Ktieb ġdid dwar ir-restawr li sar fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

Print Friendly, PDF & Email

Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann għalqet 20 sena mit-twaqqif tagħha fil-31 ta’ Lulju 2021. Għall-okkażjoni nediet il-pubblikazzjoni The St John’s Co-Cathedral: Looking After a Cultural Gem – 20 Years of Restoration and Conservation.

Fl-indirizz tal-ftuħ, il-President tal-Fondazzjoni Prof. Mons. Emmanuel Agius, qal li “l-għan tal-pubblikazzjoni li nedejna hu li juri u jiddokumenta l-legat tal-programm estensiv u kompensiv ta’ restawr u konservazzjoni li wettqet il-Fondazzjoni matul dawn l-aħħar 20 sena. Dan il-ktieb jagħti wkoll kredibbiltà lill-viżjoni tal-fundaturi tal-Fondazzjoni u jirrikonoxxi l-kisbiet eċċezzjonali tal-istituzzjoni.

“Il-proġetti ta’ restawr u konservazzjoni li daħlet għalihom il-Fondazzjoni jħaddnu firxa wiesgħa ta’ opri tal-arti, flimkien ma’ ħafna karatteristiċi arkitettoniċi fl-istruttura tal-Knisja. Il-lista ta’ oġġetti koperti minn dawn ix-xogħlijiet hi tabilħaqq impressjonanti: mill-kwadri titulari ta’ kwalità għolja sal-monumenti funebri tal-irħam u l-bronż; mill-iskultura indurata fil-lavur sal-ħitan tal-faċċata u tal-ġnub tal-Konkatridral; mill-iskudetti u armi dekorattivi fuq il-bibien u l-bust ta’ Kristu is-Salvatur ta’ Algardi sal-qanpiena ta’ Lascaris u l-arloġġ mekkanizzat fil-kampnari; il-kanupew fuq l-artal, l-leġiju tal-kor u l-pulptu, l-orgni tal-artal maġġur u tal-Oratorju u l-armarju dekorattiv tal-kaxxi tal-orgni; mill-grupp statwarju tal-Kruċifissjoni sal-lanterna tal-injam fl-Oratorju; mill-entratura tal-irħam li tagħti għall-Oratorju sas-suffett maestuż tal-injam imnaqqax u indurat; mill-balavostri tal-presbiterju sal-pilastri tal-irħam matul il-korsija; mill-Cappella Ardente sal-Kripta tal-Gran Mastri; mill-arazzi imprezzabbli Fjammingi u l-atriju ta’ Carapecchia, għall-paviment imprezzabbli tal-irħam mogħni b’xogħol intrikat ta’ interzjar b’elementi funebri u parafernarja bellika.”

Cynthia de Giorgio, Kap Eżekuttiv u Kuratur, irrimarkat li l-għan ewlieni tal-Fondazzjoni hu l-konservazzjoni u r-restawr tal-opri tal-arti u artifatti imprezzabbli ppreservati fil-Konkatidral. Matul dawn l-aħħar żewġ diċenji l-Fondazzjoni ttrasformat dan il-monument storiku minn stat ta’ abbandun, għal livell ta’ konservazzjoni li jassigura l-preservazzjoni għall-futur. Is-Sinjura de Giorgio ddikjarat li: “Kien il-ħidma flimkien tar-restawraturi, konservaturi, inġiniera u nies esperti fil-qasam tagħhom li tul dawn is-snin ittrasformaw il-Konkatidral għas-sbuħija Barokka tiegħu fi stat pristin. Aħna wkoll nirrikonoxxu x-xogħol li sar mill-ħaddiema tal-Fondazzjoni inkluż il-kustodji u l-maniġers li kkontribwew matul dawn l-20 sena.”

Iċ-ċerimonja ġiet indirizzata mis-Sinjura Joyce Dimech, is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali; is-Sur Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta; u l-President tal-Fondazzjoni Prof. Mons. Emmanuel Agius.

Il-Fondazzjoni twaqqfet b’att pubbliku fil-31 ta’Lulju tal-2001, iffirmat mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, u minn Dr Eddie Fenech Adami, li dak iż-żmien kien prim ministru. Il-Fondazzjoni hi amministrata minn kunsill li jinkludi sitt membri, tlieta mill-Gvern ta’ Malta u tlieta appuntati mill-Arċisqof ta’ Malta. Il-Fondazzjoni hi responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Konkatidral bħala monument reliġjuż u kulturali. Id-dħul iġġenerat matul is-snin, intuża għall-proġetti ta’ manteniment u restawr, bl-għan li tippreserva dan il-ġojjell Malti fl-aqwa kundizzjoni possibbli u jżid l-għarfien u l-ammirazzjoni tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Il-ktieb dwar ir-restawr u konservazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann ġie editjat minn Cynthia de Giorgio u ppublikat mill-Fondazzjoni. Il-ktieb juri x-xogħol kollu u l-metodi ta’ restawr u konservazzjoni implimentati fil-Konkatidral. Jista’ jinxtara mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann għal €40. Għal iktar tagħrif ibgħat fuq info@stjohnscocathedral.com.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply