Nagħtu liż-żgħażagħ tagħna tagħlim sabiħ u mhux okkażjonijiet ta’ vizzju

It-Tnejn, 10 ta’ Mejju 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Quddiesa tal-Festa ta’ San Ġorġ Preca. Awditorju tad-Dar Ġenerali tal-MUSEUM, Blata l-Bajda.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Hija ta’ grazzja kbira għalina li qegħdin noffru din il-quddiesa hawnhekk fejn hawn miġbura wkoll il-fdalijiet ta’ San Ġorġ Preca. Illum nitolbu ħafna l-interċessjoni tiegħu.

Ġorġ Preca twieled il-Belt Valletta fl-1880 u miet Santa Venera fl-1962. Ta’ tmien snin il-familja tiegħu ġiet toqgħod il-Ħamrun u hawnhekk għex il-parti l-kbira ta’ ħajtu għaliex lejn l-aħħar snin ta’ ħajtu kellu mbagħad jiċċaqlaq mid-dar għal Santa Venera.

Kien magħruf mill-poplu tagħna bħala saċerdot qrib ħafna ta’ Alla. Fl-1907, flimkien ma’ grupp ta’ żgħażagħ, fosthom Eugenio Borg, waqqaf il-fergħa maskili tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija li mbagħad bdiet tissejjaħ MUSEUM, li Dun Ġorġ għaraf jaqleb għall-Latin f’talba li tfisser: “Mulej, jalla d-dinja kollha ssegwi, timxi wara l-Evanġelju tiegħek”.

Fl-1910, flimkien ma’ Ġannina Cutajar, waqqaf il-fergħa tan-nisa. U hekk fil-parroċċi tagħna nibtu ċ-ċentri ta’ katekeżi. Illum dawn naqsu. Huma ċentri li kważi huma hubs ta’ katekeżi imma l-bżonn tat-tagħlim għadu magħna. Ma ninsewx kelma, frażi li kien iħobb jirrepeti ħafna Dun Ġorġ: it-tagħlin hu l-għajn ta’ kull ġid.

Illum kont qed naħseb li kieku Dun Ġorġ kellu jiġi jkellimna llum, x’jgħidilna? Xi stedina jagħmel din is-sena lill-poplu Malti u Għawdxi fil-jum tal-festa tiegħu? Qegħdin ngħixu fi żmien ta’ pandemija. Nitolbu l-interċessjoni tiegħu biex neħilsu minnha b’wiċċ il-ġid. Imma aħna nifhmu li ma nistgħux neħilsu mill-pandemija weħidna imma rridu naħdmu id f’id mhux biss bħala pajjiż imma bħala familja ta’ pajjiżi madwar id-dinja.

M’ilux il-Papa Franġisku lmenta li inutli li l-pajjiżi għonja li għandhom il-mezzi jaħsbu li ħarġu mill-pandemija jekk il-pajjiżi l-fqar għadhom għaddejjin minn din il-burraxka. Għax ġo familja inutli ifiqlek it-tifel il-kbir jekk iż-żgħir għadu marid b’kundizzjoni li tittieħed. Min kellu t-tfal bil-ħożba jaf x’jiġifieri. Inutli jkollok wieħed li għaddielu. X’jiġri mill-oħrajn? U hekk ukoll id-dinja, din il-familja. Hemm bżonn naħdmu id f’id.

L-ewwel kelma li jgħidilna Dun Ġorġ hija biex nieħdu ħsieb xulxin. It-tieni kelma li nħoss li jixtieq jgħidilna bħala poplu — u din mhux biss qalha fi żmienu imma kitibha — li hemm bżonn naħfru lil xulxin. Kellu kelma għaliha: il-manswetudni. Kiteb ittra fuq il-manswetudni lill-poplu, Ittra Popolari semmiegħa: din il-qawwa li taħfer mill-qalb lill-għedewwa tiegħek, lil min għamillek xi deni.

Dun Ġorġ kien iħobb jipprietka fuq il-paċenzja. “Ġejna hawn għal erbat ijiem biex nieħdu paċenzja”. Imma l-paċenzja tfisser ukoll li nissaporti xi kuntrarju mingħajr ħafna frattarija. Mhux għax ma tgħidx ‘aħħ’, imma iżjed ma tinsiha, iżjed ma timxi ’l quddiem, iżjed tkun liberu u iżjed ikollok il-paċi. Għallimna dik it-tislima sabiħa ta’ Kristu Rxoxt li l-isqof jibda l-quddiesa biha: il-paċi magħkom, il-paċi miegħek. Kemm tkun ħaġa sabiħa li kieku nifhmu din it-tislima ta’ Kristu Rxoxt li San Ġorġ Preca poġġieha fuq fommna. Meta ngħidu “il-paċi miegħek” lil xulxin, xi rridu nfissru? Li jiena għandi lanzita minn hawn sa Putirjal għalik? Xi tfisser meta ngħidlek il-paċi miegħek? Ejjew nimxu flimkien id f’’id għall-għonq it-triq.

Meta Dun Ġorġ iħares lejn iż-żgħażagħ tagħna — li ta ħajtu għalihom — x’jgħidilna? Mhux biex nieħdu ħsiebhom? Biex nagħtuhom tagħlim sabiħ u mhux okkażjonijiet ta’ vizzju. Qegħdin naħdmu biex id-droga kannabis issir legali. Nafu xi rridu? Konvinti li din hi l-aħjar ħaġa għaż-żgħażagħ tagħna? Li tifel żagħżugħ jgħid lil ommu: ‘Dik tista’, ma, qisek qed tixtri pakkett sigaretti, tista’ għax issa għandna liġi’.

Immaġinaw lil San Ġorġ Preca x’jgħid li kieku llum ikellimna fuq din il-ħaġa: li biex taparsi nagħtu rikreazzjoni liż-żgħażagħ tagħna, nisqu l-velenu lill-moħħ.

“Aħseb x’jiġri wara”. Kemm kien iħobb jirrepeti din il-frażi Dun Ġorġ. “Aħseb x’jiġri wara”. Il-gwaj fil-familji, mhux għax m’għandniex, imma hemm bżonn nistednuh? Hemm bżonn inżiduh? Hemm bżonn li l-għawġ niftħulu l-bieb beraħ daqshekk? Għaddi, idħol, u jekk jogħġbok ħassar liż-żgħażagħ tagħna, dgħajfin forsi, jew impressjonati minn sħabhom. U l-ommijiet u l-missirijiet ma jistgħu jagħmlu xejn għax legali!

Aħna għandna liġi tajba ħafna li l-imħallef tgħidlu li jekk jiġi żagħżugħ quddiemek għandu jgħinu biex jaqta’ l-vizzju, u m’hemmx għalfejn tibagħtu l-ħabs. Imma li tgħid kollox sew, hu diskors differenti. Immaġinaw lil San Ġorġ Preca x’jgħid li kieku llum ikellimna fuq din il-ħaġa: li biex taparsi nagħtu rikreazzjoni liż-żgħażagħ tagħna, nisqu l-velenu lill-moħħ.

San Ġorġ Preca jħares lejna u jistedinna nibqgħu nkunu ħbieb tal-Evanġelju. Is-Sibt li għadda kelli x-xorti nordna erba’ żgħażagħ bħala saċerdoti, u hekk għidtilhom: intom tridu tkunu mhux biss ħabbara tal-Evanġelju, twasslu l-Aħbar t-Tajba, imma intom stess tridu tkunu aħbar tajba. Bħalma l-għażiż Dun Ġorġ kien aħbar tajba għall-poplu Malti u Għawdxi. Mhux ta’ b’xejn in-nies kienet tersaq lejh għall-pariri u għat-talb. Mhux ta’ b’xejn kienet tisma’ l-kelma tiegħu bi ħġarha. Id-diskors tiegħu ma kienx dejjem ħelu, imma kien rettt. Kien il-kliem ta’ missier li jħobb tassew.

Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca biex aħna nkunu togħma sabiħa tal-Evanġelju fis-soċjetà tagħna. Il-bqija f’idejn il-Missier li jaf  ikabbar, isaqqi u jwassal għall-ħsad.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Sir 21:11-17, 21
Salm: 119, 32-42
Qari II: 2 Tim 2:1-11
Evanġelju: Mk 16:14a,15-20

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply