Madwar 300 tifla tal-iskola mill-belt Niġerjana ta’ Jangebe, fl-istat tal-majjistral ta’ Zamfara ġew maħtufa kmieni l-Ġimgħa filgħodu minn persuni armati. Skond il-kummissarju għall-informazzjoni tal-istat stqarr li “rġiel armati mhux magħrufa daħlu jisparaw b’mod sporadiku u ħatfu lit-tfajliet ‘il bogħod”. Dan ir-rejd seħħ f’nofsillejl, fl-Iskola Sekondarja tal-Bniet tal-Gvern ta’ Jangebe. Dan hu t-tieni ħtif fi ftit iktar minn ġimgħa.
Il-ġimgħa li għaddiet, irġiel armati u mhux magħrufa qatlu student f’attakk fuq skola fl-istat tan-Niġer, fiċ-ċentru tat-tramuntana u ħatfu 42 persuna, nklużi 27 student. S’issa l-ostaġġi għad iridu jiġu meħlusa. Din il-lista ta’ ħtif tkompli titwal, meta f’Diċembru li għadda, rġiel armati ħatfu 344 tifel tal-iskola mill-belt ta’ Kankara, fil-majjistral tal-istat ta’ Katsina. Dawn kienu ġew meħlusa wara sitt ijiem għalkemm il-gvern qal li ma ħallasx għall-ħelsien.
Hekk kif il-forzi tas-sigurtà qed ikomplu bit-tfittxija tagħhom għat-tfajliet, l-Aġenzija UNICEF tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti ddeplorat l-ħtif u qalet: “Aħna rrabjati u mdejqin minn dawn l-attakki brutali wieħed wara l-ieħor fuq tfal tal-iskola fin-Niġerja”.
L-iktar profil għoli f’din ir-rata ta’ ħtif seħħ fl-2014, meta l-grupp militanti Boko Haram kien ħataf 276 tifla tal-iskola mill-belt ta’ Chibok, fl-istat ta’ Borno. Għalkemm ħafna kienu nstabu jew ġew salvati mill-armata jew permezz ta’ negozjati bejn il-gvern u Boko Haram, 100 għadhom neqsin.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/world/news/2021-02/hundreds-of-school-girls-feared-kidnapped-in-nigeria.html