Għajta fid-deżert

Il-Ħadd, 13 ta’ Diċembru 2020: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa tat-3 Ħadd tal-Avvent. Parroċċa Balzan.

Għajta fid-deżert

Nixtieq li nieqfu fuq sentenza waħda li hemm fl-Evanġelju tal-lum, li hi sentenza li għandha x’tgħidilna ħafna għal ħajjitna. Hu l-kliem li qal Ġwanni l-Battista u li ħa mill-Profeta Isaija biex ifisser lilu nnifsu u l-missjoni tiegħu: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: wittu t-triq tal-Mulej.”

Negħlbu l-biża’

Ġwanni kien “leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert”. Kien hekk għax għażel id-deżert bħala l-post; ma kienx qalb in-nies, imma n-nies kienu jmorru ħdejh, għax hu għażel id-deżert biex jaqdi l-missjoni tiegħu. Imma kien ukoll f’sens ieħor “leħen jgħajjat fid-deżert” għax kien leħen uniku. Qalb il-mexxejja ta’ dak iż-żmien, kien leħen qisu f’deżert, waħdu, isejjaħ lin-nies biex iħejju ruħhom għall-miġja tal-Messija. Għalhekk kien f’dan is-sens ukoll “leħen jgħajjat fid-deżert”.

Ġwanni kien leħen jgħajjat bla biża’. Il-missjoni tiegħu qdieha mingħajr qatt ma beża’. U l-valur kbir ta’ dak il-“leħen jgħajjat fid-deżert” ma kienx għax kien xi ħadd qed iwerżaq, imma għax kien leħen li jaqbel max-xhieda li kien jagħti. Fil-fatt, fl-Evanġelju l-enfasi qiegħda fuq li Ġwanni ġie bħala xhud. Mibgħut minn Alla, ġie bħala xhud biex jixhed għad-dawl. Il-kliem tiegħu kien jaqbel max-xhieda li kien jagħti. Għalhekk kienet din ix-xhieda l-aktar il-“leħen jgħajjat fid-deżert”.

Dan għandu ħafna x’jgħallimna fil-ħajja tagħna. Għax aħna wkoll imsejħin għax-xhieda ta’ ħajja Nisranija u biex, fejn ikun hemm bżonn, aħna wkoll inkunu bħal leħen jgħajjat fid-deżert. B’liema mod nistgħu nkunu dan? Fis-soċjetà li qed ngħixu fiha llum – imma din mhijiex ħaġa biss tal-lum, kienet f’tant żminijiet fl-Istorja, imma se nitkellmu fuq żmienna – nindunaw li kultant, biex ngħixu ċerti valuri li għallimna Ġesù, insibu ruħna f’ambjenti fejn inkunu bħal leħen jgħajjat fid-deżert. Ġieli nsibu nies li jaqsmu l-istess valuri, imma ġieli nsibu ruħna bħal leħen jgħajjat fid-deżert. Insemmi xi eżempji ta’ dawn il-valuri:

– L-għożża tal-ħajja tal-bniedem mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha.
– Ir-rispett lejn ix-xbieha ta’ Alla f’kull persuna, hi min hi, ta’ liema lewn u razza tkun
– L-onestà fix-xogħol
– Il-ġustizzja fil-mod kif nittrattaw lil xulxin.
– Il-fedeltà fiż-żwieġ
– Ir-rażan, id-dixxiplina tagħna nfusna, li nkunu nafu ngħidu ‘le’ lilna nfusna, biex nagħżlu dak li hu tajjeb u nwarrbu dak li hu ħażin.

Kultant, f’dawn il-valuri, tista’ ssib ruħek bħal leħen fid-deżert. Ikun hemm min jgħidlek: għax trid timponi l-valuri tiegħek? Qisu m’għandekx dritt tkun differenti mill-oħrajn, u jekk tkun hekk se timponi l-valuri fuq min ma jaqbilx. Imma aħna msejħin biex bħal Ġwanni nkunu, fejn meħtieġ, bħal leħen jgħajjat fid-deżert. Is-sejħa li għandna mhijiex li f’dak li ngħidu u nagħmlu nfittxu l-approvazzjoni tan-nies, imma li nkunu qed nagħmluh b’fedeltà lejn Alla u lejn dak li għallimna hu, anke fejn jeħtieġ li nkunu bħal leħen jgħajjat fid-deżert.

Nippuntaw lejn Kristu li hu d-dawl

Imbagħad hemm punt ieħor. Ġwanni l-Battista, ma’ “leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert” iżid: “Wittu t-triq tal-Mulej”. Ġwanni kien kontinwament jipponta lejn Ġesù. Il-popolarità li kellu man-nies ma użahiex biex in-nies jiġbidhom lejh, imma ried li jwassalhom għand Ġesù. Hawn jgħid li qed jipponta lejn dak li “jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”. Ħajtu dejjem hekk: iwassal lin-nies għand Ġesù.

Hi l-missjoni tagħna wkoll li naslu għand Ġesù u nwasslu lill-oħrajn għandu, għax fih nistgħu nsibu tassew is-salvazzjoni tagħna. Fih insibu l-ferħ tagħna. It-tema kontinwa fil-qari tal-lum hi din tal-ferħ. Rajna dan fl-Ewwel Qari f’Isaija l-Profeta, “Nifraħ fuq li nifraħ fil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi”; fis-salm li hu l-Kantiku ta’ Marija: “L-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi”; u fl-Ittra ta’ San Pawl lit-Tessalonkin, fejn jgħidilhom “ifirħu dejjem”. Il-ferħ tagħna nsibuh f’ Ġesù, fil-Mulej. Huwa hu li jimla l-qalb tagħna. Huwa hu li jista’ tassew jissodisfa x-xewqat l-aktar profondi tal-ħajja tagħna. Huwa hu li jagħtina l-ħelsien. Huwa hu li jdewwi l-qalb miksura. Għalhekk, lejh irridu nħarsu aħna, u ngħinu lill-oħrajn biex jaslu għandu, bħalma għamel Ġwanni l-Battista.

Aħna u nirriflettu fuq dan il-kliem ta’ Ġwanni l-Battista, nitolbu lill-Mulej li nkunu dejjem xhieda tiegħu, xhieda tad-dawl, anke fejn jeħtieġ li nkunu bħal leħen jgħajjat fid-deżert; u nitolbuh li bix-xhieda tagħna nwasslu lin-nies għandu, il-Mulej li jagħti l-ħajja u li jagħti tassew il-ferħ sħiħ.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Leave a Reply