Ġesù, għandi bżonnok; fejjaqni

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 16 ta’ Marzu 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tlieta tar-Raba’ Ġimgħa tar-Randan. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Hemm konnessjoni bejn l-Evanġelju li għadna kemm smajna li l-ambjent tiegħu huwa ħdejn menqa, jiġifieri ħdejn qisha pixxina li kienet tipprovdi l-ilma lit-tempju.

Kien hemm it-tradizzjoni li meta jitħarrek l-ilma — u ġo pixxina mhux la kemm tgħid jitħarrek — anġlu jkun mess l-ilma allura min jinżel fih f’dak il-mument ifiq mill-mard li kellu. Kien hemm raġel li għal 38 sena sħaħ qagħad joqgħod jistenna biex jieħu din l-opportunità. Nistgħu ngħidu li dan ir-raġel — bħalma qal anke l-Papa Franġisku f’kumment li għamel fuq dan l-Evanġelju — kien nieqes ftit mil-ħeġġa, jiġifieri inti tagħmel 38 sena tistenna u ma jirnexxilek qatt. Allura, dik il-mistoqsija li għamillu Ġesù, hija mistoqsija li jagħmel lilna wkoll f’dan ir-Randan: “Imma, inti trid tfiq?” (Ġw 5:6). Jigifieri lest tagħmel il-mezzi biex tfiq?

Din is-sitwazzjoni tfakkarni f’tant sitwazzjonijiet li nkunu fihom aħna li nindunaw li hemm bżonn nitbiddlu, hemm bżonn f’ċert aspetti tal-ħajja tagħna nkunu aħjar. Imma nibżgħu nagħmlu l-pass, nibżgħu nieħdu l-mezzi neċessarji. Ġesù illum jgħidilna: “Imma inti trid tfiq?” Hu ma jgħidilniex b’sens ta’ ċanfira anke għaliex ir-raġel jgħidlu: “Sinjur, nixtieq”. Ġesù jgħidlu: “Qum, aqbad friexek u imxi!” (Ġw 5:8).

Ir-raġel ma jafx min hu Ġesù imma jaf li hu dak li fejqu. Imma araw kif iħarsu lejn is-sitwazzjoni l-kapijiet, il-Fariżej. Dan x’ġara nhar ta’ Sibt? Huma mhumiex qed iħarsu lejn il-fejqan għaliex il-fejqan ma jinteresahomx. Saħansitra jgħidilhom: “Dak li fejjaqni, qalli” (Ġwanni 5:11), ma jinteressahomx. Huma qatt ma jirreferu għal Ġesù bħala dak li fejjaq imma dak li kiser il-liġi tas-Sibt.

Aħna ħafna drabi fil-Knisja bravi ħafna biex inxandru l-liġijiet, inwaħħlu t-tikketti ta’ min hu midneb u min mhuwiex. Ġesù jinteressah fil-fejqan tagħna. Ovvjament jgħidlu: “Ara, issa fiqt, qis li ma tidnibx iżjed, biex ma tiġrilikx xi ħaġa agħar” (Ġw 5:14). Ġesù qed ifejqu fiżikament imma anke spiritwalment.

Is-sitwazzjoni diffiċli tagħna ħafna drabi tkun daqskemm hu diffiċli biex xi ħaġa tgħix fil-Baħar il-Mejjet. Ma nafx jekk kellkomx il-grazzja li żżuru l-Art Imqaddsa. Min mar l-Art Imqaddsa, waħda mill-excursions tkun għall-Baħar il-Mejjet. Dan il-baħar tant hu mielaħ li jgħidulek biex  toqgħod attent li lanqas qatra minnu ma tidħol f’għajnejk. F’dan il-baħar xejn ma jgħix. Huwa l-iżjed post fond fid-dinja, l-iżjed post below sea level fid-dinja.

Il-profeta Eżekjel jimmaġina li mit-tempju ħiereġ ilma, din ix-xmara ta’ ilma ġieri, ta’ ilma safi, ta’ ilma ħelu li kif jasal fil-Baħar il-Mejjet, il-Baħar il-Mejjet jinbidel (ara Eżek 47:1-2). Din hija tifsira tal-magħmudija li bil-grazzja tal-ilma li ħiereġ mit-tempju, li huwa Ġesù. Ftakarna (fi kliem Ġesù): “Ħottu dan it-tempju u fi tliet ijiem jiena nerġa’ nibnih” (Ġw 2:19). It-tempju huwa Ġesù, minnu ħiereġ dan l-ilma li jsaffi, li l-aspetti kollha li huma bla ħajja jerġa’ jagħtihom il-ħajja. Fejn tgħaddi din ix-xmara li ħierġa mit-tempju, kollox jerġa’ jieħu l-ħajja. U anke s-siġar li ssensel u li billi jixorbu minnha jieħdu l-ħajja ikunu tajbin għall-ikel u l-frott tagħhom u l-weraq tagħhom huwa duwa (ara Eżek 47:12).

Hekk ukoll il-Kelma ta’ Alla tal-lum tgħallimna kura. It-tema tal-ilma li tfakkarna li dalwaqt se nġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija, tfakkarna li hemm sitwazzjonijiet fil-ħajja tagħna li huma diffiċli anke minħabba d-dgħufija tagħna, minħabba l-vizzji tagħna, minħabba ċ-ċirkustanzi, u minħabba sitwazzjonjiet diffiċli ħafna u Ġesù jgħidilna:’Imma inti trid ngħinek?’ U x’għandna bżonn? Inħarsu lejh u ngħidulu: ‘Sinjur, għandi bżonnok, fejjaqni’.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 47, 1-9.12
Salm: 45 (46), 2-3.5-6.8-9
Evanġelju: Ġw 5:1-3a,5-16

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply