Itolbu li l-imħabba tagħkom għal Ġesù ma tinxef qatt

Is-Sibt, 15 ta’ Mejju 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Quddiesa tal-ordinazzjoni ta’ żewġ djakni ġodda. Santwarju Madonna tal-Grazzja, Żabbar.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Il-Missier iħobbkom” (Ġw 16:27). Kemm huma kliem sbieħ dawn ta’ Ġesù li għadna kemm smajna mill-kapitlu 16 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann. “Il-Missier stess iħobbkom”. Ġesù jinsisti  li “Il-Missier stess iħobbkom”. Jekk niftakru f’din il-kelma ta’ Ġesù għandna biex inkomplu l-vjaġġ bl-umiltà u bil-kuraġġ. Anke intom, għeżież, li intom imsejħin għad-djakonat llum, ftakruha dejjem din il-kelma għażiża ta’ Ġesù għaliex biex ikun jista’ jgħidilna li “ma qisx tiegħu dak li kien daqs Alla […] imma tneżża’ minn kollox, sar bniedem, obda, obda sal-mewt, sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8.9), jagħti xhieda tagħha u konferma tagħha: “Il-Missier stess iħobbkom”.

Tfittxux fir-rassenja ta’ ħajjitkom it-tellieqa ta’ kemm ħabbejtuh.

Fil-lejla meta qal dan il-kliem, Ġesù jinżel biex jaħsel saqajn id-dixxipli u neħħa l-mantar. Hu kien jaf li ħabb id-dixxipli tiegħu u “ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1), fil-milja tal-imħabba. Niżel għarkupptejh jaħsel saqajn mgħorrijin u maħmuġin mit-triq, f’ritwal li kien jippreparahom għall-ikla. Pietru jiskandalizza ruħu: “‘Qatt ma jkun qatt, Sinjur” “Jekk ma tħallinix inkun miegħek ta’ qaddej, m’għandekx x’taqsam miegħi”. Donnu ried jgħidlu li ma fehem xejn. “Mulej, mhux riġlejja biss, imma rasi u jdejja wkoll’ (ara Ġw 13:4-9).

“Il-Missier iħobbkom”. Għeżież djakni, għixu l-vokazzjoni tagħkom f’din l-imħabba. Il-Missier, sa minn ġuf ommkom, għażilkom għax iħobbkom. Tfittxux fir-rassenja ta’ ħajjitkom it-tellieqa ta’ kemm ħabbejtuh. Iħobbkom! U aħna u nistrieħu f’din l-imħabba, nintrefgħu mid-dgħufija tagħna li hija ovvja u mxandra, u nafdaw fih.

Imma Ġesù jgħid xi ħaġa oħra: “Ħabbejtu lili” (Ġw 16:27). Ir-relazzjoni tagħkom ma’ Ġesù hija u trid tkun dejjem relazzjoni ta’ mħabba u mhux relazzjoni ta’ serviliżmu jew ta’ devozzjoni rassenjata. Imma trid tkun relazzjoni ta’ mħabba: “Il-Missier stess iħobbkom, intom ħabbejtu lili u emmintu” (Ġw 16:27). Ġesù l-ewwel isemmi l-imħabba u mbagħad isemmi l-fidi: dik ir-relazzjoni ta’ fiduċja, ta’ twemmin, ta’ għażla. Dik hija l-fidi. Imma mingħajr imħabba, bħalma jgħid l-Appostlu Missierna, tkun “strument iżarżar” (1 Kor 13:1). Il-fidi tagħkom — li fiha se tagħmlu dan il-pass illum quddiem il-Poplu ta’ Alla — trid tkun mirfuda fl-imħabba tagħkom għal Ġesù.

Lil Ġesù tiltaqgħu miegħu, imsallab u rxoxt, fil-poplu tiegħu li intom imsejħin biex taqdu. Intom u tagħtu ħajjitkom għas-servizz tal-poplu, fittxu fil-poplu għażiż tagħna l-wiċċ ta’ Ġesù u l-ħarsa tiegħu. Intom u tiftakru li l-Missier iħobbkom — u jħobbkom ħafna — itolbu li l-imħabba tagħkom lil Ġesù u għal Ġesù ma tinxef qatt.

L-ikonografija tal-Madonna tal-Grazzja hija wkoll tal-omm li minnha mhux biss tinżel ix-xmara tal-ħalib ħelu tan-nutriment, imma wkoll l-għajn tal-grazzja li ttaffi n-nixfa tal-bnedmn. Aħna għandna għatx għal Alla u għall-imħabba tiegħu. Intom tridu ttaffu dan l-għatx bil-ministeru u bil-qadi tagħkom billi tagħtu ħajjitkom.

“Itolbu u taqilgħu biex il-ferħ tagħkom ikun sħih” (Ġw 16:24). Din hija kelma oħra li jgħidilna llum Ġesù. “Itolbu u taqilgħu”. Illum, intom se timpenjaw ruħkom li titolbu mal-Knisja u f’isem il-Knisja biex “il-ferħ tagħkom ikun sħih”. Dan l-impenn mhux impenn ċkejken u okkażjonali imma l-liturġija stess — it-talba tal-Knisja — turina kemm hu importanti dan il-ministeru tagħkom. Taf tgħaddi mill-mument ta’ riħ isfel, bħalma jgħaddi minnu kulħadd, u ma jkollokx aptit titlob, ma jkollokx bżonn jew inkella aptit iżjed milli bżonn, tħares lejn il-Liturġija tas-Sigħat, it-talba tas-Salmi li l-Knisja titlob matul il-jum. Offri ħajtek, itlob lill-anġlu kustodju jgħinek u jfakkrek, imma tinsiex li ħajtek trid tkun ukoll iddedikata lil dan il-misteru li ma jagħmilx ħoss, li m’għandu l-ebda headline imma huwa essenzjali. U “l-ferħ tagħkom ikun sħiħ”.

Nitolbu ħafna għalikom u intom itolbu għal kull min tiltaqgħu miegħu fil-ministeru tagħkom. Qisu li fil-ħarsa tagħkom ikun hemm it-talb tagħkom u fil-kelma u fl-atteġġjament tagħkom ikun hemm l-imħabba ta’ min qed jagħti ħajtu bil-ferħ għax “il-Missier stess iħobbkom” u Ġesù jaf li tħobbuh ħafna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 18:23-28
Salm: 46 (47), 2-3,8-9,10
Evanġelju: Ġw 16:23b-28

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply