Il-Mulej iwegħedna ħajja ta’ dejjem fis-sliem bla turufnament

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 29 ta’ Lulju 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Quddiesa tat-Tifkira ta’ Santa Marta, Santa Marija u San Lazzru. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan l-Evanġelju jlaqqa’ flimkien lit-tliet ismijiet għeżież: Marta, Marija u Lazzru. Lazzru mhux parti mid-djalogu għax f’dan il-mument, mill-kapitlu 11 ta’ San Ġwann, Lazzru qiegħed fil-qabar u ilu mejjet għal erbat ijiem.

Marija baqgħet id-dar miġbura; hi Marta li toħroġ tilqa’ l-Imgħallem u tagħmel djalogu ħafna profond miegħu. Jekk aħna nammiraw lil San Pietru li, ispirat mill-Missier, jistqarr min hu Ġesù:  “Inti l-Messija, l-lben t’Alla ħaj” (Mt 16:16), illum irridu niftakru li l-Mulej inebbaħ lil Marta wkoll biex tgħid l-istess kliem: “Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja” (Ġw 11:27).

Mela hawnhekk għandna mara fl-Evanġelju, ħabiba ta’ Ġesù, li lil Ġesù kienet tafu bil-ġuħ u bil-għatx, għajjien. Kien imur għandhom biex jistrieħ, jiekol xi ikla tajba b’xi ftit inbid, u hu wkoll imbagħad joqgħod jitħaddet mal-ħbieb tiegħu. Imma hi u tilqa’ lill-bniedem li hu l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, tara wkoll fih il-Messija, l-Iben ta’ Alla.

Kemm aħna msieken jekk naħsbu li wara l-qabar m’hemm xejn. Il-Mulej qed iwegħedna l-ħajja ta’ dejjem fejn ma jkunx hemm ilfiq u biki, ma jkunx hemm turufnament, ma jkunx hemm għira u mibegħda imma jkun hemm is-sliem.

Ġesù, hu u jiddjaloga magħha, jgħid kliem li għalina sar għażiż ħafna. Fil-fatt ilkoll kemm aħna kellna l-ħtieġa, għax mhix xi ħaġa pjaċevoli li nkunu preżenti għal xi funeral ta’ xi ħadd għażiż jew qarib, u nisimgħu fil-liturġija tal-mejtin dan il-kiem li jgħid Ġesù lil Marta: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, ikollu l-ħajja u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” Ġw11:25-26). 

Ġesù llum, wara li jtenni dan il-kliem, jgħidilna l-istess mistoqsija li għamel lil Marta: “Temmnu int dan?” (Ġw 11:26). Il-mistoqsija qalha lil Marta li kellha lil ħuha Lazzru fil-qabar, kien ilu erbat ijiem. “Temmnu int dan?”. U x’inhu jistaqsiha li temmen? Li Ġesù hu l-qawmien u l-ħajja, li jekk temmen fih, anke jekk tmut, ikollha l-ħajja. “Kull min jgħix u jemmen fija”, jgħid, “dan ma jmut qatt”.

Din hi l-fidi tagħna. Il-mistoqsija li jagħmlilna Ġesù, tqanqalna. Imma inti temmnu dan? Għax ħafna drabi nħarsu lejn ħajjitna sal-qabar. Ikollna ċ-ċans niddevertu ftit niddevertu; nagħmlu sew ingawdu l-ħajja għax hi don tal-Mulej. Imma kemm aħna msieken jekk naħsbu li wara l-qabar m’hemm xejn. Il-Mulej qed iwegħedna l-ħajja ta’ dejjem fejn ma jkunx hemm ilfiq u biki, ma jkunx hemm turufnament, ma jkunx hemm għira u mibegħda imma jkun hemm is-sliem.

Dan hu l-kliem li bih irridu nsabbru lil xulxin. “Kieku inti kont hawn, ħija ma kienx imut” (Ġw 11:21). Min jaf kemm-il darba għednielu hekk ’il Mulej meta nkunu qrib is-sodda tal-mewt ta’ xi ħadd għażiż: ‘Imma fejn int, Mulej, għaliex m’intix qed tismagħni? Għaliex m’intix qed taqlagħli l-grazzja li ħija, li oħti, li ibni ma jmutx?’ U hemmhekk isaltan is-skiet ta’ min ukoll jgħid u jitlob it-talba tal-Missierna: “Ikun li trid int kif fis-sema hekkda fl-art” (Mt 6:10).

Ġesù beka għall-mewt ta’ Lazzru. Hi xi ħaġa kommoventi li tara lill-Iben u timmaġina lill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, sultan fuq il-mewt u tal-ħajja, jibki għall-mewt tal-ħabib għażiż tiegħu. “Ara kemm kien iħobbu” Ġw 11:36) qalu n-nies, ara kemm kien iħobbu. Għax il-bikja ħafna drabi hi espressjoni ta’ qalb maqsuma, hi wkoll espressjoni ta’ mħabba. U Ġesù beka fuq il-mewt ta’ Lazzru. U bħala Iben ta’ Alla magħmul bniedem, reġa’ ta dan id-don kbir lil Marta u Marija, ħuhom li jerġa’ lura mill-mewt.

Ejjew nirringrazzjaw lil Alla ta’ din l-esperjenza li għaddew minnha Lazzru, Marija u Marta; li għalina hi ta’ konsolazzjoni kbira. Ġesù f’dak il-mument ta’ dulur qal kliem tassew għeżież. “Jien u l-qawmien u l-ħajja” (Ġw 11:25). Ningħaqdu ma’ Marta fil-festa tagħha u ta’ oħta Marija u ta’ Lazzru ħuha u ntennu l-kliem tagħha li hu profezija u hi dikjarazzjoni ta’ fidi qawwija daqs ta’ Pietru, il-prinċep tal-appostli: “Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja” (Ġw 11:27).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Ġw 4, 7-16
Salm: 33, 2-11
Evanġelju: Lq 10, 38-42

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply