Qari tat-Tnejn tat-Tielet Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tielet Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tnejn

Qari I

Int għad tirgħa l-poplu tiegħi.

2 Sam 5, 1-7.10

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

F’dak iż-żmien, it-tribujiet kollha ta’ Iżrael ġew għand David f’Ħebron u qalulu: “Arana, għadmek u laħmek aħna! Fl-imgħoddi, meta Sawl kien sultan fuqna, kont int li kont toħroġ lil Iżrael għallgwerra u ġġibhom lura, u l-Mulej qallek: “Int għad tirgħa l-poplu tiegħi u tkun prinċep fuq Iżrael”.

U x-xjuħ kollha ta’ Iżrael ġew għand is-Sultan f’Ħebron u s-sultan David għamel patt magħhom f’Ħebron quddiem il-Mulej; u lil David dilkuh sultan fuq Iżrael. Tletin sena kellu David meta sar sultan, u dam isaltan erbgħin sena; seba’ snin u sitt xhur fuq Ġuda f’Ħebron; u tlieta u tletin sena f’Ġerusalemm fuq Iżrael kollu u fuq Ġuda. Is-sultan mar bin-nies tiegħu Ġerusalemm kontra l-Ġebusin, li kienu jgħammru fil-pajjiż. U qalu lil David: “Ma tidħolx hawn! Biżżejjed l-għomja u z-zopop biex ikeċċuk”, fi kliem ieħor: “David ma jidħolx”. Imma David ħa f’idejh il-fortizza ta’ Sijon, li hi l-Belt ta’ David. U David baqa’ dejjem jissaħħaħ u l-Mulej, Alla tal-eżerċti, kien dejjem miegħu.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 88 (89), 20.21-22.25-26

R/. (25a): Miegħu jkunu l-fedeltà u t-tieba tiegħi

Dhert fl-imgħoddi lil ħbiebek u għedtilhom:

“Jien qegħedt il-kuruna fuq ras wieħed qalbieni;

ħtart żagħżugħ u għollejtu fuq il-poplu. R/.

Sibt ’il David, qaddej tiegħi,

biż-żejt imqaddes tiegħi dliktu;

tkun idi dejjem miegħu,

u nsaħħu wkoll bi driegħi. R/.

Miegħu jkunu l-fedeltà u t-tieba tiegħi;

b’ismi tissaħħaħ il-qawwa tiegħu.

Is-setgħa ta’ idejh nifrex fuq il-baħar;

fuq ix-xmajjar taħkem il-leminija tiegħu”. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tim 1, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt

u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz tal-Evanġelju.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ix-Xitan wasal fit-tmiem.

Mk 3, 22-30

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan Ġesù għandu fih lil Begħelżebul”, u wkoll: “Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten”. Ġesù sejħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: “Kif jista’ x-Xitan ikeċċi x-Xitan? Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa. U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa. Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista’ jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem.

Ħadd ma jista’ jidħol fid-dar ta’ wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; imbagħad id-dar jaħtafhielu żgur. Tassew ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu. Imma min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa’ ħati għal dejjem”. Għax kienu qalu: “Għandu fih spirtu ħażin”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu