Il-messaġġ tal-Papa Franġisku għall-Jum Dinji tal-Vokazzjonijiet

San Ġużepp eżempju tas-servizz lejali

Fis-Solennità ta’ San Ġużepp, il-Papa Franġisku ħareġ il-Messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet, li din is-sena ser jiġi ċċelebrat fil-25 ta’ April. Il-Papa żamm lir-raġel tal-Verġni Marija u l-missier puttativ ta’ Ġesù bħala l-mudell għall-membri kollha tal-kleru w l-irġiel u n-nisa reliġjużi. Huwa għamel diversi referenzi lejn l-Ittra Appostolika tiegħu ‘Patris Corde’, li nħarġet fit-8 ta’ Diċembru 2020.

Il-Papa Franġisku qal, li San Ġużepp huwa figura straordinarja, mhux minħabba xi kariżma tal-għaġeb jew status speċjali, imma għax wettaq atti straordinarji ta’ servizz fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum. “Alla jħares lejn il-qalb,” huwa qal, “u f’San Ġużepp Huwa għaraf il-qalb ta’ missier, kapaċi jagħti w jiġġenera l-ħajja f’nofs rutini ta’ kuljum”. Huwa żied jgħid, li l-Vokazzjonijiet, għandhom l-istess għan li jnisslu w jġeddu l-ħajja ta’ ħaddieħor. Il-Qdusija tiegħu qal lis-saċerdozju w l-ħajja kkonsagrata jirrikjedu rġiel u nisa b’qalb miftuħa, li huma “kapaċi għal inizjattivi kbar, ġenerużi fl-għoti tagħhom infushom, kompassjoni fl-ansjetajiet ta’ faraġ u sodi biex isaħħu t-tamiet.”

Is-suċċessur ta’ Pietru, kompla jiffoka fuq tliet kelmiet ewlenin li San Ġużepp jissuġġerixxi għall-vokazzjoni ta’ kull individwu: ħolma, servizz u fedeltà.

L-Evanġelju skond San Mattew jirrakkonta erba’ ħolmiet li bihom Alla jispira lil San Ġużepp, li kull waħda minnhom kienet tirrappreżenta sejħa diffiċli minn Alla. “Wara kull ħolma, Ġużeppi kellu jibdel il-pjanijiet tiegħu w jieħu riskju, jissagrifika l-pjanijiet tiegħu stess sabiex isegwi d-disinji misterjużi t’Alla, li kien jafda fih kompletament.”

Is-sejħa t’Alla lil kull wieħed u waħda minna, qal il-Papa, sseħħ bl-istess mod, mingħajr ma tagħmel pressjoni fuq il-libertà tagħna. “Hu ma jegħlibniex b’viżjonijiet li jgħammxu imma bil-kwiet jitkellem fil-fond ta’ qalbna, jersaq lejna u jkellimna permezz tal-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna.” Madankollu, kif juri San Ġuzepp, l-aċċettazzjoni tagħna tas-sejħa t’Alla ma tistax tkun passiva, iżda neħtieġu nibqgħu mexjin ‘il quddiem u nieħdu r-riskji billi nabbandunaw lilna nfusna għall-grazzja.

Il-Papa Franġisku mbagħad ikkunsidra l-vokazzjoni ta’ San Ġużepp għas-servizz. “L-Evanġelji juru kif Ġużeppi għex għal kollox għal ħaddieħor u qatt għalih innifsu,… huwa sar miftuħ għal servizz saħansitra aktar produttiva.” L-imħabba bla limitu w bla egoiżmu tiegħu wasslet lill-Qaddis biex isostni sagrifiċċji ta’ kuljum, bħala regola għall-ħajja ta’ kuljum.

Il-Qdusija Tiegħu żied li jħobb jaħseb f’San Ġużepp bħala l-“protettur tal-vokazzjonijiet”, peress li r-rieda tiegħu li jaqdi timlih “b’tħassib biex jipproteġi”. “Tħassib maħsub bħal dan huwa s-sinjal ta’ vokazzjoni vera,” huwa qal, “ix-xhieda ta’ ħajja mimsusa mill-imħabba t’Alla.”

Il-fedeltà, qal il-Papa, huwa t-tielet aspett tal-eżempju ta’ San Ġużepp għall-persuni kollha kkonsagrati. Huwa dejjem paċenzjuż fuq l-azzjonijiet tiegħu, u kien jaf li “s-suċċess fil-ħajja huwa mibni fuq fedeltà kostanti għal deċiżjonijiet importanti.” “Din il-fedeltà hija s-sigriet tal-ferħ. Huwa l-ferħ tas-sempliċità, l-ferħ esperjenzat kuljum minn dawk li jieħdu ħsieb dak li jiswa tassew: qrubija fidila lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna.”

Il-Papa kkonkluda l-messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonjijiet billi ħeġġeġ lill-ministri tal-Knisja jimlew djarhom bl-istess ferħ “sempliċi u mdawla, sobrija u kollha tama”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-03/pope-francis-world-day-vocations-saint-joseph-fidelity.html

Biex taqra l-messaġġ kollu tal-Jum Dinji tal-Vokazzjonijiet, idħol fuq is-sit: https://www.laikos.org/fr1_messagg_vokazzjonijiet_2021.htm