Fir-Randan irridu naħfru u nitolbu maħfra mill-qalb


It-Tlieta, 23 ta’ Frar 2021: Quddiesa u Rużarju fit-Tifkira ta’ San Polikarpu mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Għadna kemm smajna t-talba tant għaziża li aħna nsejħulha t-talba li għallimna Ġesù, it-talba li tgħallimna nħarsu lejn il-Missier bħala l-Missier ta’ kull wieħed u waħda minna. Ġesù m’għallimniex ngħidu ‘Missieri, li inti fis-smewwiet’ imma għallimna ngħidu “Missierna li inti fis-smewwiet”.

Tifhmu wkoll li t-talba li ngħidu ħierġa mill-Evanġelju skont San Mattew. Għandna verżjoni oħra tat-talba tal-Mulej li nsibuha fl-Evanġelju skont San Luqa imma t-talba li aħna ngħidu fil-quddiesa u meta nitolbu, b’mod speċjali anke meta nitolbu r-rużarju, hi meħuda mill-kapitlu 6 tal-Evanġelju ta’ San Mattew.

Ġesù jintroduċi din it-talba billi jgħidilna ma’ min qegħdin nitkellmu meta nitlobu. Qegħdin nitkellmu ma’ missier li jaf x’neħtieġu qabel ma nitolbuh. Mela mhix kwistjoni li jiena iżjed ma nirrepeti t-talb, se nipperswadi lil xi ħadd li għandu bżonn jifhem kemm għandi bżonn l-għajnuna tiegħu. Il-Missier diġà jaf. Imma bħal kull missier jitgħaxxaq meta nduru lejh u niftħu qalbna miegħu. Mhix kwistjoni, biex nuża l-kelma iebsa li uża Ġesù, ta’ tlablib u repetizzjonijiet bla sens jew xi formoli maġiċi.

Kultant insewwed qalbi nara talb li jitqassam: jekk titlob din, jiġri xi ħaġa, qisna mat-talb hemm xi maġija. L-ispirtu tat-talba li għallimna Ġesù huwa totalment differenti. Qalilna biex lill-Mulej, waqt li qegħdin nitolbuh, ngħidu bħalma hu stess imbagħad qal fl-Ort tal-Ġetsemani: “Ikun li trid int, kif fis-sema hekkda fl-art” (Mt 6:10). Fl-ebda mument ma ngħidulu: ‘ikun dak li rrid jien’. Mhux dik it-talba li għallimna Ġesù. Mela ħudu paċenzja, min qed iqassam dan it-talb donnu jekk tgħidha seba’ darbiet jew tgħidha ma nafx kull meta, se taqla’ l-grazzja żgur. Dawn huma maġiji li joffendu t-talb Nisrani. Agħmlulna pjaċir eħilsuna minn dan it-talb u minn din il-mentalità.

Imma Ġesù wkoll jikkonkludi din il-katekeżi fuq it-talb b’insistenza fuq vers importanti li għallimna: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Ġesù jgħid li jekk intom taħfru, Missierkom jaħfrilkom; jekk intom ma taħfrux lanqas Missierkom ma jaħfer lilkom l-ħtijiet tagħkom (ara Mt 6:15). Hemm espressjonijiet sbieħ ħafna fil-Missierna, imma aħna ta’ min nistaqsu għaliex Ġesù għażel dik il-frażi: “aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” u għamilha kundizzjoni tant qawwija?

U r-Randan x’inhu? Ir-Randan huwa mument fejn jiena naħfer mill-qalb waqt li qed nitlob maħfra mill-qalb. Jekk hemm penitenza kbira li għandna nagħmlu fir-Randan, hija li naħfru lil xulxin.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 55, 10-11
Salm: 33 (34), 4-5.6-7.16-17.18-19
Evanġelju: Mt 6, 7-15

Sors: www.knisja.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.