Hekk inħobb naraha ħajti. Għax hekk tassew hi! Ħajja li letteralment qed taħrab minn idejja! U, meta nkun fil-kwiet, rasi u rasU, u kelma bejn tnejn li twassal ma nafx fejn, ngħid lili nnifsi quddiemU, b’leħen irqiq irqiq ta’ mħabba li ma tafx tmiem: Kemm qed nikber!
Għadni niftakar qisu ilbieraħ! Darba kont naqra ta’ ħanex. Sitt itfal għax daqshekk konna f’dar ommi u missieri, Alla jaħfirlu. Kont nilgħab, naqbeż u nogħla. U, iwa, għax tifel, kont ġieli nagħmel xi praspura wkoll. U min, jekk ikun tfal, ma jagħmilx xi waħda minn tiegħu u tagħha, x’kull waħda tnejn? Imma taf x’inhi s-sabiħa, tista’ timmaġina tfulija mingħajr praspar? Anki jekk dawk jafu jkunu żgħar żgħar? Żgur li le!
Imbagħad il-Mulej daħħalni l-kunvent. Għax tassew iridni kuntent! Tkun għadek ġdid. Tari bħall-laħam bil-patata l-forn miegħu. Tkun għadek qed titgħallem. U tibda’ tara u temmen kollox. Għax kollox jidher ileqq! U hawn hu l-ħeqq!… Sakemm il-ħajja, bil-majnati u l-gdim li taqla’ u ssofri minn ħin għall-ħin, tibda’ tgħallmek fuq min hu Ġesù u fuq min huma wlied il-bnedmin. Imsieken! Għax hekk taqbad tgħidilhom meta toqgħod taħseb li għal hawn ġejna għal jumejn! Għax, lil hinn mid-dħaħen tal-inċens tan-navetta, il-kant u t-talb, kulħadd bniedem jibqa’! U dak li hu mgħawweġ isir jogħġob lil kulħadd. Kemm lil dawk ta’ barra u, m’għandniex xi ngħidu, lil dawk ta’ ġewwa ukoll!
U minn hemm għal ġol-oċejan tal-istudju! U tibda’ it-tellieqa tal-formula mingħajr formula. U min jistudja minn hawn u min jistudja l’hemm. Kulħadd ikkargat u lest biex jaqla’! Minn fuq il-lane u ta’ bla lane ukoll! Min jaf biċċa u minn jaf oħra. U l-istorja tikber u tiċkien u forsi tmur xi mkien. U min, biex jeċċella, ma jgħidx x’se jistudja li ma jmurx ifettillek iġġib xi marka iżjed minnu u minnha! U le! Kif inhuma ulied Eva u Adam li jfixklu l-għerf mal-basal u t-tadam! Mankollu, minkejja dawn it-tlajja’ u l-inżul, illum ngħid li dawn kienu żminijiet tabilħaqq interessanti fejn stajt nifhem, jew aħjar bdejt nifhem, li l-għerf veru jinbena maż-żmien u żgur li m’għandux il-gosti ta’ xi professur f’kompetizzjoni ma’ ieħor, jew ta’ fakultà li trid tidher li hi aħjar minn oħra.
U mbagħad wasal ukoll il-mument tiegħi għax-xogħol pastorali. Li illum ngħid trid aktar smiegħ u anqas xogħol orali! Ajma kemm niggustak ja moħħ li dan bdejt tifhmu! Għax b’hekk issa qbadt ir-rittmu! Li tagħti spazzju aktar lill-qalb li ma taħdimx le aktar waħedha iżda tagħti lok għat-talb. U t-talb għallimni ħaġa oħra ħbieb: daqskemm hi sabiħa l-orazzjoni daqstant ieħor għandha tissarraf f’azzjoni! Għax jekk dan ma jkunx il-każ, ibqa’ ċert u żgur li aqta’ kemm tqabdek frustrazzjoni!
U x’għallimni li nkun man-nies? Jekk mhux li nħobb bil-qjies mingħajr qjies? Imma x’inhu dan il-qjies jekk mhux li jgħinni nitlob għall-għarfien inkella quddiemi nkun qed inħaffer, forsi mingħajr ma nintebaħ, il-ħofra tiegħi tat-telfien? Għax in-nies tassew jgħallmuk għalkemm ġieli ukoll jafu ibaqbquk. Imma, wara kollox, din il-lezzjoni jagħtuk: Fil-ħajja iżra’ u ħalli f’idejH għax kollox qiegħed fi ħbub għajnejh!
Wara din il-ġirja mad-dinja tat-taqbila, ħaġa qed ninnota, mhix tqila: Kemm hemm affarijiet li għadni ma tgħallimtx! U kemm nixtieq li diġà tgħallimthom! Biss illum, ta’ kważi ħamsin, u ta’ dawn nirringrazzja lill-Bambin, din biss nasal li ngħid: Għalkemm iż-żmien hu kiefer, għax jibqa’ għaddej qisu mhux hu, xorta waħda rrid nibqa’ nitgħallem, għax din hi l-aqwa virtù! U jekk ma ġibthiex tajba mal-ewwel darba taf tiġi mat-tieni u t-tielet. Għax l-importanti hi li qatt aktar ma ngħix ħajti bix-xiber … Għax meta nagħmel hekk sinjal li tassew … qed nikber!…
Patri Mario Attard OFM Cap