“Huwa jum ta’ ferħ kbir, jum ta’ barka kbira fid-Djoċesi ta’ Vinh, li tifraħ għal 34 saċerdot ġdid li ġew ordnati u li se jkunu wkoll missjunarji, fejn il-Mulej isejħilhom biex ixandru u jagħtu xhieda tal-Evanġelju”. B’dan il-kliem beda l-Isqof Alphonse Nguyen Huu Long ta’ Vinh, fil-Quddiesa solenni tal-ordinazzjoni saċerdotali li huwa ppresieda nhar il-Ħadd.
Huwa nnota lid-djoċesi tiegħu kienet qed “tgħix dan il-mument ta’ ferħ kbir, fi żmien ta’ tbatija kbira f’ħafna partijiet tad-dinja” minħabba ż-żieda fl-infezzjonijiet tal-Covid-19, inkluż fil-Vjetnam. Għall-Quddiesa setgħu jattendu biss numru limitat ta’ reliġjużi, seminaristi, u ftit nies, minħabba l-protokoli tas-saħħa.

Preċiżament f’din is-sitwazzjoni drammatika, s-saċerdoti l-ġodda se jkunu ‘s-Samaritan it-Tajjeb’, “iġibu kura u ħniena fil-qlub tal-midruba, u jkunu wkoll missjunarji f’postijiet imbiegħda jew saħansitra fi tliet djoċesijiet, fejn il-Muej se jsejjaħ minnhom biex jgħixu”. Huwa fakkar li “l-Evanġelizzazzjoni, huwa l-kompitu ta’ kull persuna mgħammda; l-missjoni xierqa ta’ kull saċerdot hija li twassal lill-bniedem għand Alla sabiex ikollu d-don tas-salvazzjoni u l-ħajja eterna”.
L-Isqof Alphonse qal lis-saċerdoti huma msejħa biex ikunu disponibbli u kuntenti li jservu kullimkien, inkluż f’territorji ta’ missjoni remoti, f’postijiet foqra, jew f’żoni li huma diffiċli biex jintlaħqu. L-Isqof ta’ Vinh, qal li “l-popolazzjoni f’postijiet fejn hemm il-kunflitti, jew fejn hemm d-diżastri naturali, jew riskju għoli ta’ kontaġju mill-pandemija, tassew għandhom bżonn il-preżenza tas-saċerdot għall-bżonnijiet materjali u spiritwali, kif ukoll biex jgħinhom jegħlbu l-uġiegħ u jnisslilhom it-tama”.
“Fil-kuntest tan-nuqqas kbir ta’ saċerdoti, u filwaqt li l-popolazzjoni qed tbati severament mill-pandemija, wara dixxerniment ta’ talb, iddeċidejt li naqsam nofs minn dawn is-saċerdoti l-ġodda ma’ territorji iżolati, f’djoċesijiet oħra li m’għandhomx saċerdoti”, stqarr l-Isqof Alphonse. Huwa qal ukoll li qed jibgħat xi wħud minnhom bħala saċerdoti ‘Fidei Donum’ fid-Djoċesi tat-Tramuntana ta’ Hung Hoa, fejn hemm nuqqas kbir ta’ saċerdoti, biex iservu lil madwar kwart ta’ miljun kattoliċi, f’10 provinċji f’żoni muntanjużi u ta’ pjanura. Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-07/vietnam-vinh-diocese-34-new-priests-donum-dei-covid19.html