijiet li jgħixu fil-ħbiberija soċjali” (Fratelli tutti 154)

L-ospitalità reċiproka, karatteristika tal-ħbiberija, tagħmilna sensittivi għal dak li jgħid ħaddieħor, għar-rispett lejn il-wegħdiet tagħna u għall-ħtieġa tal-maħfra, li jippermettulna li lill-ieħor – kemm jekk individwu, poplu jew komunità – ma nagħlquhx fil-gaġġa tal-preġudizzji inkella npinġuh qiesu għandu xi ħaġa nieqsa.  L-ospitalità mgħejxa bir-reċiproċità titfa’ dawl fuq il-koperazzjoni fi-proġetti internazzjonali u fuq l-isfidi tas-solidarjetà mal-migranti u r-rifuġjati mfarrkin mill-gwerer u l-vjolenza.  Rigward dan m’għandniex nafdaw fil-populiżmi li jaħtfu u kultant jisirqu t-tama popolari biex isaħħu s-setgħa tagħhom….  Ir-riflessjoni dwar l-appartenenza għall-komunità ma tistax tingħalaq fis-settarjaniżmu jew f’komunitajiet esklussivi.  Għall-kuntrarju hi għandha sseddaq l-għana tal-pluraliżmu soċjali, li jħaddan fih l-approċċi u l-interpretazzjonijiet differenti.

Fuq kollox, il-ġid komuni, hu sejħa sabiex it-talenti ta’ fejda għall-ġid tal-komunità jkunu użati fil-firxa kollha tagħhom u jitqiesu bħala kundizzjoni u xefaq biex ikun hemm il-paċi.  It-tfittxija għall-paċi tfisser li nieħdu ħsieb ir-rabtiet ta’ bejnietna, tad-drittijiet umani li jħarsu d-dinjità tal-persuni, il-memorja tagħna u t-tama tagħna.

“Li tkun tifforma parti minn-poplu jfisser li tkun tifforma parti minn identità komuni magħmula minn rabtiet soċjali u kulturali.  Din mhix xi ħaġa awtomatika, anzi, bil-maqlub: hi proċess bla għaġla u diffiċli… lejn proġett komuni” (Fratelli tutti, 158: Parti minn kwotazzjoni ta’ Antonio Spadaro: Las huellas de un pastor.  Konverżazzjoni mal-Papa Franġisku fil-ktieb: Jorge Maria Bergoglio – il-Papa Franġisku, Kliemek f’għajnejja.  Omiliji u diskorsi fi Buenos Aires (1999-2013), Pubblikazzjonijiet Claretani, Madrid (2017), pp.24-25).

Li titkellem dwar “proċess bil-mod” f’dak li għandu x’jaqsam mal-fraterità u l-ħajja politika jfisser li tiddedika ruħek għall-vjaġġ morali li qatt mhu sodisfatt bis-sitwazzjoni li fiha tinsab id-dinja bħalissa.  Ifisser li jkun hemm trasformazzjoni radikali tal-bnedmin u tal-istituzzjonijiet.  Waħda ma tistax tiżviluppa mingħajr l-oħra.  Għalhekk il-paċi għandha tkun imħaddma bl-għan li toħloq “politika tajba” (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’Jannar, 2019), imma wkoll bħala espressjoni tal-karità mitmuma.

“Il-vera karità mħaddma kif jixraq għandha ħila tintegra dan kollu (privatezza, legalità, livell minimu ta’ għajxien, kummerċ, ġustizzja soċjali, ċittadinanza politika) u għandha tkun tidher ċar fil-laqgħa inter-personali;  għandha ħila wkoll tilħaq lill-aħwa mbiegħda, jew injorati wkoll, permezz ta’ riżorsi varji li l-istituzzjonijiet ta’ soċjeta organizzata, ħielsa u kreattiva għandhom ħila joħolqu” (Fratellli tutti, 165)

Għalhekk il-karità ma tistax tirriduċi ruħna għal sempliċi relazzjoni ta’ għajnuna jew assitenza.  (Il-karità) Hija ġustizzja, tama u tħaddim tal-imħabba.  Dan, faċli jinftiehem, hu dmir tar-realtajiet lokali u reġjonali, nazzjonali u internazzjonali u tal-komunità dinjija.  Aħna nagħmlu parti kemm mid-dinja kif ukoll mill-villaġġ.  Fiż-żewġ dimensjonijiet (globali u lokali) hemm jiżfnu fin-nofs ir-rispett lejn xulxin u l-ġejjieni tal-paċi.

“Kull impenn f’das-sens isir eżerċizzju ta’ karità suprem.  fil-fatt, individwu jista’ jgħin lil persuna li tkun fil-bżonn, imma meta jingħaqad ma’ oħrajn biex joħloq proċessi soċjali ta’ fraternità u ġustizzja għal kulħadd hu jkun qed isir sehem “mill-għalqa tal-akbar karità, il-karità politika” (Piju XI, Diskors lill-Federazzjoni tal-Universitajiet Kattoliċi Taljani, 18 ta’ Diċembru, 1927; L’Osservatore Romano, 2 ta’ Diċembru, 1927, paġna 3)” (Fratelli tutti, 180).

Mi’jub mit-Taljan ghall-Maltin minn Joe Huber

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.