Id-Demm ta’ Kristu

Print Friendly, PDF & Email

Matul dan ix-xahar niċċelebraw il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir. Nixtieq li nirriflettu ftit dwar id-demm ta’ Kristu.

Jekk naqraw ir-rakkont tal-passjoni ta’ Kristu, naraw kemm għadda minn tbatijiet l-aktar ħorox. Sofra l-flaġellazzjoni Rumana, li kienet mill-aktar kiefra; kif ukoll sofra t-titqib ta’ l-imsiemer f’idejh u saqajh. Mhux ta’ xejn li t-tobba llum jgħidulna li Kristu waqt il-passjoni tilef ħafna demm.

Understanding the Precious Blood of Our Lord Jesus Christ

Meta nitkellmu mid-demm li xerred Kristu, ma nistgħux ma niftakrux kemm bata waqt il-passjoni, kemm f’ġismu u kemm fl-ispirtu tiegħu. Dan narawh b’mod speċjali fil-Ġimgħa l-Kbira, meta naraw lil Kristu msammar fuq is-salib. Din il-mewta ħarxa ta’ Kristu saħansitra ħawdet xi filosofi, li rawha bla sens u flok raw it-tjubija ta’ Alla li bagħat lil Kristu biex jifdina, rawh bħala rrabjat u li jrid it-tbatijiet ta’ Kristu.

Iżda jekk naraw id-demm li xerred Kristu mil-lenti tal-fidi, naraw liema ġid ħareġ minnu. Il-bniedem kien miġġieled ma’ Alla  u d-demm ta’ Kristu reġa’ ġieb il-ħbiberija miegħu. Il-mewt ġiet misħuqa mhux fis-sens li l-bnedmin ma baqgħux imutu, iżda li ġiet imwiegħda lilna ħajja wara l-mewt fil-ġenna jekk ngħixu tajjeb u l-qawmien ukoll tal-ġisem  fl-aħħar jum.

Il-fidwa tagħna saret bid-demm ta’ Kristu. Ma nkunux niżbaljaw jekk ngħidu li mingħajr tixrid ta’ demm ma jsir xejn. Dan ifisser li kull meta nidħlu għal xi impenn irridu nbatu. Jekk nimmaġinaw li nistgħu nagħmlu ħafna tajjeb mingħajr ma nbatu, inkunu qegħdin nitqarrqu.

Jekk Kristu kellu jġorr is-salib u jxerred demmu biex jifdina, hekk ukoll irridu nagħmlu aħna jekk irridu nimxu fuq il-passi tiegħu.

Minn Angelo Xuereb