Qaddejja bl-ispirtu ta’ Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 18 ta’ Settembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-25 Ħadd tas-Sena. Ċentru tal-Vokazzjonijiet, Seminarju Tal-Virtù, Rabat.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Kemm tiddejjaq meta ma jifhmukx, speċjalment jekk ikunu ħbieb ta’ ġewwa. Tħoss għafsa ta’ qalb! Hekk ġralu Ġesù fil-ġrajja li smajna fl-Evanġelju.

Imma iktar u iktar kienet iebsa għal Ġesù meta hu ntebaħ li mhux biss ma fehmuhx – meta kien qed jitkellem fuq li se jbati, joqtluh u mbagħad iqum mill-mewt – imma li bejniethom, waqt li hu kien qed jitkellem fuq dan, huma kienu qed jitkellmu fuq xi ħaġa eżatt il-kontra. Hu qed jitkellem fuq li se jagħti lilu nnifsu, u huma jitkellmu fuq min fosthom hu l-akbar.

Għalhekk Ġesù pprova jispjegalhom wara. Innutaw li meta waslu Kafarnahum u staqsiehom, l-Evanġelju jgħid: “huma baqgħu siekta”. Għax intebħu li d-diskors tagħhom ma kienx dak li Ġesu kien għallimhom u wriehom. Għalhekk Ġesù jispjegalhom xi ħaġa hekk importanti: li dak li kienu qed jitkellmu fuqu – min hu l-akbar, min hu l-aqwa, min hu l-aktar importanti – imur kontra dak li jixtieq minnhom bħala dixxipli tiegħu.

Min hu l-akbar u l-aqwa

Il-messaġġ ta’ Ġesù jiswa ħafna għalina llum. L-ewwel nett, għax aħna kultant jiġrilna dak li seħħ hawnhekk fl-Evanġelju, li Ġesu jitkellem fuq ħaġa u aħna nitkellmu fuq oħra. Ħu diversi affarijiet li qal fl-Evanġelju. Per eżempju, Ġesù jgħid li l-kliem tagħna għandu jkun sinċier, u aħna kultant ngħidu dak li mhux veru; hu jitkellem diversi drabi fuq il-maħfra, u aħna kultant nitkellmu fuq il-vendikazzjoni.

Fuq din, imbagħad, għandna l-istess sfida li kellhom id-dixxipli ta’ Ġesù, jiġifieri li hu jitkellem fuq li aħna għandna nkunu qaddejja, u aħna kultant nitkellmu kultant fuq min hu l-akbar u min hu l-aqwa. Nixtieq nieqaf fuq dan il-punt, għaliex tant narah importanti għall-ħajja tagħna Nisranija, u għalina li għandna din is-sejħa biex naqduh fil-ministeru saċerdotali. Għaliex fostna wkoll hemm kultant din it-tendenza li aħna nitkellmu fuq min hu l-akbar, min jiġi l-ewwel, min hu l-aqwa. Innutaw kif anke kultant fil-festi tagħna reliġjużi. Tmur f’post u tibda tara dal-kliem: dominanza, superjorità, aħna l-akbar, aħna l-aqwa, aħna l-ewwel. Imbagħad, meta taqra dal-kliem ta’ Ġesù, tgħid: dan proprju l-kontra!

L-istedina ta’ Ġesù

Mhijiex biss dik ta’ barra, imma ta’ ġewwa wkoll, il-qalb li tfittex dan. Ġesù  lilna wkoll, bħala dixxipli tiegħu, jagħmlilna din l-istedina: biex aħna nkunu qaddejja. Jiġifieri li l-ispirtu li jmexxina jkun dak ta’ Ġesù nnifsu, bħalma wriena, bħalma għallimna.

X’differenza tagħmel meta int taqdi, meta tgħix il-vokazzjoni f’dan is-sens, bħala qaddejja? Din tgħodd għal kulħadd; għalina s-saċerdoti tgħodd ħafna, imma tgħodd għal kull Nisrani u Nisranija – min hu miżżewweġ, fil-familja, fil-postijiet tax-xogħol.

Meta int ma jkollokx dan l-ispirtu ta’ Ġesù, jew dak li jmexxik ikun kontra dan l-ispirtu ta’ Ġesù, inti tħares lejn l-oħrajn u tara x’tista’ tieħu minnhom. Naraw din mill-esperjenza, bħalma jsemmi wkoll San Ġakbu fit-Tieni Qari – toħloq ħafna “għira u ġlied” – għax tħares lejn l-oħrajn u tara x’tista’ takkwista minnhom. Ġesù, meta jgħidilna biex inkunu qaddejja, jgħid: int ħares lejn l-oħrajn, u ara l-ewwel x’tista tagħtihom, x’tista’ tagħmel għalihom. Din hi d-differenza kbira tal-ħajja Nisranija, u għal dan jistedinna Ġesù: biex aħna, fejn inkunu, kemm jekk ma’ dawk li ngħixu fil-familja, kemm ma’ dawk li naħdmu, kemm ma’ dawk li niltaqgħu, kemm fl-impenn tagħna fis-soċjetà, aħna nħarsu lejn l-oħrajn u ma narawx l-ewwel x’nistgħu nieħdu minnhom, x’nakkwistaw minnhom.

Tafu kemm tħalli esperjenza morra fis-soċjetà meta xi ħadd iħares lejn ħaddieħor u jarah bħal staffa li fuqha jista’ jitla’ hu u lill-ieħor iħallih isfel. Ma nħarsux lejn l-oħrajn u naraw biss x’nistgħu niksbu aħna minnhom, imma qabel xejn naraw x’nistgħu nagħtuhom, kif nistgħu ngħinuhom, kif nistgħu nkunu għalihom ta’ appoġġ, ta’ sapport, ta’ għajnuna. Araw x’differenza, anke fil-ħajja tal-familja, meta inti tħares lejn dawk li tgħix madwarhom – familji, kongregazzjonijiet reliġjużi, saċerdoti – u ma tarax x’se tieħu int l-ewwel, imma x’tista’ tagħti. Għax Ġesù għallimna li meta inti tagħti, hemmhekk issib tassew il-ferħ u l-paċi tiegħu fil-qalb. Meta inti tagħti, hemmhekk issib tassew ix-xebh ma’ Ġesù li tant għallimna fil-ħajja tiegħu.

Meta ngħidu li għandna nkunu qaddejja, illum trid tispjegaha sew. Meta inti taqdi, ma jfissirx li taqdi lil ħaddieħor billi tgħawweġ dak li hu tajjeb ħalli taġevola lil ħaddieħor; taqdi mhux dak ifisser. Jew taqdi b’xi mod jew ieħor lil xi ħadd biex tagħmlu dipendenti fuqek. Mhux dan il-qadi li jrid minna Ġesù. Imma jrid li aħna naqdu b’dan l-ispirtu tiegħu li tant uriena hu fil-ħajja tiegħu, u li tant jixtieq li aħna, bħala dixxipli tiegħu, ikollna wkoll.

Il-ħajja saċerdotali: ħajja ta’ qadi

Hawnhekk f’dan iċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet, nixtieq ngħid kemm dan hu importanti għalina s-saċerdoti, u dawk li qed jippreparaw ruħhom għas-saċerdozju, jew jixtiequ jsiru saċerdoti. Meta, fil-limitazzjonijiet u d-difetti tagħna, nippruvaw ngħixu b’dan il-mod, hi l-isbaħ preparazzjoni għall-ħajja saċerdotali, jekk din tkun is-sejħa minn Alla. Il-ħajja saċerdotali fl-aħħar mill-aħħar hi din: li aħna nkunu qaddejja ta’ Alla u qaddejja tal-poplu tiegħu, u li hemm insibu tassew il-ferħ f’ħajjitna. Mhux meta aħna nfittxu li niksbu aħna għalina nfusna, imma meta aħna nagħtu lilna nfusna bħalma għallimna Ġesù.

Nitolbu biex ikollna dan l-ispirtu, biex Ġesù jgħinna ħalli aħna nkunu nixbhuh bħala qaddejja, u fil-qadi tagħna mal-oħrajn, fil-qadi tagħna lill-oħrajn, insibu tassew il-ferħ u l-paċi f’qalbna.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply