Il-Konċilju Vatikan II. 60 sena wara

Print Friendly, PDF & Email

Kitba ta’ Monsinjur Lawrence Gatt

Qatt ma ħadt ħafna bis-serjeta’ lil min smajtu jgħid “Irid isir konċilju ieħor” jew “Naraw il-Konċilju Vatikan III”. Għax il-Konċilju li rajna fi żmienna kien avveniment kbir wisq biex malajr tistenna ieħor warajh. Naħseb li barra ż-żewġ gwerrer, l-ikbar ġrajja tas-seklu għoxrin, għall-Knisja, hija l-Konċilju, waqt li għal kulhadd hija l-waqgħa tal-komuniżmu fl-Ewropa.

Ma rridux nitilfu r-ritmu tal-Konċilju

Il-Konċilju huwa sintomu u mutur fl-istess ħin. Huwa sintomu ta’ fejn hi miexja l-istorja, ngħidulu sinjal taż-żmenijiet, u mutur għall-Knisja għax ħalla effett fuq l-insara kollha u r-relazzjoni tal-Knisja anki ma’ dawk li m’humiex insara .

Vatikan II huwa ġrajja kbira

Il-Konċilju huwa ġrajja kbira, ċertament ħafna akbar milli seta’ jimmaġina l-Papa San Ġwanni XXIII nnifsu meta f’Jannar 1959, qal lill-Kardinal Tardini li kellu ħsieb isejjaħ konċilju. Kien ġrajja ħafna akbar milli kien qed jaħseb l-istess Papa meta fil-11 ta’ Ottubru 1962 filgħaxija ħareġ fit-tieqa tal-appartament tiegħu u bħal ta x’wieħed jifhem li kellu mnejn li sal-aħħar ta’ dik is-sena il-Konċilju kien ser ikun intemm.

Il-Konċilju kien akbar ukoll milli setgħu ħasbu l-elfejn u ħames mitt isqof miġburin fil-ftuħ tiegħu dakinhar tal-11 ta’ Ottubru 1962. 

Anke tliet snin wara, meta fit-8 ta’ Diċembru 1965, il-Papa Pawlu VI ddikjara l-Konċilju magħluq, aktarx li la hu u lanqas tant oħrajn miegħu kienu għadhom ma fehmu biżżejjed il-kobor ta’ dik il-ġrajja.

Kien dakinhar, meta intemm il-Konċilju,  li aħna dħalna fil-Konċilju, mhux biss għax kienu nkitbu u ġew approvati s-sittax-il dokument li nafu, imma wkoll għax kien għad iridu joħorġu kwantità ta’ dispożizzjonijiet u provedimenti li forsi l-anqas niftakruhom. Imma nistgħu ngħidu wkoll li dakinhar  konna dħalna fil-fażi meta dak li ġie diskuss u nkiteb fil-Konċilju kien beda jiddepożita fl-imħuħ u l-qlub ta’ kull min konvint li dik il-ġrajja kienet ser taffettwa lilu jew lilha u lil kulħadd.

Vatikan II huwa avveniment kbir mhux għax meta kien qed isir għamel ħafna ħoss imma għaliex kien ilu żmien twil jinħass il-bżonn tiegħu. Sa mill-bidu tas-seklu għoxrin, il-Papa San Piju X kien tkellem dwar il-bżonn li lajċi ppreparati jgħallmu jibdew l-fidi tagħhom. Għalina, hawn Malta kienu s-snin meta Dun Ġorġ Preca ta l-Iskrittura f’idejn il-lajċi, kontra ta’ kif kienet l-użanza,  u qallhom imorru jgħallmu,  kemm irġiel u, b’għaġeb kbir f’dak iż-żmen, anki nisa.

Ftit taż-żmien wara, Piju XI nieda l-Azzjoni Kattolika, l-ewwel fl-Italja u mbagħad ma’ kullimkien. Kien ukoll dak iż-żmien li ssaħħew l-istudji bibliċi u beda jissemma’ t-talb għall-għaqda fost l-Insara.

Wara Piju XI u l-parentesi traġika tal-gwerra, jekk inqisu l-maġisteru ta’ Piju XII, insibu li huwa jmiss dawk li wara saru l-punti nevralġiċi tat-tagħlim tal-Konċilju, l-ekkleżjoloġija,, il-missjoni, il-liturġija, il-Knisja fid-dinja tal-lum, il-bijoetika u oħrajn. Mhux ta’ b’xejn li jgħidu li dak il-Papa kellu ħaj fih il-presentiment ta’ Konċilju, minkejja li qatt ma ta l-pass! 

Imbagħad ġie dan is-“Sinodu” kbir li ngħidulu l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II. Imma, kif ġa għidna, tista’ tgħid li beda iseħħ tassew dak inhar li l-isqfijiet marru lura d-dar. Barra mill-opra mmensa, il-ħmistax-il sena tal-Papa Pawlu VI, il-Konċilju kien qed jaħdem, fejn iżjed u fejn inqas, mad-djoċesijiet kollha.

Ġew, imbagħad, żewġ Papiet li t-tnejn għamlu ħoss kbir. Għal ħamsa u tletin sena sħaħ, fi kliemhom u fil-kitbiet tagħhom kont tisma’ u taqra dejjem il-Konċilju Vatikan II. Sadattant il-Knisja, bil-grazzja ta’ Alla u minkejja ħafna persekuzzjoni, baqgħet miexja. L-opinjonijiet fuq dawn iż-żewġ papiet mhux dejjem jaqblu. Anki papiet kbar ikollhom il-mod u l-istil tagħhom. L-opinjonijiet fid-dinja tal-lum jinstemgħu malajr, jinstemgħu kullimkien u jinfluwenzaw lil xulxin. Kienu diversi li dehrilhom li Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI ttardjaw il-mixja tal-Konċilju. Imma l-ġudizzjoni ġenerali mad-dinja fuq dawn iż-żewġ Papiet ifakkar ukoll li huma kellhom jiffaċċjaw diffikultajiet kbar, anki internament mill-Knisja nfisha.

Ma rridux nitilfu r-ritmu tal-Konċilju

Sittin sena wara, fil-mixja tal-Konċilju mal-Papa Franġisku, il-Knisja qisha qalbet paġna oħra fl-istorja tagħha. Il-ktieb baqa’ wieħed, imma meta taqleb paġna, u dan jiġri anki fil-ħajja tal-bniedem, paġna ġdida tista’ tbeżżgħek xi ftit, imma ttik ħajja ġdida. Il-Papa Franġisku ma naħsibx li joħlom f’konċilju ieħor. Quddiemu għandu dak il-Konċilju li aħna nafu u li mhux l-ewwel darba naljenaw rasna minnu u ninsewh. Franġisku ma jinsiehx. Għexu f’żogħżitu u jrid jgħixu issa li hu Papa. Mill-bidu tal-pontifikat tiegħu ried li fil-Konċilju ifittex l-egħruq tal-Fidi tagħna, lil Sidna Ġesù Kristu, il-Vanġelu, u jħoss il-frisk tiegħu.

Ma nippretendux li nħossu l-freskezza li kellhom l-Appostli li għexu ma’ Ġesù, kielu u raqdu miegħu. Imma l-Konċilju jistedinna li mmorru għal dik il-ħeġġa u għal dak il-ferħ li kellhom huma. Hekk jagħmel partkolarment mar-reliġjużi. Morru fittxu l-ispirtu tal-fundaturi, mhux biex tilbsu bħalhom, għax tkunu antikwati, imma biex tgħixu bħalhom u tkunu “riċiklati”.

Jidhirli li din hi l-mentalità tal-Papa Franġisku. Nibqgħu mexjin bl-imbuttatura li tana l-Konċilju. F’ ċertu sens hekk għamlet il-Knisja wara l-ġrajja tal-Konċilju ta’ Trentu. Dik kienet skossatura bħal ta’ żmienna.  Ħolqu l-kelma “kontro-riforma”, espressjoni mhix feliċi. Imma kulħadd fehmha. Riedet tgħid nirbħu l-maltemp li qajjem il-protestantiżmu. Ħadd ma ried jgħid “Ma rrid nirriforma xejn”. Ma rridux it-taħwid u l-firda. Sittin sena ilu l-Kardinal Bea qal, “Nistgħu ngħidu li għalqet il-kontro-riforma”. Jiġifieri li l-Konċilju ta’ Trentu kellu l-missjoni li jagħti injezzjoni lill-Knisja, iqajjimha.

Issa qegħdin fi żmien jixbaħ lil dak. Ħadna l-injezzjoni ta’ Konċilju ieħor. Ma rridux nitilfu r-ritmu tiegħu. Il-Papa minkejja li hu anzjan, imma jħeġġeġ lill-Knisja biex tgħix iż-żogħżija tal-bidu. Ġesù miet u qam, ma xjieħx! Għandna x-xorti qed ngħixu l-injezzjoni tal-Konċilju ta’ żmienna. F’ċertu sens qegħdin dejjem fil-bidu tal-effetti tagħha.

Aktar dwar il-Konċilju Vatikan II fil-Laikos …

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.