6 ta’ Frar. SAN PAWL MIKI U SĦABU, MARTRI
Tifkira
Pawlu twieled fil-Ġappun fl-1564 jew fis-sentejn ta’ wara. Daħal fis-Soċjetà ta’ Ġesù u xandar l-Evanġelju lin-nies ta’ pajjiżu bi frott kbir. Fi żmien ta’ persekuzzjoni kontra l-insara, arrestawh flimkien ma’ 25 oħra. Wara ħafna moħqrija, ħaduhom Nagasaki u sallbuhom fil-5 ta’ Frar 1597.
Fl-Uffiċċju tal-Qari
Lezzjoni II
Qari mir-rakkont tal-martirju ta’ San Pawl Miki u sħabu.
(Cap 14:109-110 Acta Sanctorum Febr.1.769)
Tkunu xhud tiegħi
Meta sallbuhom, huma għaġġbu lil kulħadd bil-qawwa li wrew, u sew Patri Pasius sew Patri Rodriguez bdew iħeġġuhom biex jibqgħu sħaħ sal-aħħar. Il-Patri Kummissarju qagħad hemm il-ħin kollu wieqaf, bilkemm jitħarrek, b’għajnejh ‘l fuq lejn is-sema. Fra Martin, b’radd ta’ ħajr lit-tjieba ta’ Alla, qabad ilissen xi salmi u jżid magħhom il-versett ‘’F’Idejk Mulej’’. Fra Franġisku Blanco wkoll b’leħen ċar beda jiżżi ħajr lil Alla. U Fra Gunsalv għolla leħnu ħafna u qabad jgħid il-Missierna u s-Sliema.
Patri Pawl Miki tagħna, meta ra ruħu mtella’ aktar mill-oħrajn, qisu f’post ta’ ġieħ kbir li hu qatt ma fittex, fetaħ fommu u beda biex qal lil ta’ madwaru li hu Ġappuniż u Ġiżwita u li kien se jmut għaliex xandar l-Evanġelju; radd il-ħajr lil Alla għal din il-grazzja hekk kbira u mbagħad żied jgħid: ‘’Inħoss li ħadd minnkom ma jaħseb li rrid naħbi l-verità, issa li wasalt sa hawn. Għalhekk ngħidilkom li mhemmx triq oħra għas-salvazzjoni ħlief dik tal-insara. Din it-triq tgħallimni li għandi naħfer lill-għedewwa; għalhekk jien naħfer minn qalbi lil dawk li għamluli ħsara, lis-sultan u lil dawk kollha li bihom qed nieħu l-mewt; nitlob biss li jieħdu l-magħmudija’.’
Imbagħad dawwar għajnejh lejn sħabu u beda jagħmlilhom il-qalb għat-taqbida tal-aħħar. Fuq il-wiċċ ta’ kull wieħed minnhom dehret bixra ta’ ferħ, l-aktar fuq wiċċ Ludoviku; lil dan, wieħed nisrani beda jifraħlu talli ma kienx se jdum ma jidħol il-ġenna, u hu hekk imtela’ bil-ferħ li beda jċaqlaq subgħajh u ġismu kollu b’mod li ġibed għajnejn kulħadd fuqu.
Anton li kien fit-tarf min-naħa ta’ Ludoviku , refa’ ħarstu lejn is-sema, sejjaħ l-ismijiet imqaddsa ta’ Ġesu u Marija , u beda jgħid is-salm Faħħru ,tfal, lill-Mulej, li hu kien tgħallem f’Nagasaki fil-klassijiet tal-katekiżmu , fejn, fost ħwejjeġ oħra, it-tfal jitgħallmu xi salmi.
Oħrajn b’wiċċhom jixgħed is-sliem , kienu jtennu :’’Ġesù, Marija. ‘’Xi wħud ukoll bdew iħeġġu lill-fidili ta’ madwarhom biex jgħixu ħajja xierqa ta’ nsara. B’hekk u bi ħwejjeġ oħra bħal dawn , urew kemm kienu mhejjija biex jilqgħu l-mewt.
Imbagħad erba’ bojjiet siltu x-xwabel mil-lant, kif jużaw il-Ġappuniżi . Għal din id-dehra tal-biża’ l-insara nfexxew jgħajtu: ’’Ġesù!, Marija!’’, u nfaqgħu f’bikja li waslet sas-sema. Il-bojjiet resqu fuq il-martri u b’daqqa jew tnejn lil kull wieħed minnhom , malajr temmewlhom ħajjithom.
RESPONSORJU
Gal 6:14; Fil 1:29
1. Aħna għandna niftaħru bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu; fih hi s-salvazzjoni , il-ħajja u l-qawmien tagħna.* Bih salvajna u ħlisna.
2. Lilkom ingħatat il-grazzja li sservu lil Kristu , u nhux biss temmnu fih, imma saħansitra tbatu għalih. * Bih salvajna u ħlisna.
Fit-Tifħir ta’ sbiħ il-jum
Ant. Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba l-ġustizzja għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet.
Talba
O Alla, qawwa tal-qaddisin kollha, int għoġbok ittella’ fis-sema lill-martri San Pawl Miki u sħabu billi jieħdu l-mewt fuq is-salib; agħtina l-għajnuna tat-talb tagħhom , biex inżommu qawwija u sħaħ sal-aħħar fil-fidi li aħna nistqarru . B’Ibnek.
Fl-Għasar
Ant. Jifirħu fis-sema l-erwieħ tal qaddisin li mxew fuq il-passi ta’ Kristu; issa jsaltnu għal dejjem għax għall-imħabba tiegħu xerrdu demmhom.