Ħsibijiet fuq pittura

Print Friendly, PDF & Email

ĠESU’ MGĦOBBI BIS-SALIB

II-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu nebbħet lil ħafna pitturi biex iwasslu lill-oħrajn riflessjonijiet dwar l-aħħar ġranet ta’ Ġesù. Ser nistudjaw pittura interessanti ta’ Jerome Bosch, li teħodna lura fis-sena 1516. F’din il-pittura, madwar Ġesù mgħobbi bis-salib, hemm nies b’uċuh ta’ buffi u ta’ bojja li jfakkruna f’Salm 22.

Fis-salm, David jagħti deskrizzjoni kif il-Messija se jkun imdawwar minn egħdewwa u kif se jħossu abbandunat. Is-Salm hu profezija ta’ kif Ġesù kellu jmut, f’uġiegħ ta’ min ikun imsallab, b’idejh u riġlejh imniffdin bl-imsiemer.

L-għuda tas-salib tinżel min-naħa tax-xellug lejn il-wiċċ ta’ Ġesù u tibqa’ nieżla ‘l isfel, bħallikieku fil-qalba tal-bnedmin. Fil-pittura wieħed josserva l-ħars ikraħ u l-uċuh b’daħka goffa fin-naħa skura tal-pittura. Dawn huma l-ġemgħa li mxiet ma’ Ġesu’ lejn il-għolja tal-Golgota.

Fin-naħa t’isfel hemm il-ħalliel il-ħażin li jintgħaraf mill-ħabel imdendel m’għonqu u fin-naħa ta’ fuq hemm il-ħalliel li nsejħulu ‘t-tajjeb’, b’għajnejh nofshom magħluqin. Folla sħiħa takkumpanja lill-ikkundannati.

L-inkwiet li kien hemm fiż-żmien li saret il-pittura ta’ Bosch fis-seklu 16, ġiegħel lill-pittur biex jiddeskrivi n-nies kiefra li kienu jgħixu fi żmienu. B’mod speċjali l-ħalliel il-ħazin għandu bixra kerha; hu sfigurat bid-dnub. Imma madwar Ġesù mgħobbi bis-salib hemm oħrajn li huma imsieħba fil-ħażin li qed iseħħ f’din il-ġrajja.

Dawn jiġbru fihom ħafna vizzji, bħalma huma il-vjolenza u l-kefrija. F’għajnejhom jidhru x-xrar tal-mibegħda. Qegħdin b’ħalqhom miftuħ u bi snien li jaqtgħu. Ilkoll huma kompliċi fil-moħqrija tal-Feddej Innoċenti.

Hu l-Iben maħbub tal-Missier, mibgħut fid-dinja li trid tinfeda mid-dnub. Wiċċu hu wieħed ta’ tajjeb. Wiċċu juri l-paċi li tispikka fost il-mibegħda f’wiċċ l-oħrajn. Ġesù jiskot, ma jiftaħx fommu, għajnejh magħluqin  u qed jitlob. Fil-qalba ta’ din il-vjolenza Ġesu’ ifittex lill-Missier, fil-waqt li n-nies kiefra, li s-salm ixebbaħhom ma’ klieb imġewħa, qed iduru miegħu.

Fil-pittura hemm ħaġa oħra interessanti. Il-Veronika. Din ferrqet il-folla biex tixxuttalu wiċċu u qed tikkontempla dan il-wiċċ fuq il-liżar li hemm f’idejha. Wiċċ Ġesù jġib il-fejqan u jagħti l-grazzja. Il-Veronika tidher titbiegħed mill-folla li qed tiddieħaq b’Ġesù. Tant tħoss għal Ġesù li ma tiflaħx tara dan kollu.

Joe Galea

%d bloggers like this: