Hi traġedja li affarijiet orribbli jsiru f’isem Alla

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 16 ta’ Settembru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Quddiesa fil-jum ta’ talb u sawm għall-Afganistan. Kappella tal‑Junior College, l‑Imsida.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem” (Lq 7:50). Dawn il-kliem ta’ Ġesù lil din il-mara li l-Evanġelju ta’ San Luqa jsejħilha: “midinba magħrufa” (Lq 7:37), m’għandhiex isem. Nafu x’kien jismu l-Fariżej li stiednu, għax Ġesù jgħidlu Xmun u magħruf bħala Xmun il-Fariżew, imma din il-mara m’għandhiex isem. Donnu qiegħda tirrapreżenta kull wieħed u waħda minna.

Forsi aħna midinbin imma mhux bilfors magħrufa għalkemm l-isqof isejjaħ u jgħarraf lilu nnifsu bħala ‘l-qaddej t’Alla mingħajr ma jistħoqqlu’. L-isqof almenu magħruf bħala midneb. Imma Ġesù jinterpreta s-sinjal tal-imħabba ta’ dil-mara bħala att ta’ fidi. Hu kien jaf min hi imma hi kienet taf min hu. Forsi semgħetu jitkellem dwar il-maħfra. Forsi semgħetu jitkellem dwar il-ħniena ta’ Alla jew semgħetu jgħallimna t-talba tal-Missierna: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Lq 11:3). Hu jifhem li l-imħabba tagħha hi kbira imma hi wkoll konxja li d-dnub li hemm bżonn jinħafrilha, hu kbir ukoll.

Għalina hi traġedja kbira u ta’ mistħija li ċerti affarijiet orribbli jsiru f’isem Alla, tkun xi tkun ir-reliġjon. Alla jistħoqqlu aħjar.

Il-Fariżew jiskandalizza ruħu għax Ġesù jħalli ’l din il-mara tkun ħafna intima miegħu, ħallieha tmissu. U Ġesù jagħti propju d-dettalji ta’ dak li għamlet. Riġlejh għaliha huma s-sinjal li jwasslu – bħalma jgħid il-profeta Iżaija, il-kelma tas-sliem, l-aħbar it-tajba. “Kemm huma sbieħ ir-riġlejn ta’ min iħabbar is-sliem, ta’ min iħabbar il-Kelma t’Alla” (Iż 52:7). U r-riġlejn ta’ Ġesù huma riġlejn tal-Kelma ta’ Alla magħmul bniedem. Huma riġlejn sbieħ għaliex iwasslu l-maħfra. Fil-fatt Ġesù ma jgħidilhiex: ‘kemm inti brava’, jgħidilha: “dnubietek maħfura” (Lq 7:48).

Aħna llum qegħdin nitolbu għal ambjent fejn il-mara mhijiex forsi mħarsa daqskemm wieħed jixtieq fid-dinjità tagħha. Ftit ġimgħat ilu reġgħet daħlet il-liġi fl-Afganistan li l-mara biex toħroġ mid-dar trid tkun akkumpanjata minn raġel, li n-nisa m’għandhomx dritt jaħdmu imma joqogħdu d-dar. Dan hu pass lura fiċ-ċiviltà tal-bnedmin. Il-ħasra hi li ħafna drabi dawn l-affarijiet ta’ oskurantiżmu kbir, ta’ mħuħ magħluqa jsiru f’isem Alla. Għalina hi traġedja kbira u ta’ mistħija li ċerti affarijiet orribbli jsiru f’isem Alla, tkun xi tkun ir-reliġjon. Alla jistħoqqlu aħjar.

Imma ejjew inqisu wkoll lilna nfusna. Aħna nagħmlu ħafna affarijiet f’isem Alla, kollha jogħġbu lil Alla? Il-Fariżej ħaseb li hu fis-sewwa meta ġġudika lil Ġesù, kieku kien profeta kien ikun jaf min hi din (Lq 7:39). Ġesù mhux biss kien jaf min hi dik il-mara imma kien jaf ukoll il-qalb ta’ Xmun. U lil Xmun ma jwiddbux Ġesù; anke ma’ Xmun Ġesù jitratta bi ħlewwa kbira. Jagħmillu tifsira, parabbola u jħalli lil Xmun jiddeċiedi x’inhu sewwa. “Min iħobb l-iżjed? Min inħafirlu 50 dinar jew min inħafirlu 500?” “Min ħafirlu iżjed” (ara Lq 7:42-43). Xmun stess jagħti l-lezzjoni lilu nnifsu. Ġesù bil-mod tiegħu jwassal ’l Xmun biex jifhem il-Mulej x’kien qiegħed jagħmel.

Ġesù ma jimpressjonjax ruħu bit-tikketti. Jara l-qalb

Ejjew nitolbu biex aħna jkollna l-ħarsa ta’ Ġesù. Ħafna drabi aħna wkoll ngħidu: ‘Dak ma tafx min hu?’ Kemm nużawha din l-espressjoni, aħna! ‘U dik ma tafx min hi?’ Għalina kulħadd magħruf. Ġesù ma jimpressjonjax ruħu bit-tikketti. Jara l-qalb. “Mur bis-sliem, il-fidi tiegħek salvatek” (Lq 7:50).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Tim 4, 12-16
Salm: 110 (111), 7-8.9.10
Evanġelju: Lq 7, 36-50

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply