Kattoliċi ta’ karità qed imorru jwasslu l-ikel f’Texas

Print Friendly, PDF & Email

Hekk kif il-maltemp ipparalizza ħafna mill-istat ta’ Texas, organizzazzjonijiet Kattoliċi ta’ karità qed imorru jwasslu l-ikel huma.

Maltempata storika xitwija, ħalliet ħafna mill-istat ta’ Texas paralizzat u mitfi għal kważi ġimgħa, Patri Pat O’Brean u oħrajn fil-Knisja Kattolika San Piju X f’San Antonio qed jaħdmu bl-islogan: “Tkun xi tkun il-ħtieġa, aħna nkunu miftuħa”. Numru ta’ knejjes u aġenziji Kattoliċi qed iservu bħala ċentru ta’ tisħin. Minn nhar it-Tlieta bdew joffru kolazzjon, ikla u pranzu; waqqfu network privat tal-internet għall-istudenti w l-ħaddiema, qed joffru ilma mgħolli w ħarġu tagħmir tal-isport biex it-tfal jieħdu gost fil-gym. “Qed naħdmu biex in-nies jisħnu w nistiednu lin-nies biex jiġu”, qal O’Brien.

Nhar il-Ħamis bil-lejl, kien hemm aktar minn 300,000 minn Texas li kienu mingħajr enerġija, fejn il-lejl ta’ qabel kien hemm kważi tliet miljun ruħ. F’ħafna partijiet tal-istat, it-temperaturi reġgħu niżlu taħt l-iffriżar.

Biex tkompli tikkumplika l-affarijiet, it-temp qawwi pperikola s-sistemi tax-xorb tal-ilma madwar l-istat. Skond rapport ta’ Associated Press, seba’ miljun ruħ (kwart tal-popolazzjoni) huma taħt ordnijiet biex jgħallu l-ilma tal-vit qabel ma jixorbuh, minħabba li t-temperaturi baxxi għamlu ħsara lill-infrastruttura u l-pajpijiet u b’hekk l-ilma spicca mhux tajjeb għax-xorb.

Katina tal-provvista tal-ikel ġiet imfixkla wkoll. Fi tweet li telgħa l-Ħamis, l-Isqof Daniel Flores ta’ Brownsville ta lid-djoċesi tiegħu d-dispensa mill-astinenza tal-laħam, “Ħafna familji fid-Djoċesi mhux qed ikollhom għażla oħra ħlief li jieklu dak li għandhom. Il-liġi m’għandhiex l-intenzjoni li żżid tbatija ma’ dik li diġa hemm minħabba s-sitwazzjoni.”

Fil-parti tan-Nofsinhar tal-istat, gruppi Kattoliċi tal-Karità ta’ Rio Grande Valley, qed jagħmlu dak li jistgħu biex jgħinu lill-komunità lokali ta’ McAllen u lil dawk li qed ifittxu ażil fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera. F’sejħa mal-ġurnalisti, Sister Norma Pimentel, id-direttur eżekuttiv tal-aġenziji, qalet li “qed nilqgħu nies lokali li jista’ jkollhom bżonn spazju fejn joqgħodu, biex jikkuntattjawna w aħna nsibu x’nistgħu nagħmlu biex ngħinuhom”. Huma qed jorganizzaw distribuzjoni t’ikliet sħan u qfief t’ikel f’ċerti postijiet li huma milquta. Hija enfasizzat wkoll li dawk li qed ifittxu l-ażil f’Matamoros – lil hinn mill-fruntiera minn Brownsville – li kienu qed ibatu mill-kesħa estrema, il-Ħamis intbagħtu trakkijiet mimlijin provvisti biex jgħinu lin-nies jibqgħu sħan.

Bħal l-għaqdiet Kattoliċi tal-Karità f’Rio Grande Valley, il-Knejjes ta’ San Piju X u tas-Santissimu Sagrament qed iwasslu għajnuna lin-nies fil-komunità li ma jistgħux jiġu għalihom huma.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://cruxnow.com/church-in-the-usa/2021/02/as-storm-paralyzes-much-of-texas-catholic-charities-shift-into-overdrive/

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: