Mgħammdin fil-Mulej


Il-Ħadd, 10 ta’ Jannar 2021: Quddiesa fil-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Knisja ta’ San Girgor, iż-Żejtun.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju tal-lum jibda b’kelma qawwija ta’ Ġwanni l-Battista: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu” (Mark 1:7-8).

L-ewwel nett ejjew nifhmu xi tfisser il-kelma ‘magħmudija’. Fil-Grieg, li bih inkiteb il-Evanġelju, hemm il-kelma ‘baptizzo’ li tiffser li tgħaddas xi ħaġa jew lil xi ħadd. Bl-Ingliż nużaw l-espressjoni full immersion, bħal meta tmur xi mkien biex titgħallem lingwa u tipprova titkellem biss b’dik il-lingwa u jkollok esperjenza ta’ full immersion, togħdos f’ambjent. Fis-sajf, aħna mdorrijin nagħmlu din l-esperjenza fil-baħar sabiħ li jdawwar dawn il-gżejjer għeżież. Li tgħammed huwa li tgħaddas lil xi ħadd u dan l-imgħammed, ikun proprju jkun imdawwar bl-element tal-ilma, bl-element li bih jitgħammed.

San Ġwann il-Battista jagħmel differenza bejn dak li qed joffri hu, il-magħmudija fl-ilma — l-element li jnaddaf imma wkoll li jeqred — u dak li qed joffri Ġesù u, min ġej warajh u li hu aqwa minnu, il-magħmudija bl-Ispirtu s-Santu. Ġesù jinawgura l-missjoni tiegħu ta’ Messija billi jagħżel li jitgħammed fl-ilma tal-Ġordaminn minn Ġwanni. Il-magħmudija li kien qed joffri Ġwanni kienet magħmudija ta’ ndiema; li tmur għandu kont qiegħed tiddikjara u tammetti li għandek bżonn l-indiema; għandek bżonn li l-Mulej jaħfirlek għax inti midneb u dgħajjef. Ġesù jiddeċiedi jagħmel dan il-pass u jidhħol fl-ilma tal-Ġordan u jissieħeb magħna u fil-kundizzjoni tagħna ta’ dgħufija, ta’ bżonn kbir ta’ maħfra, ta’ midinbin li aħna. Hu li hu innoċenti, jissieħeb magħna, isir tassew wieħed minna: bħalna f’kollox minbarra fid-dnub. Fl-ilma tal-Ġordan jitgħabba bid-dnub tagħna, jitgħabba bil-mard tagħna, bid-dgħufija tagħna, u meta jitla’ mill-ilma aħna nilmħu l-ħajja ta’ mħabba li hu Alla.

“Is-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu; u mis-smewwiet instama’ leħen: “Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi” (Mk 1:10-11). Min jista’ jsejjaħ lil Ġesù ‘iben’ jekk mhux għax hu Missier? L-Evanelju ma jgħidilniex li jinstema leħen il-Missier imma aħna nifhmu li huwa l-Missier għax il-kelma li jgħid lil Ġesù hija “inti ibni”. Il-Missier biss jista’ jgħid “inti ibni” lil ibnu. U għalhekk f’dan il-mument li gesu joħroġ mill-ilma, aħna għandna din il-grazzja l-kbira li nisimgħu leħen il-Missier u nafu li l-Ispirtu s-Santu f’forma ta’ ħamiema qiegħed jidlek l-ispirtu tal-ferħ u l-grazzja lill-iben li hu Ġesù .

Il-magħmudija tal-Mulej kienet dejjem meqjusa mill-Knisja u mill-komunità Nisranija bħala l-bidu tal-missjoni pubblika ta’ Ġesù li damet tliet snin u li fiha l-Mulej mhux biss jindika min hu ibnu l-għażiż imma jiddikjara li fl-ubbidjenza tal-iben jitgħabba bil-mard u bid-dnubiet tagħna u qed isib l-għaxqa tiegħu.

Il-Missier jirrepeti dan il-kliem fuq il-Muntanja Tabor fil-misteru tat-Trasfigurazzjoni li aħna niċċelebraw f’kull 6 ta’ Awwissu. Dan il-kliem huwa wkoll l-kliem li jiġi kkonfermat fil-qawmien ta’ Ġesu mill-imwiet. Hu u jinżel fl-Ixmara Ġordan, Ġesù diġà qiegħed jibda l-ikbar magħmudija tiegħu: il-magħmudija tat-tbatija. Ħin minnhom jgħid li hemm magħmudija li jrid jitgħammed fiha u jixtieqha li tasal dalwaqt. Fuq is-salib Ġesù jagħmel l-esperjenza ta’ full immersion tal-magħmduija fit-tbatija. Hu li kien ħa fuqu t-tbatijiet tagħna fil-misteru tal-magħmudija fil-Ġordan, fuq is-salib, bl-ubbidjenza lejn il-Missier, f’ġismu stess jilqa’ t-tbatija u l-mard tagħna, bħalma jgħid il-Profeta Iżaija. Dan xi jfisser għalina? Illum se nġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija tagħna. Aħna wkoll, bil-ħniena tal-Mulej, aħna mgħammdin fih. Il-magħmudija li jagħtina, għalkemm tuża s-sinjal tal-ilma, hija magħmudija fl-Ispirtu s-Santu. Hu jerfagħna mid-dgħufija tagħna u jxebba’ l-ġuħ u jtaffi l-għatx tagħna. Kemm huma qawwija l-kliem li smajna llum tal-Profeta Iżaija. “Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex ħobż, u ġidkom f’dak li ma jxebbax? Isimgħu minni, u tieklu tajjeb, u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin” (Iż 55:2).

X’inhi din l-istedina tal-Mulej? Li nsibu fih is-sens tal-eżistenza u tal-ħajja tagħna, li nħallu l-Mulej — li refa’ fuqu l-mard u d-dnubiet tagħna — jifdina, jeħlisna u jurina li Alla huwa mħabba. Kemm induru u niġru qisna ċippitatu wara dak li ma jagħtiniex tassew xebgħa, ferħ u hena. Illum il-Mulej jgħidilna: Isimgħu minni, u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 55:1-11
Salm: Iż 12:2-3,4bċd,5-6
Qari II: 1 Ġw 5:1-9
Evanġelju: Mk 1:7-11

Sors: www.knisja.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.