Inkunu soċjetà li ma tibżax mid-dawl ta’ Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 14 ta’ Marzu 2021: Omelija tar-Raba’ Ħadd tar-Randan mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella taċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas, Ħaż-Żebbuġ.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Meta Ġesù ried iħabbar il-missjoni tiegħu uża kelma għażiża: il-kelma ‘evanġelju’. Xi tfisser din il-kelma? Din il-kelma ġejja mill-Grieg u tfisser ‘aħbar tajba’. L-Evanġelju tal-lum, aħna u nibdew it-tieni parti tal-mixja tagħna tar-Randan, jagħtina din l-aħbar tajba u sabiħa li twassalna biex niċċelebraw il-misteru kbir tal-Għid. Alla ħabb lid-dinja. “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16).

Din hija l-aħbar it-tajba li għandna bżonn niftakru dejjem. Alla huwa mħabba u mhux biss fil-ħajja tiegħu: il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, imma anke meta jħares lejn kull wieħed u waħda minna. Ma ninsewhiex din il-kelma għażiża li jagħtina l-Evanġelju, l-aħbar it-tajba skont San Ġwann. Alla ħabb id-dinja. Imma San Ġwann ma jgħidx biss li Alla ħabb id-dinja. Jagħtina l-kejl ta’ din l-imħabba. “Hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni”.

Il-Mulej jagħmel kull ma jista’.

Aħna u niċċelebraw l-Għid minn hawn u ftit ġimgħat oħra, se naraw lil Alla jagħti lil Ibnu f’idejna. Hu ħallieh f’idejna u aħna għamilna bih li ridna. Imma hu tahulna; tahulna b’imħabba kbira. Għaliex din il-ġenerożità kollha? Aħna li konna mitlufin, li ħafna drabi ngħixu ta’ mitlufin, għandna bżonn min jerġa’ jerfagħna, min jerġa’ jagħtina t-tama, is-saħħa, u s-salvazzjoni. Il-Mulej jagħmel kull ma jista’.

Din tiegħu hija stedina li la toqtol il-libertà la tiegħi u lanqas tiegħek. Hija proposta imma hija proposta ta’ mħabba. Fil-fatt, lejn l-aħħar tal-Evanġelju, f’dan id-djalogu ma’ wieħed mill-għorrief tal-Liġi, Nikodemu, Ġesù jfakkar li għalkemm l-aħbar tiegħu, il-preżenza tiegħu stess, hija dawl fid-dlam, uħud minna jibqgħu jħobbu d-dlam iżjed mid-dawl, anzi naħarbu mid-dawl, naħarbu mill-verità, naħarbu mill-ġustizzja, u naħarbu mis-sewwa. Għaliex fejn qegħdin forsi jogħġobna jew inkella nibżgħu mid-dawl.

L-istedina f’dan ir-Raba’ Ħadd tar-Randan, li għall-Knisja huwa Ħadd ta’ ferħ fil-mixja tar-Randan, trid tkun il-proposta li nersqu lejn id-dawl. Hemm espressjoni li nixtieq nirriflettu fuqha. Ġesù jitkellem fuq dawk li Alla juruh permezz tal-għemil tagħhom. “Min jaghmel is-sewwa,” jgħid, “jersaq lejn id-dawl biex juri li hemm Alla f’għemilu” (Ġw 3:21). Imma din xi tfisser? Xi jfisser li fl-għemil tiegħi ikun hemm Alla? Jiena naħseb nistgħu kull fejn hemm Alla li huwa mħabba, nifhmu li l-għemil tiegħi biex ikun għemil ta’ dawl irid ikun hemm ta’ mħabba.

F’dawn il-mumenti ta’ diffikultà fis-soċjetà tagħna, tajjeb niftakru f’dan il-kliem ta’ Ġesù. Faċli nintelqu lejn id-dlamijiet tal-frustrazzjoni, tar-rabja, u ta’ qtigħ il-qalb. Il-Mulej illum ifakkarna fl-imħabba tiegħu biex jagħtina tama, biex jagħmlilna kuraġġ, biex ifakkarna li ma nistgħux nirbħu mument diffiċli weħidna, imma flimkien. Li jekk hemm d-dlamijiet fostna rridu niċħduhom: id-dlamijiet tal-inġustizzji, tal-korruzzjoni, tal-vjolenza, u d-dlam ta’ min jisfrutta lil ħutna.

Aħna llum ninsabu f’komunità terapewtika. Xi tfisser? Komunità ta’ fejqan. Min jiġi hawn huwa vittma ta’ sistema li offrietlu d-dlam tad-droga bħala serħan. Kemm inkunu boloh jekk lil uliedna minflok nagħtuhom il-ħobż bnin tat-tjieba, tal-kontroll tagħna nfusna u tad-dixxiplina, nagħtuhom il-ġebel jew il-velenu tad-dipendenza. Ħudha, ma jiġrilek xejn! Ma tmurx il-ħabs, anzi tista’ tixtriha! Veru se toqtlok, veru se tkisser ħajtek u ħajjet in-nies ta’ madwarek, imma ndawru r-rota!

Imma allura ma nistgħux nifhmu li s-saħħa taż-żgħażagħ u tal-adulti tagħna titlob deċiżjonijiet għaqlin?

X’deċiżjonijiet qegħdin nagħmlu? X’deċiżjonijiet se nieħdu? Ma ninsewx li Alla, jekk irid ikun f’għemilna, irid ikun  preżenza ta’ mħabba. L-imħabba hija l-verità ta’ dak kollu li hu ta’ ġid għall-bniedem. Ara kemm sagrifiċċji qed jitolbu minna l-awtoritajiet għas-saħħa! Imma allura ma nistgħux nifhmu li s-saħħa taż-żgħażagħ u tal-adulti tagħna titlob deċiżjonijiet għaqlin? U mhux li nagħmlu d-dipendenza mid-droga iżjed faċli! Inħalli dan il-kliem għal min irid jifhem u nawgura u nitlob li nkunu soċjetà li ma tibżax mid-dawl ta’ Ġesù u li nwarrbu d-dlamijiet tal-ħażen minn ġo qalbna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Kron 36:14-16,19-23
Salm: 136(137):1-2,3,4-5,6
Qari II: Efes 2:4-10
Evanġelju: Ġw 3:14-21

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply