Qari tat-Tielet Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tielet Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

Qraw mill-Ktieb tal-Liġi.

Neħ 8, 2-4a. 5-6. 8-10

Qari mill-Ktieb ta’ Neħemija

F’dak iż-żmien, Esdra l-qassis ġieb il-Ktieb tal-Liġi quddiem il-ġemgħa, li kienet magħmula minn irġiel, nisa u oħrajn, li kienu jifhmu dak li jisimgħu. U mis-sebħ sa nofsinhar qara minnu quddiem l-irġiel, in-nisa, u dawk li kienu kapaċi jifhmu, iħares lejn il-misraħ li hemm quddiem Bieb l-Ilma. U l-poplu kollu kien attent jisma’ l-qari tal-Ktieb tal-Liġi. Esdra l-iskriba kien wieqaf fuq palk tal-injam, li kienu waqqfu għall-okkażjoni. Esdra fetaħ il-Ktieb u rah kulħadd jagħmel dan billi kien fil-għoli ’l fuq mill-poplu kollu. U meta fetaħ il-ktieb kulħadd qam bilwieqfa. U Esdra bierek il-Mulej, Alla l-kbir, u l-poplu kollu b’idejh merfugħin ‘il fuq wieġeb: “Ammen, ammen”. U nxteħtu għarkupptejhom b’wiċċhom mal-art jagħtu qima lill-Mulej. Dawn qraw mill-Ktieb tal-Liġi b’mod li jiftiehem, fissruh, u spjegaw il-qari. Neħemija, li kien il-gvernatur, Esdra, il-qassis u skriba, u l-Leviti li kienu qegħdin jgħallmu lill-poplu, qalu lin-nies kollha: “Dan hu jum qaddis, ikkonsagrat lill-Mulej Alla tagħkom. Titnikktux u tibkux!” Għax il-poplu kollu kien infexx jibki meta sama’ kliem il-Liġi.

U żiedu jgħidulhom: “Morru u kulu laħam imsemmen u ixorbu nbid ħelu, u lil dak li ma ħejjewlu xejn ibagħtulu sehem minn dak li għandkom. Dan hu jum qaddis għall-Mulej. La ssewdux qalbkom, għax il-ferħ tal-Mulej il-qawwa tagħkom”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 18 (19), 8. 9. 10. 15

R/. (Ġw 6, 63ċ): Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja

Il-liġi tal-Mulej perfetta,

u tagħti l-ħajja;

ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,

u tgħallem lil min ma jafx. R/.

Il-preċetti tal-Mulej dritti,

u jferrħu l-qalb;

il-kmandament tal-Mulej safi,

u jdawwal il-għajnejn. R/.

Il-biża’ tal-Mulej sinċier,

u jibqa’ għal dejjem;

il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,

u mseddqa għalkollox. R/.

Ħa jkunu milqugħa quddiemek

kliem fommi u ħsieb qalbi,

Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi. R/.

Qari II

Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu.

1 Kor 12, 12-30

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, bħalma l-ġisem hu wieħed, u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed. Issa l-ġisem mhuwiex membru wieħed, imma magħmul minn ħafna membri. Kieku s-sieq kellha tgħid: “Ladarba m’iniex l-id, jien m’iniex biċċa mill-ġisem” b’daqshekk mhijiex parti mill-ġisem? U kieku l-widna kellha tgħid: “Ladarba m’iniex l-għajn, jien m’iniex biċċa mill-ġisem”, ma jkunx ifisser b’daqshekk li hi mhijiex biċċa mill-ġisem. Kieku l-ġisem kollu kien għajn, fejn kien ikun is-smigħ? U kieku kien kollu smigħ, fejn kien ikun ix-xamm?

Iżda Alla qiegħed il-membri fil-ġisem kull wieħed f’postu, kif għoġbu hu. Kieku kollha kellhom ikunu membru wieħed, fejn hu l-ġisem? Imma ħafna, iva, huma l-membri, iżda wieħed hu l-ġisem. L-għajn ma tistax tgħid lill-id: “Jiena ma għandix bżonnok”, anqas ir-ras ma tgħid lis-saqajn: “Ma għandix bżonnok”. Mhux hekk biss, imma l-membri tal-ġisem li jidhru l-aktar dgħajfa, huma l-aktar meħtieġa; u dawk li nqisu bl-inqas ġieħ fil-ġisem, lil dawn l-aktar li nieħdu ħsiebhom; u ’l dawk li ma għandhomx ġmiel, inlibbsuhom b’aktar ġmiel; għax il-membri sbieħ ma għandhom bżonn xejn. Alla imma bena l-ġisem b’mod li żejjen b’aktar ġieħ lil dawk li jeħtiġuh l-aktar.

B’hekk ma jkunx hemm firda fil-ġisem, imma l-membri kollha jaħsbu f’xulxin. Jekk membru jbati, ibatu lkoll miegħu; jekk membru jingħata l-ġieħ, jifirħu lkoll miegħu. Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu. Lil xi wħud Alla qegħedhom fil-Knisja fl-ewwel post bħala appostli, it-tieni bħala profeti, it-tielet bħala għalliema. Imbagħad id-don tal-mirakli, imbagħad id-don tal-fejqan, l-għajnuna, it-treġija, u d-don ta’ ilsna diversi. Jaqaw ilkoll appostli? Ilkoll profeti? Ilkoll għalliema? Ilkoll bid-don tal-mirakli? Ilkoll għandhom id-don tal-fejqan? Ilkoll jitkellmu bl-ilsna? Ilkoll ifissru?

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Jew il-forma l-qasira

Qari II

Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu.

1 Kor 12, 12-14.27

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, bħalma l-ġisem hu wieħed, u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed. Issa l-ġisem mhuwiex membru wieħed, imma magħmul minn ħafna membri. Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 4, 18

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Mulej bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u rrodd il-ħelsien lill-maħqurin.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Din il-kitba seħħet illum.

Lq 1, 1-4; 4, 14-21

Bidu tal-Evanġelju skont San Luqa

Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-Kelma. Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidunett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa, biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kulma tgħallimt.

Jum wieħed, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd. U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,

għax hu kkonsagrani.

Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,

irrodd il-ħelsien lill-maħqurin

u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.

Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad

bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu.

U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu