Tħassib dwar l-abbozz biex l-abort ikun dekriminalizzat

Stqarrija ta’ Dar Ġużeppa Debono dwar il-proposta ta’ dekriminalizzazzjoni tal-abort

Dar Ġużeppa Debono (DĠD) tesprimi t-tħassib tagħha dwar l-Abbozz ta’ Liġi mressaq fil-Parlament Malti dwar emendi fil-Kodiċi Kriminali sabiex jiġi dekriminalizzat l-abort.

DĠD temmen li n-nisa li jwettqu abort għandhom jiġu akkumpanjati aktar milli kkundannati u tippromovi ambjent ta’ mogħdrija, sostenn, u għajnuna mhux biss lill-ommijiet fit-tqala imma anki lil dawk li jkunu ġarrbu xi telfa tal-wild, inkluż dawk li jwettqu abort.

Fl-istess ħin, DĠD tisħaq li l-valur tal-ħajja tal-embrijun/fetu uman fil-ġuf jistħoqqlu jiġi mħares ukoll mil-Liġi. It-tneħħija tar-referenza għall-abort fil-Kodiċi Kriminali, ħlief fil-każ ta’ abort furzat, twitti t-triq għal-leġislazzjoni tal-abort u għal mentalità fejn mhux il-ħajja ta’ kull bniedem hija meqjusa tal-istess valur u dinjità. Id-definizzjoni ta’ “saħħa medika” mogħtija fl-għanijiet ta’ dan l-Abbozz hija ġenerika u tagħti lok għal bosta interpretazzjonijiet, lil hinn mis-sens strett ta’ każijiet fejn it-tqala tpoġġi f’riskju reali s-saħħa tal-omm u/jew tat-tarbija fil-ġuf. F’każijiet bħal dawn, il-proċedura medika tkun twieġeb għal każ kliniku delikat li hu differenti minn abort li jsir għal skopijiet oħra mhux marbuta ma’ periklu reali fis-saħħa fiżika.

DĠD timpenja ruħha biex tissokta l-ħidma tagħha favur il-ħajja, b’ħarsa ta’ għożża lejn il-ħajja ta’ kull bniedem, tal-mara u tal-ħajja li qed tikber f’ġufha, kif ukoll tal-membri kollha tas-soċjetà msejħa biex iħarsu l-ħajja ta’ dawk l-aktar dgħajfa.

DĠD tistieden għal riflessjoni u diskussjoni serja fuq dan is-suġġett, u għal impenn aktar konkret f’edukazzjoni fir-relazzjonijiet umani, fejn is-sesswalità tingħax f’ambjent ta’ mħabba u responsabbiltà, u tkun promossa kultura li tgħożż il-ħajja ta’ kull persuna.

Maria Attard f’isem il-Bord ta’ Dar Ġużeppa Debono

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.