Qari tal-Erbgħa tal-Ħames Ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħames Ġimgħa tal-Għid – L-Erbgħa

Qari I

Qatgħuha li jitilgħu Ġerusalemm ikellmu lill-appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni.

Atti 15, 1-6

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, niżlu f’Antjokja xi wħud mil-Lhudija u bdew jgħallmu lill-aħwa: “Jekk ma toqogħdux għaċ-ċirkonċiżjoni skont id-drawwa li ġejja minn Mosè, ma tistgħux issalvaw”. Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u ħaduha magħhom bis-sħiħ; għalhekk qatgħuha li Pawlu u Barnaba u xi wħud oħra minnhom jitilgħu Ġerusalemm ikellmu lill-appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni. Il-ġemgħa tal-Knisja marret tqabbadhom it-triq, u huma għaddew mill-Feniċja u s-Samarija, jitkellmu fuq il-konverżjoni tal-pagani u jnisslu ferħ kbir fost l-aħwa kollha.

Meta waslu Ġerusalemm, il-ġemgħa tal-Knisja, l-appostli u l-presbiteri laqgħuhom tajjeb u huma għarrfuhom b’dak kollu li Alla kien għamel magħhom. Iżda xi wħud min-naħa tal-Fariżej li kienu emmnu qamu jgħidu: “Jeħtieġ li l-pagani joqogħdu għaċ-ċirkonċiżjoni u jkunu obbligati jħarsu l-Liġi ta’ Mosè”. Għalhekk l-appostli u l-presbiteri ltaqgħu flimkien biex jaraw din il-kwistjoni.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 121 (122), 1-2.3-4a.4b-5

R/. (ara 1): Sejrin ferħana f’dar il-Mulej

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Fraħt meta qaluli:

“Sejrin f’dar il-Mulej!”

Diġà qegħdin riġlejna

fi bwiebek, Ġerusalemm! R/.

Ġerusalemm, mibnija bħal belt,

magħquda ħaġa waħda.

Lejha t-tribujiet jitilgħu,

it-tribujiet tal-Mulej. R/.

Hemm, skont il-liġi ta’ Iżrael,

ifaħħru isem il-Mulej.

Għax hemm twaqqfu t-tronijiet tal-ħaqq,

it-tronijiet tad-dar ta’ David. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 15, 4a.5b

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom, jgħid il-Mulej;

min jibqa’ fija jagħmel ħafna frott.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.

Ġw 15, 1-8

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għedtilkom. Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu. Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu