Ma nistgħu nieklu xejn misruq

It-Tlieta, 1 ta’ Ġunju 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Quddiesa tat-Tlieta tad-Disa’ Ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jfittex ix-xbieha tal-imperatur Ċesari. Isibha fuq dinar; dinar kienet il-munita li biha jitħallas ħaddiem għal ġurnata xogħol. Hu jsib li fuq din il-munita hemm wiċċ Ċesari. Mela la l-munita għandha x-xbieha ta’ Ċesari, “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari” (Mk 12:17). Imma jekk jiena nfittex ix-xbieha ta’ Alla fejn insibha? Insibha fil-bniedem maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla. Mela l-bniedem mhuwiex ta’ Ċesari imma ta’ Alla. Meta Ġesù jgħid: “Dak li hu ta’ Alla, nagħtuh lil Alla” (Mk 12:17), qed jirreferi għalina li f’qalbna u f’ruħna nġorru x-xbieha ta’ Alla. Dak li għandu x-xbieha ta’ Ċesari għandu jingħata lil Ċesari, imma l-bniedem mhuwiex tal-Istat, allura mhuwiex ta’ Ċesari.

Din hija kelma għażiża u importanti anke għaliex dejjem iggwidat l-Insara fil-konfront tal-Istat. Illum għandna l-eżempju ta’ San Ġustinu li ma jiċħadx lil Ġesù quddiem liġi tal-Istat li tgħidlu li ma jistax ikun Nisrani. U tant martri f’dawn l-aħħar 2,000 sena li ma beżgħux mil-liġijet inġusti tal-Istat u għażlu lil Ġesù. Għax il-munita jista’ jkollha xbieha tal-Istat imma l-bniedem huwa mmarkat bix-xbieha ta’ Alla.

“Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, lil Alla dak li hu ta’ Alla” (Mk 12:17). Ġesù fdiena bi prezz għoli li huwa demmu, mhux bil-flus. Il-flus intużaw biex jitradixxu lil Ġesù. Ġuda biegħu għal 30 biċċa tal-fidda. Imma hu fdiena b’demmu, id-demm għażiż tiegħu.

Xtaqt ngħid xi ħaġa wkoll fuq l-ewwel qari. Il-qari tal-ktieb ta’ Tobit jagħtina qari sabiħ meta l-poplu Lhudi kien fl-eżilju f’diffikultà kbira u hemm dan id-djalogu tipiku bejn il-mara u r-raġel. Tobit, kif jispjega hu stess, jitlef id-dawl ta’ għajnejh. It-tobba, għalkemm bravi ħafna ma jistgħux jgħinuh, anzi jgħid: “Jien mort għand it-tobba biex ifejquni, iżda iktar ma kienu jdewwuni, il-bjada kienet tikber”. Fl-Evanġelju nsibu wkoll li l-interventi kultant inutli tat-tobba: “Sakemm għamejt għalkollox” (Tob 2:10).

Il-mara tgħidlu: “Fejn huma l-karitajiet tiegħek? Fejn huma l-opri tajba tiegħek? Jidher sew minn dak li ġie fuqek” (Tob 2:14) Ovvjament ħadet għaliha għax il-gidi li laqgħet, Tobit jissuspetta li huwa misruq. Imma hemm kelma li jgħid Tobit li hija għażiża “Ma nistgħu nieklu xejn misruq” (Tob 2:13). Kemm tkun ħaġa sabiħa li meta npoġġu l-platt fuq il-mejda anke aħna nkunu nistgħu ngħidu hekk.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Tob 2:9-14
Salm: 111 (112), 1-2.7bċ-8.9
Evanġelju: Mk 12:13-17

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply