Napprezzaw l-għerf tan-nanniet tagħna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 25 ta’ Lulju 2021: Omelija tas-17-il Ħadd matul is-sena u tal-ewwel Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Knisja ta’ Sant’ Anna, Wied il-Għajn.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Kemm hu sabiħ il-versett li qrajna fis-salm ta’ dan is-17-il Ħadd taż-żmien ta’ matul is-sena: “Iftaħ idek, Mulej, ferraħna bil-ġid li tagħtina” (S144:16). Minn dan il-Ħadd bdejna naqraw kapitlu sabiħ mill-Evanġelju ta’ San Ġwann. Għalkemm il-Ħdud ta’ din is-sena huma ddedikati lill-Evanġelju ta’ San Mark, li huwa Evanġelju qasir, f’dawn il-Ħdud li ġejjin se nieqfu ftitminn San Mark u naqraw minn kapitlu 6 mill-Evanġelju ta’ San Ġwann li jibda propju jibda bir-rakkont ta’ Ġesù li jkattar il-ħobż u l-ħut li offrielu tifel u tema’ 5,000 raġel u lil kull min kien hemm magħhom.

In-nies għoġbithom l-idea u ftakru f’dak li kien ġara lill-profeta l-kbir Eliżew li għamel l-istess meta tema’ 100 ruħ b’20 ħobża tax-xgħir (2 Slat 4:43-44). Ovvjament paragun hemm imma fil-każ tar-rakkont tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù jitma ħafna iżjed nies b’inqas ħobż.         Tgħiduli: “Imma dak mhux l-Iben ta’ Alla? Forsi wkoll tgħallem xi trickjew tnejn mingħand in-nanna Anna, min jaf?” Għax in-nanniet għandhom dan id-don li jkattru l-ikel. Jiġi tmur għand in-nanna għal għarrieda, qatt mhi se tgħidlek li m’għandhiex ikel għalik. Malajr tirranġa ftit brodu jew ċips moqlija. Dejjjem ikun hemm xi ħaġa x’tiekol għand in-nanna għaliex in-nanniet tgħallmu kif ikattru l-ikel mingħand il-profeti u mingħand Ġesù.

Imma l-ikel li tant għandna bżonnu huwa wkoll sinjal ta’ dak kollu li f’ħajjitna jagħmlilna l-ġid, kollox bil-qies. Għax hemm ikel li taf li jagħmillek il-ħsara wkoll. Imma Ġesù offra ħobż u ħut. Kulħadd ħa kemm ried (Ġw 6:11) u nispera ma ħadux iżżejjed. Imma dak huwa sinjal tal-abbudanza tal-Mulej għaliex meta nħallu lil Alla jaħdem, u aħna ngħinuh ukoll, hu jkattar, anzi “jiftaħ idejh u jferraħna bil-ġid li jagħtina”.

Lil Ġesù kienu qalulu profeta imma mbagħad induna li riedu jagħmluh sultan. Din il-ħaġa kienet tbeżża’ tremendement lil Ġesù għax hu ma riedx poter politiku, ma ridtx ikun sultan ta’ din id-dinja. Meta Pilatu fil-Ġimgħa l-Kbira jistaqsih jekk huwiex is-Sultan tal-Lhud,  Ġesù jwieġbu: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja” (ara Ġw 18:33-37). Ġesù jrid jurihom li hu bħala l-Iben ta’ Alla jrid jieħu ħsiebhom ħafna imma mhux biex jaħkem fuqhom imma biex ikun l-qaddej tagħhom. Dak iż-żmien, ix-xogħol ta’ sultan kien differenti.

Ejjew nifhmu l-ferħ tan-nanniet meta jaraw f’idejn uliedhom il-wild tagħhom, ulied uliedhom.

“Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej, u int tagħtihom l-ikel f’waqtu. Inti tiftaħ idek u xxebba’ ’l kulħadd bil-ġid” (S 144:15-16). Kemm huma sbieħ dawn il-kliem tas-Salm 144: “Għajnejn kulħadd iħarsu lejk, Mulej. Bħal qaddejja li tħares lejn id sidtha,” jgħid is-Salm ukoll biex kif tagħmlilha s-sinjal, tobdiha. Imma aħna nħarsu lejn il-Mulej għaliex huwa jiftaħ idejh b’ġenerożità kbira. Tgħiduli: kif? Mhux permezz tiegħi u tiegħek?

Xi ħaġa li jinsisti fuqha l-Papa Franġisku anke meta jitkellem fuq San Ġużepp, l-għarus għażiż ta’ Sidtna Marija, ir-raġel tagħha, jgħid li l-Missier ma ħax ħsieb it-tifel billi qagħad jagħmel miraklu darba iva u darba le. Afdah f’idejn Ġużeppi. Dak kellu jxammar il-kmiem u jsib minn fejn se jieklu bl-għaraq ta’ ġbinhom. Bagħatlu lil San Ġużepp. Il-Madonna min kellha jgħinna? Mhux ommha Anna? Min kellha jgħinha fis-saram li sabet ruħha meta jgħidilha li se ssir omm Alla? Ġużeppi ma jaf xejn, mhux biss m’għamel xejn, imma ma kien jaf xejn. Tħokk rasek u tgħid kif jista’ jkun? Immaġinaw lill-Madonna tmur għand ommha tgħidilha xi ġralha. Immaġinaw ukoll il-ferħ ta’ Anna meta t-tifla kellha tifel li ma tqisux biss bħala l-Iben ta’ Alla. Ejjew nifhmu l-ferħ tan-nanniet meta jaraw f’idejn uliedhom il-wild tagħhom, ulied uliedhom.

Min għad għandu grazzja li n-nanniet tiegħu ħajjin jgħidilhom ‘grazzi’.

Il-Papa jixtieq ħafna li llum niftakru fil-ġid kollu li tana anke permezz tan-nanniet. Jixtieq ħafna li aħna nieħdu ħsiebhom. Anzi, jekk illum imqar nagħmlu telefonata lil xi ħadd anzjan illum aħna neħilsu mit-tpattija kollha ta’ dnubietna. Jekk in-nanniet tiegħek qegħdin il-ġenna, mela taf lil xi anzjan ieħor? Iva? Ċempillu! Allura b’daqshekk neħles mit-tpattija kollha ta’ dnubieti? Iva, hekk irid il-Papa, u dik li jgħidulha indulġenza plenarja: tqerr imma mbagħad it-tpattija kollha ta’ dnubieteki l-Knisja teħilsek minnhom b’ġest żgħir. Appell lit-tfal u ż-żgħażagħ li qed isegwuni: żur lil xi persuna anzjana, b’mod speċjali n-nanniet! Minħabba r-restrizzjonijiet u l-pandemija anke telefonata hi biżżejjed. Min in-nanniet tiegħu m’għadhomx magħna jista’ jitlob għalihom. F’diil-n quddiesa nitolbu għan-nanniet kollha. Kulħadd għandu nanniet, jista’ jkun ma ltqajniex magħhom, imma żgur eżistew. Min għad għandu grazzja li n-nanniet tiegħu ħajjin jgħidilhom ‘grazzi’. Kultant aħna xħaħ f’din il-kelma u anke l-kelma ‘aħfirli’, forsi dik iżjed iebsa. Il-Papa m’ilux qal kemm hi ta’ swied il-qalb li jmur iżur l-anzjani u l-ewwel ħaġa li jgħidulu hi li ħadd ma jmur jarahom.

Għandna bżonn l-enerġija taż-żgħażagħ. Lil Ġesù qalulu li għandhom bżonn 200 jum xogħol biex iqassmu l-ikel lill-5,000 persuna, għax 200 dinar kienet paga ta’ 200 jum xogħol. Imma Ġesù qalilhom li “hawn tifel għandu 5 ħobżiet u żewġ ħutiet” (Ġw 6:9). Għax dik l-offerta ċkejkna tat-tifel, Ġesù kattarha u berikha. Imma wkoll jekk għandna bżonn l-offerta taż-żgħażagħ għandna bżonn l-għerf tal-anzjani. Il-Papa għandu din ix-xbieha sabiħa u nikkonkludi biha: għandna bżonn is-saqajn tajbin u b’saħħithom taż-żgħażagħ imma r-ras għaqljia ta’ min għaddha l-ħajja u jaf xi ġġarrab u xi ssarraf. Għaliex inti tista’ tiġri kemm tiġri imma jekk għadek moħħ ir-riħ, tispiċċa ġo ħajt. Mentri saqajn tajba u ras għaqlija, il-Papa jgħid immorru aħjar bihom.

Nitolbu għan-nanniet u jiena nifraħ magħkom għeżież membri tal-paroċċa ddedikata lin-nanna ta’ Ġesù, mingħajr ma ninsew in-nannu, lil San Ġwakkin. Nitolbu ħafna għall-familji kollha tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Slat 4:42-44
Salm: 144(145):10-11,15-16,17-18
Qari II: Efes 4:1-6
Evanġelju: Ġw 6:1-15

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply