Il-fedeltà fiż-żwieġ irħisa?

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 12 ta’ Settembru 2021: Omelija tal-24 Ħadd matul is-sena mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Knisja tal-Vitorja, Ħal Qormi.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ma nafx jekk tinnutawx li s-saċerdot, mingħajr ħafna għajjat, meta jbus l-Evanġelju jgħid din it-talba li għadni kemm għedt jien ukoll: “Bit-tagħlim tal-Evanġelju nitnaddfu minn dnubietna”. L-Evanġelju tal-lum hu wieħed minn dawk li jogħrokna għorka tajba.

L-ewwel nett Ġesù jagħmel mistoqsija lid-dixxipli li qegħdin isegwuh huma u sejrin post sabiħ ħafna taħt il-muntanji Ċesarija ta’ Filippu. Hu jsaqsihom :“Min jgħidu n-nies li jien?” (Mk 8:27). Imma l-mistoqsija l-iżjed importanti għal Ġesù hija dik li jagħmel lilna, li llum qed jagħmel lili u lilek: “Imma intom min tgħidu li jien?” (Mk 8:29). Fi kliem ieħor, x’inhu Ġesù għalik? Jaf tgħidu: “Mhux xi statwa sabiħa li meta jkolli bżonnu nixgħellu xemgħa?” jew inkella “Issa sew, ma nafx!”. Min jaf kemm kieku jkollu jkellimna, nirrisponduh hekk b’dan il-mod.

Lmma llum tajjeb nistaqsu lilna nfusna: Ġesù min hu għalija? Statwa li npoġġi fil-vetrina? Li noħroġha biss fil-Ġimgħa l-Kbira jew għall-Milied? Jiġifieri daqqa kurċifiss u daqqa bambin ħelu? Li nitolbu meta jkolli bżonn? Jew xi ħadd li jimlili qalbi bl-għatx għat-tajjeb, għal Alla? Li f’ħuti nara anke x-xbieha tiegħu: “Kont bil-ġuħ u tmajtni, kont bil-għatx u sqejtni” (Mt 25:35). Dan hu Ġesù. Ġesù hu dak li jgħidli “aħfer u jaħfrulek,” li jgħallimni anke nħobb lil min għamilli l-ħsara, xi ħaġa diffiċli ħafna. Hu iżda ma jridx li d-dixxipli jagħrfuh, b’mod speċjali Pietru: “Inti l-Messija, (Mk 8:29), l-imwiegħed, il-midluk tal-Mulej, li l-Missier jgħid fuqu: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu” (Mk 9:7), dak li għandu xi jgħid.  

U fil-Milied, aħna u narmaw il-bambin, kemm nifhmu li dak huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem?

Mhux biżżejjed tixgħel xemgħa lill-Qalb ta’ Ġesù. Tisimgħu jgħidlek: “Jien ta’ qalb ħelwa u umli”. Imma int qed turi ħlewwa mal-proxxmu? Qed turi umiltà? Dik hija l-Qalb ta’ Ġesù. Xi jfisser li tqim lill-kurċifiss fid-dar jew fil-Ġimgħa l-Kbira? Jekk Alla jrid għad ikollna l-purċissjonijiet u nergħu lura għal dawn it-tradizzjonijiet, imma dawn xi jfissru għalina? Qed neħduhom bis-serjetà s-seba’ kelmiet qaddisa ta’ Ġesù? “Għandi l-għatx” (Ġw 19:28), “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Dan hu Ġesù għalina. U fil-Milied, aħna u narmaw il-bambin, kemm nifhmu li dak huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem?

Pietru, meta jisma’ ’l Ġesù jitkellem fuq it-tbatija u fuq iċ-ċaħda, ma tantx jimpressjonah id-diskors anzi jiġbdu lejh u jibda jlumu (Mk 8:32): ‘X’qed tgħid li jridu jiċħduk, li se joqtluk? Imbagħad x’inhi din li tqum wara tliet ijiem mill-imwiet?’ U Ġesù lil Pietru ma jirrispondihx privatament, iżda quddiem kulħadd! “Itlaq minn quddiemi” (Mk 8:33). X’jiġifieri? Jiena l-mexxej u mhux inti. Ma riedx jgħidlu sparixxi, itlaq ’l hemm imma jgħidlu li hu tfixkil għax xajtan ifisser xi ħadd li jfixkel. ‘Itlaq minn quddiemi, ja xitan. Jiena rrid immexxi mhux inti allura wara, imxi wara inti’ Fil-fatt imbagħad jgħid ukoll kulħadd “Min irid jimxi warajja” (Mk 8:34). Imma ’l Pietru hekk qed jgħidlu: “imxi warajja”. Jgħidlu itlaq minn quddiemi mhux jiġifieri sparixxi u biex imur lura għand il-mara jew minn fejn ġie. Le, inti trid timxi warajja u jiena mmexxi.

Ġesù se jmexxi billi jgħallimna affarijiet naqra diffiċli għan-natura tagħna. “Għax in-natura tagħna,” Dun Ġorġ Preca kien jgħid, “ma tafx tgħid biżżejjed, dejjem tiġbed għal xawwatha”. Biex ngħiduha mhux biss bil-Qormi imma bil-Malti wkoll: jiġbed għal xawwatu dan. U aħna hekk magħmulin. Ma noqgħodux nitkażaw b’Pietru għax aħna meta nisimgħu fuq it-tbatija u s-salib ngħidulu: “Sinjur, mhux aħjar tbiddel naqra d-diska?”

Iżda Ġesù jinsisti: “Min irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Mk 8:34). Tgħidli kif? Kemm hawn nies qed jgħixuha din il-kelma! Min għandu l-mard id-dar, min għandu t-tfal bid-droga d-dar, jew min għandu lil xi ħadd l-isptar. Dawn kollha jkollhom iċaħħdu lilhom infushom, jerfgħu salibhom u jgħidu lil Mulej: “Mulej, hekk se nimxi warajk”.

Eżempju ieħor hi l-fedeltà fiż-żwieġ. Taħsbu li rħisa? Staqsu lil xi ħadd miżżewweġ. Lilna l-qassisin jgħidulna: “Father, intom titkellmu fuq iż-żwieġ għax m’intomx miżżewwġa. Jekk tiżżewġu malajr tbiddluha d-diska!” B’xi mod lil miżżewġin nagħtihom raġun. Imma aħna m’hemmx għalfejn immutu martri bħal San Ġorġ u San Bastjan biex nimxu wara Ġesù — biex inkunu semmejniehom it-tnejn la llum qegħdin Ħal Qormi — imma nimxu wara Ġesù kuljum, kuljum.

Fi kliem ieħor, Ġesù xi jrid? Li aħna nimmaturaw fl-imħabba.

San Ġwann Bosco ra lil Domenico Savio jipprova jivvinta l-penitenzi. Qallu: “Domenico, ejja ’l hawn”. Domenico kien għadu żgħir, kien għad kellu xi 10 snin. Qallu: “Ma rridekx tivvinta penitenzi”. “Allura x’nagħmel?” qallu Domenico Savio. San Ġwann Bosco qallu: “Ibni, ħu paċenzja b’dak li jiġrilek. Is-sħana? Ħu paċenzja bis-sħana. Tiġi l-kesħa? Ħu paċenzja għax il-paċenzja hi l-kejl li tiċħad lilek innifsek u terfa’ salibek”.

Aħna ħafna drabi ma nifhmux l-għerf ta’ Ġesù. Illum nitolbuh jagħtina din il-grazzja. Biex tħobb trid tieħu paċenzja, biex tħobb trid tinsa lilek innifsek. Mhux kollox tiegħek u kif jgħaddi minn moħħok bilfors. Min iħobb lil Ġesù, dan id-diskors ta’ li tiċħad lilek inifsek u li terfa’ salibek, malajr jifhmu. Fi kliem ieħor, Ġesù xi jrid? Li aħna nimmaturaw fl-imħabba.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 50:5-9a
Salm: 114(116):1-2,3-4,5-6,8-9
Qari II: Ġak 2:14-18
Evanġelju: Mk 8:27-35

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply