Insellimlek għażiż Oliver! Għadni kemm ġej minn mixja. Jew aħjar minn galopp! Għax inkella, jekk nibqa’ maqful hawn, f’dan post tat-tbatija, jekk ma noħroġx imqar kemm nieħu ftit tan-nifs, żgur li taqbadni ferneżija!
U rħejtilha għal din il-mixja, madwar l-isptarijiet. Pjuttost stramba. Imma fiha, iva, naqra samba ukoll. L-għaliex, il-passi dejjem ikunu ‘l quddiem. Imma ħej, meta nsib dik it-telgħa! Aqta’ kif naħbat nimxi lura bħall-ġranċ! U dan biex ma ngħidlekx biċ-ċaqliq ta’ ġismi kollu! Li żgur li mhux żgħir! Imma aħjar tafx! L-għaliex m’għandix għal min ngħir! Daqskemm inħossni ferħan kif jien! Tant li, għall-grazzja tal-Mulej, nista’ immur kullimkien! U niġi u mmur fis-sliem!
U hawn tidħol int, għażiż ħabib u mgħallem tiegħi! Int li l-kelma tant kont taf tilgħabha. Daqqa tilgħabha biż-żewġ u daqqa bil-fart. Inkella tilgħabha b’maskla jew għax-xejn xejn! Oh Oliver! Il-ħelsien li bih libbist kliemek kien tant sabiħ li, naqrak meta naqrak, dejjem inħoss dik il-freskezza dieħla ġewwa fija! Kważi kważi, kull darba li naqra, inħoss ġo fija kelmtek tant qawwija, li ddawwalni bl-isbaħ dija, tant li tiġborni u toħodni bil-ġiri lejn il-mejda ħa toħroġ dik il-poeżija!
Oliver, kemm tiġri fuq fommok il-kelma! Kemm tfewwaħ tant postijiet! Kemm tfarraġ l-imnikkta! Kemm toħloq sliem! Għax, għażiż Oliver, għalkemm ma kontx tgħallimni, int għallimtni ħafna. Għax wassaltli l-kelma li timmansa! U sewwa qalulek, f’jum id-difna tiegħek, li int ma weġġajt lil ħadd! Għalkemm kellimt b’kitbietek lil kulħadd! Sewwa qalulek li int ġgant li qatt ma joħroġ ix-xabla tiegħu mill-għant. Għax min jista’ joħodha kontrik għażiż Oliver? Int li ħajtek kienet fisser armonija! Int li b’kelmtejn, kellek il-ħila tinseġ l-isbaħ u l-oħla melodija! Int, li kelmtek inħossha għafsa, fuq il-kordi l-aktar ġewwiena li għandi f’qalbi!
U jekk dan hu minnu, kif nista’ Oliver ma nfakkrekx f’talbi? Int għalija tibqa’ l-għannej, tat-toroq tal-Mulej, kif ktibtilna fl-Onkoloġija! Għax kelmtek tama għaż-żmien li ġej! U t-tama tiegħek safja! Kellha sies tassew qawwi! Għax kienet il-fidi soda li għenitek togħla ‘il fuq bħall-gawwi. Fuq l-ibħra tal-ħajja, li jiċċaqalqu spiss, fuq oħtna l-mewt li tidħol, bħall-ħalliel, inkiss inkiss. Imma int Oliver bqajt magħna, u illum jien il-Patri qiegħed hawn, biex inwassal lill-qarrejja, biex maqgħudin miegħek ma nieqfux hawn. Imma bħalek napprezzaw il-ħajja, immorru niġru mal-widien, nibqgħu noħolmu anki jekk inbatu, ħalli nsebbħu dan il-ġnien!
Għażiż Oliver, ħadtlek rasek, imma qed narak titbissimli! Kelmti ħdejn tiegħek daqs nitfa, iżda insemmagħhielek riddtni! Oliver Friggieri, int tgħallimni l-ħajja x’jiġifieri!
Patri Mario Attard OFM Cap