Maħfra Mulej

Print Friendly, PDF & Email

Qegħdin fi żmien ir-Randan Imqaddes. Żmien ta’ grazzja. Żmien ta’ konverżjoni. Żmien li l-Knisja tagħtihulna bħala tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġimgħa L-Kbira u l-Għid Il-Kbir jew aħjar ta’ l-hekk imsejjħa Il-Ġimgħa Mqaddsa.

Patri Philip Cutajar ofm cap

Huwa żmien fejn fih niġu mistiedna nipprperaw lilna nfusna speċjalment permezz tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla (għalhekk isiru l-Eserċizzi Mqaddsa ta’ żmien ir-Randan) – is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla wkoll permezz tal-Liturġija tal-Kelma ta’ Alla li tinqara kuljum f’dawn il-ġranet matul il-quddies ta’ kuljum u ta’ kull nhar ta’ Ħadd. F’dan iż-żmien aħna wkoll mistiedna sabeix nitolbu aktar mis-soltu u mhux inqas aħna mħeġġin nagħmlu penitenzi bħal sawn u astinenza. Huwa żmien fejn aħna msejjħin sabiex nagħmlu wkoll opri ta’ karità, naħsbu f’min hu ifqar minna.

KONVERŻJONI

Dan kollu jinħtieġ li jwassalna għal konverżjoni. Bidla fil-ħajja tagħna. Bidla, jekk inhu meħtieġ, mill-ħażin għat-tajjeb, mid-dnub għall-grazzja u l-ħbiberija mġedda ma’ Alla. Konverżjoni wkoll mit-tajjeb għall-aħjar. Jekk taħseb li inti miexi fit-triq it-tajba, rodd ħajr lil Alla, imma ftakar li tajjeb kemm inti tajjeb dejjem hemm spazji fil-ħajja tiegħek fejn tista’ tkun aħjar. Qatt m’għandna fil-ħajja tagħna nitilfu dik ix-xewqa qaddisa, dak li għatx li aħna min aħna, wasalna fejn wasalna, irridu dejjem inkunu qaddisin.

Din il-konverżjoni ssib il-milja tagħha fil-mument ta’ grazzja meta mmorru quddiem Alla u ngħidulu: “Aħfrilna Mulej, għax dnibna kontra tiegħek”. Talba li ssib it-tweġiba tagħha fil-mument li niżlu għarkubbtejna quddiem saċerdot u permezz taċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tal-qrar nirievu mhux biss il-maħfra mingħand Alla imma wkoll il-grazzja, il-qawwa sabiex ma nidimbux aktar.

SEBA’ DNUBIET SOĊJALI

Ta xhiex sejrin nitolbuh maħfra lil Alla Missier il-ħniena? Ser inpoġġi quddiem il-Mulej seba’ dnubiet soċjali li qed iseħħu mhux biss Malta imma anke u wisq iżjed, f’pajjiżi barranin, li jseħħu lilhom infushom bħala progressivi. Ser insemmi seba’ dnubiet soċjali li ma jfissirx li kulħadd qed jagħmilhom, anzi nemmen li hemm ħafna minn fostna li ma jriduhomx u qed jiġġieldu kontrihom. Uħud minnhom qegħdin hemm , oħrajn hawn minn hu favur tagħhom u qed jipprOva jdaħħalhom.

AĦFRILNA MULEJ TALLI QLIBNA L-VALURI TA’ TAĦT FUQ

Missierna li inti fis-smewwiet, ġejna quddiemek biex nitolbuk maħfra u nfittxu minn għandek kelma li tiggwidana u tmexxina. Aħna nafu Inti x’għidtilna: “Ħażin għal dawk li l-ħażin isejħulu tajjeb”. U fil-fatt dak li għamilna aħna kemm bħala individwu kif ukoll baħla soċjetà. Aħna tlifna l-bilanċ spiritwali; qlibna l-valuri ta’ taħt fuq. Dak li hu moralment u etikament ħażin qed ngħidu li hu tajjeb u nillegalizawh. U dak li hu ta’ valur u tajjeb fih innifsu  qed ngħidu li dan m’għaddx baqa’ żmiennu, antikwat, għalhekk ma jgħoddx għalina llum.

1. Aħna waqqajna għaċ-ċajt il-verità assoluta tal-Kelma tiegħek Mulej u dan sejjaħnielu “pluraliżmu”.

2. Aħna adurajna ‘allat’ oħra; u dan sejjaħnielu “multi-kulturaliżmu” (bl-iskuża li llum hawn ħafna kulturi).

3. Aħna appoġġjajna dak li hu pervers u kontra n-natura; u dan sejjaħnielu “alternative lifestyle” (bl-iskuża li kulħadd għandu ‘dritt’ li jgħix stil ta’ ħajja kif ifettillu).

4. Aħna (bl-abort) qtilna u rridu noqtlu t-trabi tagħna qabel jitwieldu; u dan sejjaħnielu “choice” (bl-iskuża li kulħadd għandu dritt jagħżel hu).

5. Aħna ttraskurajna u ma żammejniex dixxiplina fuq uliedna; dan sejjaħnielu “building self-esteem”.

6. Aħna niġġisna u pprofanajna l-imħuħ u l-qlub tagħna bil-pornografija; u dan sejjaħnielu “libertà ta’ espressjoni”.

7. Aħna rridikulajna l-valuri eterni ta’ missirijietna, valuri li jgħoddu għal kull żmien; u dan sejjaħnielu “enlightenment”.

Mulej ifli u għarbel sew lil qlubna llum. Naddafna u eħlisna minn kull dnub. Dan nitolbuh f’isem Ibnek Ġesù Kristu l-Feddej ħaj tagħna. Amen.

Nawguralkom Randan tassew qaddis.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem!

Minn Fr Philip Cutajar ofm cap

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.