Il-fidi fil-qawmien għall-ħajja

Il-Ħamis, 22 ta’ April 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Quddiesa tal-Ħamis tat-Tielet Ġimgħa tal-Għid. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jkompli jispjega fis-Sinagoga ta’ Kafarnaum. Xi jfisser meta hu jgħid: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja” (Ġw 6:35 u Ġw 6:48). Nifhmu li f’din is-silta tal-Evanġelju, jinsisti ħafna fuq il-qawmien mill-imwiet u l-ħajja ta’ dejjem. Aħna kultant ikollna tentazzjoni, anke meta nippritkaw jew nitkellmu fuq Ġesù, li donnu ġab soluzzjonijiet għal din id-dinja, li l-messaġġ tiegħu jwassal sal-qabar, mhux lil hemm.

L-ewwel nett, hu raġenovoli li l-messaġġ ta’ Ġesù hu relevanti għall-ħajja tagħna, għad-dinja. Imma dak li wiegħed, imur lil hemm mill-qabar. Meta jgħallimna naħfru l-għedewwa (ara Mt 6:44), inħennu għal xulxin (ara Lq 6:36), ikollna “l-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja” (Mt 5:6). Meta jgħallimna nsejħu lil Alla Missier, qed jippreparana, għal dak li hu sejjaħ: “il-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:40 u Ġw 6:47). Dan hu istint qawwi fina lkoll. Jekk wieħed jistudja l-istorja tal-kulturi tal-umanità, jinduna li hemm għatx kbir fil-bniedem biex ma jmut qatt. Jekk nieħdu pereżempju l-kultura tal-fargħuni. Dawk l-oqbra, tant ikkumplikati, imma fejn il-fargħun kien jindifen b’dak kollu li għandu bżonn għall-ħajja l-ġdida, għall-ħajja ta’ dejjem. Anke jekk fargħun ikun żagħżugħ, jagħtuh ukoll biex jagħmel l-isports. Bħalma kellna fis-sejba tal-Fargħun Tutankhamun.

Dan l-għatx għall-ħajja li ma tispiċċa qatt. Imma dan l-għatx itaffih Ġesù: “jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (Ġw 6:40 u Ġw 6:44). Hu jinsisti: “li min jemmen fih” (Ġw 40). U dan hu li inti jkollok relazzjoni ma’ Ġesù: li “temmen fih, għandu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:47). Mhux għandu l-ħajja ta’ dejjem, qisni rċivejt biljett tal-lotterija u nista’ nsarrfu, imma nibda minn issa ngawdi l-paċi, li hi biex ngħidu hekk l-antiporta, anke t-togħma sabiħa tal-ħajja ta’ dejjem. Fil-fatt, min għandu l-paċi jgħix mistrieħ. Aħna lil għeżież mejtin tagħna, hekk nitolbu għalihom: ‘il-mistrieħ ta’ dejjem’. Imma l-mistrieħ ta’ dejjem mhux mill-qabar ’l hemm. Nistgħu nibdewh minn issa.

Ġesù jinsisti li hu “l-ħobż li niżel mis-sema” (Ġw 6:51). Jerġa’ jirreferi għall-misteru kbir t’Alla, li jsir bniedem għalina. “Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż, jgħix għal dejjem” (Ġw 6:51). Hawnhekk, Ġesù jibda jippreparana għad-diskors qawwi ħafna li għandna bżonn nieklu l-Ġisem Tiegħu u nixorbu d-Demm Tiegħu, il-Misteru tal-Ewkaristija.

Lil għeżież mejtin tagħna, hekk nitolbu għalihom: ‘il-mistrieħ ta’ dejjem’. Imma l-mistrieħ ta’ dejjem mhux mill-qabar ’l hemm. Nistgħu nibdewh minn issa.

Il-Misteru tal-Ewkaristija x’inhu? Hu Ġesù stess. Meta nitqarben jien, kif jgħallmuna l-għorrief tal-Knisja, qiegħed niżra’ fija żerriegħa tal-ħajja ta’ dejjem. U fil-fatt, it-talb tal-Knisja jgħaqqad l-Ewkaristija li niċċelebraw, it-tqarbina li nirċievu, mal-ħajja ta’ dejjem. Anke fir-rit tat-tislima tal-aħħar ta’ ġisimna, is-saċerdot ibierek il-fdal tagħna, jinċensah, għax hu ġisem li rċieva lil Ġesù Ewkaristija. Mhux biss sar ħaġa waħda ma’ Ġesù fil-Magħmudija, imma rċieva l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Issa se jsir trab, se jindifen. Imma hemm il-fidi fil-qawmien għall-ħajja. Dak il-ġisem iqum fl-aħħar jum, kif jgħid Ġesù stess – ġisem glorjuż. Din hi tama li l-umanità kollha għandha. Anke min ma jemminx x’jiġri wara l-mewt jew għandu dubji kbar, meta jmutlu xi ħadd għażiż, iħoss fih l-istint, li min ħabb ma telqux. Hemm preżenza li tibqa’. Hu din il-fidi jserħilna moħħna fuqha Ġesù. “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (Ġw 6:44) .

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 8:26-40
Salm: 65 (66), 8-9. 16-17. 20
Evanġelju: Ġw 6:44-51

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply