Qari tas-Sibt tas-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Is-Sibt

Qari I

It-talba tal-bniedem ġust magħmula bil-ħerqa għandha qawwa kbira.

Ġak 5, 13-20

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

Ħuti, hemm xi ħadd fostkom imnikket? Ħalli dan jitlob. Hemm xi ħadd ferħan? Ħalli jkanta s-salmi. Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħalli dan isejjaħ lill-presbiteri tal-Knisja, biex dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem il-Mulej; it-talba tal-fidi ssalva lill-marid, u l-Mulej iqajmu; u jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu. Stqarru wieħed lill-ieħor in-nuqqasijiet tagħkom u itolbu għal xulxin, biex hekk tfiqu. It-talba tal-bniedem ġust magħmula bil-ħerqa għandha qawwa kbira. Elija bniedem bħalna kien: meta talab bil-ħerqa biex ma tagħmilx ix-xita, għal tliet snin u sitt xhur sħaħ ix-xita ma għamlitx fuq l-art. U meta raġa’ talab, is-sema radd ix-xita u l-art għamlet il-frott.

Ħuti, jekk xi ħadd minnkom jitbiegħed mis-sewwa u xi ħaddieħor iġibu lura, dan għandu jkun jaf li min iressaq lura mit-triq il-ħażina ’l xi midneb, jeħles ruħu mill-mewt u jostor kotra ta’ dnubiet.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 140 (141), 1-2.3 u 8

R/. (2): Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek

Lilek, Mulej, insejjaħ; fittex għinni!

Isma’ leħni, jiena u nsejjaħlek.

Ikun it-talb tiegħi bħal inċens quddiemek;

ikunu idejja merfugħa ‘l fuq bħas-sagrifiċċju filgħaxija. R/.

Qegħedli, Mulej, ilġiem fuq fommi,

agħmilli l-għassa ma’ bieb xufftejja.

Imma lejk, Mulej Sidi, jiena ndawwar għajnejja,

fik nistkenn, la tħallinix nintrema. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Mt 11, 25

Hallelujah. R/. Hallelujah

Infaħħrek, Missier,

Sid is-sema u l-art,

għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha.

Mk 10, 13-16

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, ġiebu quddiem Ġesù xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha”. Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu