Papa Franġisku: Alla jersaq lejn kulħadd bil-qalb ta’ Missier

Alla “jersaq qrib lejn kull wieħed minn uliedu b’imħabba, lejn kull wieħed u waħda minna. Qalbu miftuħa għal kull wieħed u waħda minna. Għax huwa Missier.”

Dan qalu l-Papa Franġisku f’ittra qasira, miktuba bl-idejn (bl-Ispanjol) li bagħat lill-Patri Ġiżwita James Martin, li qiegħed iwettaq l-appostolat tiegħu fost il-komunità LGBTQ.

L-ittra ntbagħtet biex tikkoinċida mal-Webinar tal-Ministeru Kattoliku ta’ Outreach LGBTQ, li sar nhar is-Sibt. Fr. Martin ppublika din l-ittra fuq t-Twitter account tiegħu.

“L-istil t’Alla għandu tliet elementi,” kiteb il-Papa, “qrubija, kompassjoni u tenerezza. Hekk jersaq eqreb lejn kull wieħed u waħda minna. Meta naħseb fuq ix-xogħol pastorali tiegħek, nara li inti qiegħed kontinwament tfittex li timita dan l-istil t’Alla. Int qassis għall-irġiel u n-nisa kollha, bħalma Alla huwa Missier għall-irġiel u n-nisa kollha. Nitlob għalik biex tkompli b’dan il-mod, billi tkun viċin, b’kompassjoni u b’tenerezza kbira.”

Il-Papa Franġisku rringrazzja wkoll lil Fr. Martin għall-ħeġġa pastorali tiegħu u “l-abbiltà tiegħu li jkun viċin in-nies, bil-qrubija li kellu Ġesù, u li tirrifletti l-qrubija t’Alla.”

“Nitlob għall-fidili tiegħek, ‘il-merħla tiegħek’ u għal dawk kollha li l-Mulej iqiegħed fil-kura tiegħek,” temm jgħid il-Papa, “sabiex tipproteġihom, u tagħmilhom jikbru fl-imħabba ta’ Sidna Ġesù Kristu.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-06/pope-francis-letter-james-martin-lgbtq-ministry.html

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.