Knejjes miftuħa għal dwk bla dar

Knejjes fil-Brażil jiftħu l-bibien tagħhom għal eluf li spiċċaw bla dar minħabba l-għargħar.

Eluf ta’ familji fl-Amażonja tal-punent spiċċaw bla saqaf fuq rashom, wara li x-xita kkontinwa kkawżat għargħar qawwi madwar l-istat Brażiljan ta’ Acre. Fi żmien diġà kritiku minħabba l-pandemija tal-Covid-19, dawk l-iktar milquta huma l-foqra li jgħixu viċin ix-xmajjar.

Dan huwa l-każ għall-komunità ta’ Sena Madureira, belt ħdejn ix-Xmara Iaco, li tinsab madwar 145km il-bogħod mill-kapitali ta’ Rio Branco. Sena Madureira hija t-tielet muniċipali l-iktar popolata f’Acre, wara Rio Branco u Cruzeiro do Sul.

F’Sena Madureira, l-għargħar affettwa 17-il elf ruħ. Minn dawn, 4 elef ruħ diġà jinsabu f’faċilitajiet t’akkoljenza pubbliċi bħal oqsma sportivi u skejjel. Il-Knisja Kattolika ngħaqdet biex tilqa’ l-familji. Fr Moisés de Oliveira Coelho, tal-Ordni tal-Qaddejja ta’ Marija, u kappillan tal-Parroċċa Nossa Senhora de Conceição, tkellem ma’ Vatican News u spjega “għandna xi kappelli li qed jintużaw bħala xelters temporanji, oħrajn huma wkoll okkupati mill-oġġetti bżonnjużi w li l-familji rnexxielhom jirkupraw.”

Hu stqarr li l-Knisja qed taħdem ukoll biex tiġbor donazzjonijiet għal dawk li tilfu kollox. Dan qed jagħmluh f’kollaborazzjoni mal-gvern. Huwa qal li l-parroċċa qed tiġbor ikel, żraben, ħwejjeġ, iġjene personali u prodotti tat-tindif: “Aħna nirċievu donazzjonijiet mill-komunità tagħna, minn nies ta’ rieda tajba u nippreparaw pakketti tal-ikel u mbagħad inqassmuhom fix-xelters”.

Is-solidarjetà tal-Knisja lokali ma tieqafx fl-emerġenza attwali, iżda tħares ukoll lejn il-konsegwenzi, lejn meta n-nies ikollhom jirritornaw lura f’darhom. Għal din ir-raġuni Fr Moisés qal li qed jagħmlu fond, fejn qed iwarbu donazzjonijiet ħalli mbagħad jingħataw biex jitafew ftit mill-ispejjeż li dawn in-nies irridu jiffaċċjaw. “Dawn huma ġesti żgħar meta tqabbilhom mal-kobor ta’ dak li soffrew, iżda huma suffiċjenti u meħtieġa u se jiżdiedu hekk kif jikber il-fond ta’ donazzjonijiet.”

L-għargħar ta’ xmajjar li laqat ir-reġjun tal-Istat ta’ Acre, ħoloq ukoll problemi kbar fil-Kapitali Rio Branco, fi Cruzeiro do Sul, kif ukoll f’muniċipali oħra tal-madwar. L-awtoritajiet ċivili ħolqu 23 xelter temporanju għal nies li kellhom iħallu lil djarhom u fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet tqassmu aktar minn 500 pakkett tal-ikel. B’kollox madwar 120,000 ruħ huma affetwati. Aktar minn 32 elf dar inqerdu minn dawn l-avvenimenti estremi tat-temp.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/world/news/2021-02/floods-brazil-acre-amazon-torrential-rain-damage.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.