Ġesù għandu l-qawwa jfejjaqna u jsalvana

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 3 ta’ Awwissu 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Quddiesa tat-Tlieta tat-Tmintax-il Ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fir-rakkont li jagħtina San Mattew ta’ dan il-mument meta Ġesù jiltaqa’ ma sħabu fuq il-baħar, jidħol ukoll il-persunaġġ ta’ Pietru. Pietru donnu jagħmel sfida ħelwa lil Ġesù: “Jekk hu int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”, “Ejja” (Mt 14:28-29).

Dik il-kelma hi kelma li Pietru semagħha: “Ejja warajja”. Din id-darba Ġesù jilqa’ l-isfida ħelwa ta’ Pietru u jagħtih l-istess qawwa tiegħu: li jimxi fuq l-ilma. “Ejja,” qallu Ġesù. U Pietru jobdi lill-Imgħallem u jaqbad jimxi fuq l-ilma, li jagħmel l-istess ħaġa li raw lil Ġesù jagħmel. Imma jiddubita. Jara li r-riħ hu qawwi, jibża’ u jaħbat jegħreq. Dak li salva lil Pietru hi l-umiltà profonda tiegħu: “Salvani, Mulej” (Mt 14:30). Jifhem li dak li tah l-qawwa jimxi fuq l-ilma, hu wkoll is-salvatur li kapaċi jsalvah.

U Ġesù jagħmel ġest kommoventi ħafna li nixtieq li niftakru dejjem. Imidd idu, jaqbad lil Pietru minn idu u jgħidlu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?” (Mt 14:31). Meta fiċ-ċirkustanzi diffiċli tal-ħajja nħossuna qed ngħerqu – kif aħna stess il-Maltin inħobbu nużaw bħala espressjoni ‘inħossni qed negħreq’ – ejjew ngħajtu lill-Mulej biex isalvana. “Salvani, Mulej”. Il-Mulej imidd idu, idu li bħala l-irxoxt illum għandha l-marki tal-imsiemer tas-salib u dik l-id taqbadna minn idejna u ssalvana.

In-nies tant jemmnu fil-qawwa ta’ Ġesù li mhux biss iressqu “quddiemu l-morda kollha imma jitolbuh iħallihom imissulu mqar tarf il-libsa tiegħu”. L-Evanġelju jgħidilna: “Dawk kollha li missewh fiequ” (Mt 14:35-36). Għandna l-grazzja li lil Ġesù nirċevuh fl-Ewkaristija. It-talba tal-Knisja hi talba li nitolbu qabel nitqarbnu: ma jistħoqqlix li tidħol ġewwa fija, li tidħol taħt is-saqaf tiegħi imma għid kelma waħda biss u ruħi tkun imfejqa.

Ejjew nitolbu biex aħna u nirċievu ’l Ġesù nirrealizzaw li qegħdin nirċievu s-salvatur tagħna li għandu l-qawwa jgħinna meta nkunu qegħdin ngħerqu, għandu l-qawwa jfejjaqna u jsalvana.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Num 12, 1-13
Salm: 50 (51), 3-4.5-6a.6bċ-7.12-13
Evanġelju: Mt 14, 22-36

Sors: www.knisja.mt

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading