Aktar tard dan ix-xahar, il-Papa Franġisku se jiftaħ konferenza, biex jara kif tista’ tingħeleb ir-rata baxxa tat-twelid fl-Italja. L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan ħareġ stqarrija li l-Papa ser jieħu sehem personalment, u huwa mdejjaq u wissa li “l-futur jinsab fil-periklu”.

L-avveniment li ser isir online fl-14 ta’ Mejju, qed jiġi organizzat mill-Stati Generali della Natalità, li ġie stabbilit mill-Forum ta’ Assoċjazzjonijiet tal-Familja, u li ppublika dejta ġdida dwar ir-rata ta’ twelid li seħħu fl-Italja. L-inizjattiva qed tfittex l-għajnuna tan-negozji, midja u mexxejja kulturali biex jindirizzaw it-tnaqqis fit-twelid, bit-tħassib li b’livelli dejjem jiżdiedu ta’ faqar, bil-pandemija tal-Covid-19, il-problema se tkun aggravata. Is-sena li għaddiet, l-Italja rreġistrat l-iktar rata baxxa ta’ twelid tagħha, rekord ta’ 404,104 tarbija, l-iżgħar ċifra mill-1861 meta l-pajjiż reġa’ ngħaqqad. Intant, is-sena l-oħra ġew reġistrati 746,146 mwiet.
Fl-2015, il-Papa Franġisku ddeskriva l-għażla ta’ dawk il-koppji li ma jkunux irridu li jkollhom tfal bħala waħda “egosita” waqt li rrimarka li “l-ħajja tiġġedded u takkwista l-enerġija meta timmultiplika: Hija tiġi arrikkita, mhux tiftaqar.” Huwa kien qal, li l-ferħ li tfal jagħtu lill-koppja “iġiegħel lil qalbhom tħabbat” u tiftaħ toroq ġodda fil-futur.
Sena qabel huwa kien wera dispjaċir tiegħu li l-“kultura tal-benesseri”, fejn il-koppja taħseb li huwa aħjar li ma jkollhomx tfal sabiex ikunu jistgħu “jesploraw id-dinja, imorru għall-vaganzi… jkollhom villa fil-kampanja”. Huwa kien żied: “Jista’ jkun aħjar, jew aktar komdu, li jkollok kelb, żewġ qtates, u l-imħabba tmur għal dawn iż-żewġ qtates u kelb. Huwa veru dan jew le? Rajtuha tiġri? Imbagħad, fl-aħħar, dan iż-żwieġ jasal fix-xjuħija, fis-solitudni, bl-imrar tal-malinkonija. Mhux produttiv, ma għamilx dak li għamel Ġesù bil-Knisja tiegħu: Hu għamel il-Knisja tiegħu produttiva”.
Dan l-avveniment se jsir fl-awditorju f’Via della Conciliazione, it-triq li twassal għal Pjazza San Pietru. F’din il-laqgħa ser tattendi l-ministru tal-Italja għall-Familja u opportunitajiet, Elena Bonetti u l- ministru tal-edukazzjoni, Patrizio Bianchi.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.thetablet.co.uk/news/14104/pope-francis-leads-drive-to-confront-low-birthrate